Aqbeż għall-kontentut

Belt Storika tal-Moskej ta' Bagerhat

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Skont id-direzzjoni tal-arloġġ minn fuq: il-Moskea tas-Sittin Koppla, il-Moskea tad-Disa' Koppli, il-Moskea ta' Chuna Khola, il-Moskea ta' Ronvijoypur, il-Moskea ta' Bibi Begni u l-Moskea ta' Singar.

Il-Belt Storika tal-Moskej ta' Bagerhat (bil-Bengali: মসজিদের শহর বাগেরহাট, b'ittri Rumani: Môsjider Shôhôr Bagerhat; storikament magħrufa bħala Khalifatabad) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fid-Distrett ta' Bagerhat, il-Bangladesh.[1] Fiha 360 moskea, binjiet pubbliċi, mawżolej, pontijiet, toroq, ġibjuni tal-ilma u binjiet pubbliċi oħra li nbnew bil-brikks moħmijin. Il-moskej inbnew fi żmien is-Sultanat ta' Bengal fis-seklu 15 W.K., u l-Moskea tas-Sittin Koppla hija l-ikbar waħda fosthom. Moskej oħra jinkludu l-Moskea ta' Singar, il-Moskea tad-Disa' Koppli, il-Qabar ta' Khan Jahan, il-Moskea ta' Bibi Begni u l-Moskea ta' Ronvijoypur. Il-moskej inbnew matul il-governanza ta' Ulugh Khan Jahan, uffiċjal militari Tork maħtur bħala gvernatur fis-Sundarbans mis-Sultan Mahmud Shah ta' Bengal.

Is-sit kien magħruf bħala "belt taz-zekka" tas-Sultanat ta' Bengal. Bagerhat fiha waħda mill-ikbar konċentrazzjonijiet ta' moskej ta' żmien is-sultanat fil-Bangladesh. Il-belt storika fiha iktar minn 50 struttura li nbnew bl-istil lokali tas-Sultanat ta' Bengal li huwa varjant tal-arkitettura Indo-Iżlamika. Xi kultant dan l-istil jissejjaħ bħala "l-istil ta' Khan Jahan". Dawn il-moskej instabu wara t-tneħħija tal-veġetazzjoni li kienet ħakmithom u għattiethom għal bosta sekli. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1] L-iżjed struttura magħrufa hija l-Moskea tas-Sittin Koppla li fil-fatt għandha 60 pilastru u 77 koppla.[2] Il-moskej kollha għandhom tiżjin bit-terrakotta u arabesk.[3]

Il-belt storika tal-moskej tinsab fin-Nofsinhar ta' Bengal qrib l-estwarju enormi tad-delta ta' Bengal. Tinsab 60 kilometru (37 mil) mill-kosta tal-Bajja ta' Bengal. Il-belt tkopri erja ta' 50 kilometru kwadru (19-il mil kwadru), max-xtut tal-fergħa staġnata tax-xmara Bhairab tul medda ta' 6 kilometri (3.7 mili) mil-Lvant għall-Punent, u wiesgħa madwar 25 kilometru (16-il mil) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, li tagħmel parti mill-foresti tal-mangrovji tas-Sundarbans. Illum il-ġurnata l-monumenti kollha jinsabu f'ambjent rurali mhux mittiefes, imdawwar bis-siġar tal-palm.

Arabesk tat-terrakotta fir-rokna ta' ħajt tal-Moskea tas-Sittin Koppla.

Is-Sultanat ta' Bengal ħatar lil Khan Jahan Ali, magħruf ukoll bħala Ulugh Khan, bħala l-gvernatur tiegħu fis-Sundarbans fin-Nofsinhar ta' Bengal matul is-seklu 15. Ulugh Khan Jahan kien persuna ta' oriġini Torka. It-titlu ta' Ulugh kien komuni fost il-mexxejja mit-tradizzjoni Torka-Persjana. Is-Sultanat ta' Bengal attira bosta immigranti mil-Lvant Nofsani u mill-Asja Ċentrali, li ġabu magħhom l-ideat tal-arkitettura Iżlamika. Is-Sufiżmu ġie mgħallem mill-missjunarji Musulmani biex jattiraw lill-popolazzjoni lokali. Il-konċentrazzjoni kbira ta' moskej tissuġġerixxi r-rapidità li biha l-popolazzjoni lokali kkonvertiet għall-Iżlam.

Skont l-inċiżjonijiet fuq il-muniti ta' żmien is-sultanat, il-belt inbniet fis-seklu 15 u kienet magħrufa bħala Khalifatabad fis-seklu 16.

Ulugh Khan Jahan amministra l-inħawi li llum il-ġurnata jkopru partijiet mid-Diviżjonijiet ta' Khulna u ta' Barisal fil-Bangladesh. L-inċiżjonijiet li nstabu f'Bagerhat jindikaw li l-moskej inbnew matul ir-renju tas-Sultan Mahmud Shah bejn l-1450 u l-1459. Interessanti li Mahmud Shah kien responsabbli wkoll għat-trasferiment tal-belt kapitali ta' Bengal minn Pandua għal Gauda. Ir-renju ta' Mahmud Shah kien immarkat minn żvilupp arkitettoniku sinifikanti. Fin-Nofsinhar ta' Bengal, il-belt storika tal-moskej ta' Bagerhat toħroġ fid-dieher l-istil sempliċistiku ta' Khan Jahan bħala varjant tal-arkitettura Iżlamika ta' Bengal. Ulugh Khan Jahan kien responsabbli għall-istabbiliment ta' belt ippjanata b'toroq, b'pontijiet u b'ġibjuni għall-provvista tal-ilma (li minnhom għadhom jeżistu Ghoradighi u Dargadighi), b'ċisterni, u b'diversi moskej u oqbra. Ulugh Khan Jahan kien Musulman Sufist.

Fl-1895 sar stħarriġ estensiv tal-inħawi mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja Brittanika, u fl-1903–1904 beda r-restawr tal-Moskea tas-Sittin Koppla. Fl-1907-1908 parti mis-saqaf u 28 koppla ġew irrestawrati. Fl-1983, l-UNESCO fasslet pjan direzzjonali għall-inħawi ta' Bagerhat u l-belt storika saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[1]

Torri tar-rokna tal-Moskea tad-Disa' Koppli.

Il-kumplament tal-binjiet tal-belt fil-biċċa l-kbira huma moskej u pontijiet, li iktar 'il quddiem il-popolazzjoni lokali ma żarmathomx biex tuża l-materjali tagħhom. Ftit mid-djar oriġinali għadhom jeżistu. Il-binjiet il-kbar jużaw verżjoni tal-istil tas-Sultanat ta' Bengal li taqa' taħt l-arkitettura Indo-Iżlamika, b'elementi ta' diversi stili, fosthom ta' Bengal, Persjani u Għarab. Il-belt kellha 360 moskea (il-biċċa l-kbira b'disinn identiku) u bosta binjiet pubbliċi, mawżolej, pontijiet, network ta' toroq u ġibjuni tal-ilma. Il-materjal li ntuża għall-kostruzzjoni tal-binjiet kien brikks moħmijin, li mas-sekli ddeterjora minħabba l-kundizzjonijiet ta' salinità tal-ħamrija u l-atmosfera.

Il-moskej għandhom torrijiet tondi fl-erba' rkejjen; xi kultant dawn jogħlew 'il fuq mill-bqija tal-bejt u jiffurmaw minareti fl-erba' rkejjen tal-moskea. Meta mqabbel ma' minareti oħra dawn huma tassew qosra.

Il-pjanta tal-belt storika, li ħarġet fid-dieher wara t-tneħħija reċenti tal-ħaxix ħażin li kien kiber u għatta l-monumenti, tindika li l-belt żviluppat f'żewġ żoni distinti; iż-żona prinċipali hija fejn hemm il-Moskea ta' Shait Gumbaz u l-kwartieri tal-madwar, filwaqt li ż-żona l-oħra lejn il-Lvant hija dik ta' madwar il-Mawżolew ta' Khan Jahan. Iż-żewġ żoni huma sseparati minn xulxin b'distanza ta' 6.5 kilometri (4.0 mili).

Minaret tal-Moskea tas-Sittin Koppla.

Din li ġejja tinkludi lista parzjali tal-moskej, tal-oqbra jew tal-mawżolej u monumenti oħra li ġew irrestawrati minn qalb l-għadd kbir ta' fdalijiet fil-belt storika.

Moskea tas-Sittin Koppla

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Moskea tas-Sittin Koppla, max-xatt tal-Lvant ta' ġibjun jew tank tal-ilma (Ghora Dighi), hija waħda mill-eqdem moskej fil-pajjiż u tiġi deskritta bħala "moskea storika li tirrappreżenta l-Epoka tad-Deheb ta' Bengal Musulmana". Il-moskea għandha pjanta rettangolari ta' 148'6" b'101'4" minn barra u ta' 123'3" b'76'2" minn ġewwa. Il-moskea hija unika għax għandha 60 pilastru li jirfdu 77 koppla baxxi li maż-żmien iddeterjoraw kemxejn; il-moskea għandha seba' koppli ċentrali b'erba' naħat mibnijin bl-istil ta' Bengal. Ġiet stabbilita fl-1440 minn Khan Jahan Ali.

Il-minareti fihom żewġ sulari u għandhom għamla tonda; gwarniċi huma pprojettati madwar ix-xaftijiet sa nofs l-għoli tal-minareti u hemm tieqa wkoll f'dan l-għoli li tipprovdi ventilazzjoni u dawl. Fi ħdan il-minar hemm taraġ spirali li jwassal sal-quċċata.

Mihrab tal-Moskea tad-Disa' Koppli.

Il-moskea kienet tintuża għat-talb, bħala sala fejn jinġemgħu n-nies u bħala madrasa (skola Iżlamika). Fuq il-bejt tagħha hemm 77 koppla u erba' koppli żgħar oħra fl-erba' rkejjen fejn hemm erba' torrijiet (dawn it-torrijiet kienu jintużaw biex il-muezzin isalli u jsejjaħ lill-fidili għat-talb). Is-sala l-kbira tat-talb fiha 11-il daħla bil-ħnejjiet fil-Lvant, seba' fit-Tramuntana u seba' fin-Nofsinhar li jipprovdu ventilazzjoni u dawl fis-sala. Hemm seba' korsiji lonġitudinali u 11-il niċċa fonda qalb kolonni rqaq tal-ġebel. Dawn il-kolonni jirfdu ħnejjiet kurvi taħt il-koppli. Is-sala tal-Punent fuq ġewwa fiha ħdax-il mihrab imżejna b'lavur tal-ġebel u terrakotta, filwaqt li l-art hija tal-brikks. Il-ħitan u l-mihrab kienu affettwati mis-sulfati għalkemm il-biċċa l-kbira tal-ħsara tneħħiet. Il-ħnejjiet huma ħoxnin 6 piedi (1.8 metru) u jirqaqu kemxejn lejn il-ħitan ġejjin għat-tond. Il-moskea kienet tintuża wkoll għall-qorti ta' Khan Jahan Ali. Issa tattira għadd kbir ta' turisti u viżitaturi. Il-moskea hija mżejna l-iktar bit-terrakotta u bil-brikks.

Moskea tad-Disa' Koppli

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Moskea tad-Disa' Koppli tinsab fil-Punent tal-ġibjun ta' takur dighi u nbniet fis-seklu 15. Tinsab qrib il-Qabar ta' Khan Jahan Ali. Il-ħajt tal-Punent tagħha konvenzjonalment iħares lejn il-Punent lejn il-Mekka, fejn huwa inkorporat il-mihrab; motivi bil-fjuri tat-terrakotta jżejnu l-ħitan tal-mihrab. Hemm torrijiet ċirkolari fl-erba' rkejjen. Il-ħitan tal-moskea jirfdu koppla ċentrali kbira li għandha tmien koppli iżgħar madwarha. Din l-istruttura kienet affettwata wkoll mis-sulfati iżda ġiet irrestawrata b'mod sostanzjali. Qrib din il-moskea hemm il-Moskea u l-Qabar (mazar) ta' Zinda Pir, li issa jinsabu fi stat ta' fdalijiet.

Moskea ta' Singar

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Moskea ta' Singar tinsab fuq in-naħa l-oħra tat-triq ta' faċċata tal-Moskea tas-Sittin Koppla, lejn in-naħa tax-Xlokk tagħha. Għandha għamla kwadra b'koppla waħda. Skont il-karatteristika tipika tal-istil ta' Khan Jahan, il-koppla hija mirfuda fuq ħitan ħoxnin b'gwarniċ imtarraġ fuqhom. Il-Moskea ta' Bigi Begni u l-Moskea ta' Chuna Khola wkoll għandhom koppla waħda iżda ta' daqs ferm ikbar.

Moskea ta' Ronvijoypur

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Moskea ta' Ronvijoypur għandha l-ikbar koppla fil-Bangladesh. Wiesgħa 11-il metru (36 pied) u hija mirfuda mill-ħnejjiet u minn gwarniċi mtarrġin. Fl-irkejjen hemm turretti ċirkolari mtarrġin, filwaqt li fil-gwarniċ estern hemm daqsxejn ta' kurvatura. Minn ġewwa l-moskea hija sempliċi. Madankollu, il-mihrab prinċipali għandhom tiżjin b'disinni ta' fjuri. Il-moskea tinsib fuq in-naħa opposta tal-Qabar ta' Khan Jahan tul it-triq bejn Khulna u Bagerhat. Inbniet bl-istil arkitettoniku ta' Khan Jahan. Ġiet rinnovata bosta drabi fl-imgħoddi matul is-snin 60 u 70 tas-seklu 20. Madankollu, teħtieġ iktar tiswijiet sabiex tiġi evitata l-umdità fi ħdan il-qabar, kif ukoll biex jiġu rinnovati l-brikks tal-uċuħ esterni tal-istruttura.

Moskea ta' Chuna Khola

[immodifika | immodifika s-sors]
Mihrab fil-Moskea ta' Chuna.

Il-Moskea ta' Chuna Khola, li nbniet fis-seklu 15, tinsab qalb l-għelieqi tar-ross fil-villaġġ ta' Chuna Khola (li ngħata ismu minħabba l-estrazzjoni tal-ġebla tal-ġir li kienet popolari fl-imgħoddi). Ġiet identifikata bħala li tirrappreżenta tranżizzjoni mill-monumenti bl-istil ta' Khan Jahan. Hija binja kwadra b'ħitan ta' 7.7 metri (25 pied) u ħoxnin 2.24 metri (7 piedi 4 pulzieri). Fiha tliet daħliet fuq in-naħa tal-Lvant, fuq in-naħa tat-Tramuntana u fuq in-naħa tan-Nofsinhar. Għandha tliet mihrab; il-mihrab ċentrali huwa l-ikbar wieħed u huwa pprojettat 'il barra. Il-moskea għandha koppla emisferika bi ħnejjiet frontali. Hemm ukoll strutturi qishom ħnejjiet ġejjin għat-tond u nofs koppli. Hija moskea bi stil ferm differenti mill-istil ta' Khan Jahan fit-tiżjin estern tagħha, b'mod partikolari l-faċċata tal-Lvant, fejn hemm erba' panewijiet rettangolari kkonfinati minn skrolli bil-weraq u minn merluni b'motivi bil-pjanti. Il-moskea għandha erba' turretti bi gwarniċi bil-kurvatura. Il-ħitan tal-brikks, b'mod partikolari, ġarrbu ħsara sew minħabba l-effett tas-sulfati. Il-moskea ġiet rinnovata fis-snin 80 tas-seklu 20 skont il-linji gwida stabbiliti mill-UNESCO.

Qabar ta' Khan Jahan

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Mawżolew jew il-Qabar ta' Khan Jahan jinsab max-xatt tat-Tramuntana ta' ġibjun jew tank tal-ilma (fil-fatt għadira infestata bil-kukkudrilli) imsejħa thakur dighi bil-Bengali. Il-ġibjun għandu għamla kwadra u l-materjal skavat minnu ntuża biex tħejjew il-pedamenti li fuqu nbnena l-mawżolew. Wieħed jaċċessa l-ġibjun permezz ta' taraġ wesgħin u weqfin mill-pedamenti tal-mawżolew. Il-mawżolew għandu struttura b'koppla waħda mibnija fuq pjanta kwadra ta' 47'0" b'47'0" minn barra, filwaqt li minn ġewwa għandu pjanta kwadra ta' 28'2" bi 28'2". Il-binja nbniet b'ħitan tal-brikks fuq ħames saffi tal-ġebel li jiffurmaw il-pjan terran. Minn sorsi ddokumentati tal-1866, jissemma wkoll li l-pavimentar sar b'madum eżagonali b'disinni u b'kuluri differenti (l-iktar blu, abjad u isfar). Madankollu, fil-kundizzjoni attwali tiegħu, dan it-tip ta' madum għadu jidher biss fuq xi ftit tarġiet tal-mawżolew stess. Il-qabar għandu ġebel iswed li ntuża għall-kostruzzjoni tiegħu fi tliet fażijiet suċċessivi. Hemm versi mill-Koran inċiżi bl-Għarbi u bil-Persjan. Hemm ukoll inċiżjonijiet fuq il-ħitan tal-kripta li jingħad li jipprovdu tagħrif storiku dwar il-ħajja ta' Ulugh Khan Jahan. Wara li rtira, Khan Jahan qatta' l-bqija ta' ħajtu hawnhekk u wara mewtu fil-25 ta' Ottubru 1459, il-qabar tiegħu ġie ppreservat. Issa s-sit huwa sit ta' pellegrinaġġ fejn in-nies jagħtu ġieħ lir-raġel li ddedika ħajtu għall-kostruzzjoni tal-belt u tal-monumenti tagħha. Il-Qabar ta' Pir Ali (qarib ta' Khan Jahan) huwa binja annessa ma' dan il-mawżolew b'konfigurazzjoni identika. Mehmuża mal-mawżolew hemm ukoll il-Moskea ta' Dargha.

Il-Mużew tal-Belt Storika tal-Moskej ta' Bagerhat.

Ġie stabbilit mużew żgħir fis-sit mid-Direttorat tal-Arkeoloġija tal-Bangladesh, b'kollaborazzjoni mal-UNESCO, quddiem il-Moskea ta' Shait Gumbaz, fejn jinsabu għall-wiri l-antikitajiet tal-inħawi tas-sit storiku sabiex jipprovdu għarfien dwar l-istorja ta' Bagerhat. Il-mużew fih tliet galleriji ta' artefatti għall-wiri marbuta mal-Belt Storika tal-Moskej ta' Bagerhat, li jinkludu inċiżjonijiet, bċejjeċ tal-fuħħar, plakek tat-terrakotta u brikks ornamentali. Hemm ukoll għadd ta' ritratti u tpinġijiet tal-binjiet storiċi importanti tal-Bangladesh.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt Storika tal-Moskej ta' Bagerhat ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. ^ a b ċ d e "Historic Mosque City of Bagerhat - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-22.
  2. ^ "(PDF) Documentation of Islamic Heritage of Bangladesh". web.archive.org. 2022-06-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-06-05. Miġbur 2025-02-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Mikey Leung; Belinda Meggitt (1 November 2009). Bangladesh. Bradt Travel Guides. pp. 261–. ISBN 978-1-84162-293-4.