Aqbeż għall-kontentut

BirdLife Malta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

BirdLife Malta huwa l-akbar moviment ambjentali f'Malta. L-għan iddikjarat tal-organizzazzjoni huwa li tikseb "il-protezzjoni tal-għasafar selvaġġi, l-ambjent naturali u l-bijodiversità".[1]

BirdLife Malta hija wkoll l-ewwel NGO ambjentali rreġistrata ta' Malta. Din twaqqfet f'Jannar tal-1962, u dak iż-żmien kienet magħrufa bħala MOS (Malta Ornithological Society). Beda aktar bħala grupp ta' studju, iżda malajr raw li l-għasafar selvaġġi kellhom bżonn kbir ta' protezzjoni. Illum Birdlife Malta taħdem biex tipproteġi l-popolazzjonijiet tal-għasafar f'Malta.

Malta hija stat gżira żgħir fil-Mediterran b'popolazzjoni densa ħafna, mingħajr l-ebda żoni tassew selvaġġi. L-akbar theddid għall-għasafar f'Malta huma l-qerda tal-ambjent naturali (eż. toroq ġodda, żvilupp ta' bini, lukandi, korsijiet tal-golf), tfixkil u persekuzzjoni diretta (kaċċa u nsib ). Malta ġiet deskritta f'The New Yorker bħala "l-aktar post ostili għall-għasafar selvaġġi fl-Ewropa".[2]

BirdLife Malta tuża diversi metodi biex tipproteġi l-għasafar. L-aktar metodi prominenti tagħha huma l-edukazzjoni, speċjalment permezz ta’ kampanji fl-iskejjel, pubblikazzjonijiet, il-midja u sezzjoni attiva ta’ membri żgħar; il-ġestjoni ta’ żewġ riżervi naturali ta’ artijiet mistagħdra, jiġifieri l-Għadira u Is-Simar; lobbying mal-awtoritajiet għal leġiżlazzjoni aħjar dwar il-protezzjoni tal-għasafar; assistenza lill-pulizija fl-infurzar aħjar tal-liġi; ir-rkupru u t-titjib tal-ambjent naturali degradat; u riċerka dwar l-għasafar u l-ħabitat tagħhom biex jiġu identifikati aktar żoni għall-protezzjoni.

BirdLife Malta toħroġ diversi newsletters u rivisti għall-membri tagħha, u tippubblika kotba dwar l-istorja naturali, bħal per ezempju Nature in Gozo (2007).[3]

BirdLife Malta hija organizzazzjoni kompletament volontarja u tiddependi fuq sottoskrizzjoni u donazzjonijiet. In-numru ta' membri msieħba huwa ta' madwar 3,000.

BirdLife Malta hija msieħba f'BirdLife International, netwerk globali ta’ organizzazzjonijiet ambjentali f’100 pajjiż u territorju.

  1. "BirdLife Malta: About Us". BirdLife Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-9 April 2009. Miġbur 1 April 2009.
  2. Jonathan Franzen, “Emptying the Skies,” The New Yorker, July 26, 2010, p. 48
  3. "BirdLife Launches Seminal Publication on Gozo's Wildlife". The Malta Independent. 15 Ottubru 2007.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]