Aqbeż għall-kontentut

Belt Kolonjali ta' Santo Domingo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Belt Kolonjali ta' Santo Domingo
Mudell:Dati pajjiż Repubblika Dominicana
Amministrazzjoni
Stat sovranRepubblika Dominicana
Administrative territorial entity of the Dominican RepublicDistrito Nacional (en) Translate
BeltSanto Domingo
Ġeografija
Koordinati 18°28′N 69°53′W / 18.47°N 69.88°W / 18.47; -69.88Koordinati: 18°28′N 69°53′W / 18.47°N 69.88°W / 18.47; -69.88
Belt Kolonjali ta' Santo Domingo is located in the Dominican Republic
Belt Kolonjali ta' Santo Domingo
Belt Kolonjali ta' Santo Domingo
Belt Kolonjali ta' Santo Domingo (the Dominican Republic)
Superfiċjenti 106 ha
Demografija

Il-Belt Kolonjali ta' Santo Domingo (bl-Ispanjol: Ciudad Colonial) hija l-kwartier ċentrali storiku tal-belt kapitali tar-Repubblika Dominicana, Santo Domingo. Hija l-eqdem insedjament abitat kontinwament li ġie stabbilit mill-Ewropej fl-Amerki. Iż-żona, magħrufa wkoll bħala Zona Colonial (Żona Kolonjali) jew sempliċement bħala La Zona (Iż-Żona) tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[1]

Il-Belt Kolonjali ta' Santo Domingo tinsab max-xatt tal-Punent tax-xmara Ozama, li taqsam il-belt fi tnejn. Tkopri erja ta' 1.06 km2 (0.41 mili kwadri) ikkonfinata minn perimetru mdawwar bis-swar. Hija sezzjoni importanti mill-belt minħabba l-għadd kbir ta' attrazzjonijiet storiċi, fosthom l-Alcázar de Colón, il-Fortaleza Ozama, il-Catedral de Santa María la Menor, u oħrajn. Iż-żona hija l-attrazzjoni turistika prinċipali ta' Santo Domingo, minkejja li s-siti prinċipali tal-attivitajiet tal-gvern u kummerċjali issa jseħħu fil-partijiet iktar moderni tal-belt.

Il-Katidral ta' Santa María la Menor minn ġewwa.

L-ewwel insedjament f'dik li issa hija Santo Domingo ġie stabbilit minn Bartholomew Columbus max-xatt tal-Lvant tax-xmara Ozama lejn l-aħħar tas-seklu 15. Madankollu, wara l-uragan tal-1502 li fost il-vittmi qatel lil Francisco de Bobadilla, il-belt ġiet rilokata max-xatt tal-Punent taħt it-tmexxija ta' Nicolás de Ovando. Ovando u s-suċċessur tiegħu Diego Colón issorveljaw l-ewwel kostruzzjonijiet tal-Belt Kolonjali, li l-biċċa l-kbira minnhom għadhom jeżistu sal-lum. Il-fortifikazzjonijiet ta' Santo Domingo kienu karatteristika importanti tal-pajsaġġ urban. Is-swar tad-difiża (muralla) kienu estiżi mix-xmara Ozama sal-Puerta del Conde, li kienet id-daħla għall-periferija u l-konfini tal-Punent tal-belt sal-aħħar tas-seklu 19.

L-Ispanjoli użaw dan l-insedjament bħala l-ewwel punt ta' influwenza fl-Amerki, u minn hemm ħakmu gżejjer oħra tal-Karibew u l-biċċa l-kbira tal-art kontinentali tal-Amerki. Santo Domingo inizjalment kienet iċ-ċentru politiku u kulturali tal-preżenza Spanjola fid-Dinja l-Ġdida, iżda wara ftit deċennji bdiet tbatti u l-Ispanjoli ffukaw l-attenzjoni tagħhom iktar fuq l-art kontinentali wara li ħakmu l-Messiku, il-Perù, u reġjuni oħra tal-Amerka Latina. Minkejja dan, il-Belt Kolonjali baqgħet sit storiku importanti.

Fl-1655, il-Belt Kolonjali ġarrbet assedju mmexxi mill-uffiċjali Ingliżi William Penn u Robert Venables. L-invażjoni tal-1655 ġiet megħluba mit-truppi Spanjoli kkmandati mill-Kaptan-Ġeneral tal-Kolonja, Don Bernardino de Meneses y Bracamonte, il-Konti ta' Peñalva, li għalih ġiet imsemmija l-Puerta del Conde ("id-Daħla tal-Konti"). Is-swar difensivi ġew immodifikati matul dan l-episodju. Qabel l-invażjoni, kien hemm forti fis-sit fejn illum hemm il-Puerta del Conde, imsejjaħ Fuerte San Genaro. Huwa maħsub li l-modifika li seħħet wara l-assedju kienet tinvolvi t-twessigħ tas-swar sal-forti, u effettivament inħoloq bastjun magħruf bħala El Baluarte del Conde.

Fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, il-belt bdiet tikber lil hinn mill-konfini antiki tagħha, iżda l-Belt Kolonjali baqgħet iċ-ċentru prinċipali tal-attivitajiet sal-era ta' Trujillo. Trujillo ssorvelja wkoll ir-restawr ta' monumenti ewlenin, fosthom l-Alcázar de Colón fil-bidu tas-snin 50 tas-seklu 20.

Belt Kolonjali llum

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Park ta' Kolombu.

L-ispazju pubbliku ċentrali tad-distrett huwa Parque Colon, pjazza li tikkonfina mal-katidral tas-seklu 16 u li f'nofsha hemm statwa tal-bronż tal-aħħar tas-seklu 19 ta' Kristofru Kolombu. Fil-Lvant ta' Parque Colón, Calle Las Damas pavimentata biċ-ċagħaq hija l-iżjed triq pavimentata antika tad-Dinja l-Ġdida, u tmur lura għall-1502. It-triq tmiss ma' bosta mill-attrazzjonijiet prominenti tal-Belt Kolonjali, fosthom il-Fortaleza Ozama, is-sit ta' avvenimenti ewlenin fl-istorja tar-Repubblika Dominicana; Casa de Bastidas, li issa tospita mużew tat-tfal; l-Ambaxxata Franċiża, f'binja li jingħad li kienet id-dar ta' Hernán Cortés; Casa de Ovando, li jingħad li kienet l-eks residenza tal-Gvernatur Nicolás de Ovando u issa hija lukanda lussuża msejħa Hodelpa Nicolas de Ovando; il-Panteon Nazzjonali tar-Repubblika Dominicana; u l-Museo de las Casas Reales, fl-eks palazz tal-gvernatur u l-binja tal-Audiencia.

Calle del Conde hija triq għall-mixi biss li tinkludi diversi binjiet kummerċjali notevoli tal-bidu tas-seklu 20 u tikkollega Parque Colon mal-Puerta del Conde u ma' Parque Independencia. Distrett kummerċjali tradizzjonali ieħor hija l-parti ta' Avenida Duarte fit-Tramuntana tal-Belt Kolonjali, li attwalment qed tiġi rrinnovata bl-għan li tkun iktar attraenti għat-turisti.

Fin-naħa tat-Tramuntana ta' Calle Las Damas, il-Plaza de España rrestawrata u mkabbra tmiss ma' Las Atarazanas (eks stabbiliment navali u issa mużew) u għadd ta' ħwienet u ristoranti żgħar. Din iż-żona kienet wieħed mill-ewwel ċentri kummerċjali fl-Amerki, u llum il-ġurnata għadu ċentru tal-attività kummerċjali. L-Alcázar de Colón, li fl-imgħoddi kien il-palazz kolonjali tal-familja Kolombu — l-ewwel ta' ibnu Diego — issa huwa mużew b'għamara u b'dekorazzjonijiet tal-epoka għall-wiri. Oriġinarjament il-binja nbniet fl-1510 u ġiet irrestawrata għad-dehra attwali tagħha fl-1952.

Sar investiment ta' 700 miljun dollaru Amerikan fil-port tax-xmara Ozama biswit il-Belt Kolonjali, bl-għan li l-port ta' Santo Domingo jibda jilqa' l-bastimenti l-kbar tal-kruċieri, u jinkludi marina b'sjieda privata. Il-proġett tlesta minn Sans Soucí Ports S.A. Dan il-proġett ambizzjuż kellu l-għan li jagħti spinta lill-Belt Kolonjali u lill-bqija ta' Santo Domingo għat-turiżmu internazzjonali.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Alcázar de Colón.

Il-Belt Kolonjali ta' Santo Domingo ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Siti storiċi tal-Belt Kolonjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Fortaleza Ozama hija l-eqdem fortizza Ewropea fl-Amerki.
Il-Katidral ta' Santa María La Menor huwa l-eqdem katidral fl-Amerki.
Id-Daħla ta' la Misericordia fil-Belt Kolonjali.
Il-fdalijiet tal-Monasteru ta' San Franġisk, l-eqdem monasteru fl-Amerki.
Plakka storika tal-Belt Kolonjali.
Il-Knisja ta' Nuestra Señora de la Altagracia.
Il-kwartier ta' Padre Bellini.
Kwartier fil-Belt Kolonjali.

Fil-Belt Kolonjali ta' Santo Domingo hemm postijiet differenti li nbnew mill-Ispanjoli matul l-era kolonjali, li flimkien jiffurmaw iktar minn 300 sit storiku; dawn jinkludu diversi monumenti ta' natura kulturali u storika, kif ukoll djar ta' nies notevoli tas-soċjetà ta' dak iż-żmien, u toroq importanti, bħal Calle Las Damas. Uħud minnhom huma:

  • l-Alcázar de Colón, l-ewwel kastell jew residenza tal-Viċirè fl-Amerka; illum jospita mużew bi 22 kamra;
  • l-Artal tan-Nazzjon, l-oqbra tal-missirijiet fundaturi;
  • il-Bażilika-Katidral ta' Santa Marija l-Minuri, l-Ewwel Katidral tal-Amerki;
  • Casa de Rodrigo de Bastidas, li fl-imgħoddi kienet id-dar tal-familja Bastidas prominenti; issa tospita mużew tat-tfal (Museo Infantil);
  • Casa del Cordón, li nbniet mill-familja Garay; x'aktarx l-eqdem binja tal-ġebel li għadha teżisti fid-Dinja l-Ġdida (1502) b'gwarniċ mill-isbaħ imnaqqax għad-daħla b'għamla ta' kurdun (cordón) ta' patri Franġiskan;
  • Casa de la Moneda jew iz-Zekka, li nbniet fl-1540; b'daħla mdawra b'ħames medaljuni skolpiti bl-istil Rinaxximentali bikri; illum tospita mużew tal-muniti kolonjali;
  • id-Dar tal-familja Dávila, waħda mit-tlett idjar li issa jiffurmaw il-lukanda Hodelpa Nicolas de Ovando;
  • Casa de Nicolás de Ovando, illum parti mil-lukanda Hodelpa Nicolas de Ovando;
  • Casa de Diego Caballero;
  • Casa de Campuzano Polanco, iktar 'il quddiem Casa de los Presidentes, issa l-Arċiveskovat ta' Santo Domingo;
  • Calle de los Nichos jew Calle del Arquillo chico, li qabel kienet Calle del Mono fis-sekli 16-17 u Calle de los Polancos fis-seklu 18, illum Calle Pellerano Alfau, li hija triq għall-mixi. Kemm Casa de Diego Caballero kif ukoll Campuzano Polanco jinsabu f'din it-triq;
  • Casa de Alonso de Zuazo, id-dar tal-gvernatur ta' Santo Domingo, li tinsab quddiem ir-residenza ta' Campuzano Polanco, illum l-Awditorju tal-Arċiveskovat;
  • Casa de Hernán Cortés, li huwa maħsub li kienet l-eks dar ta' Hernán Cortés; iktar 'il quddiem saret ir-residenza tal-familja Oviedo; illum tospita l-Ambaxxata Franċiża;
  • Casa de Diego del Rio, li tinsab maġenb Casa de Alonso de Zuazo f'Calle Las Damas, illum tospita l-mużew tal-esperjenza KahKow dwar il-kawkaw tal-gżira;
  • Casas de Gaspar de Astudillo, maġenb id-dar ta' Diego del Rio, jinsabu maġenb xulxin quddiem id-daħla ta' Casa de Bastidas; wieħed miż-żewġ sulari tagħha jospita s-Sociedad Dominicana de Bibliofilos u l-ieħor illum jospita d-Dominican Lions Club;
  • id-Dar tal-Gargoyles, li tinsab fil-bidu ta' Calle de las Mercedes maġenb id-Dar tal-Ġiżwiti, kienet is-sede tal-Università ta' Santiago de la Paz u ta' Gorjón stabbilita mill-Ġiżwiti f'nofs is-seklu 16;
  • id-Dar tal-Ġiżwiti, li tinsab f'Calle Las Damas, kienet is-sede tal-Università ta' Santiago de la Paz u ta' Gorjón f'nofs is-seklu 18;
  • Casa de Juan de Villoria, id-dar tas-sid ta' impjant tal-produzzjoni taz-zokkor u tal-eżekutur tat-testment ta' Diego Kolombu, li tinsab maġenb id-Dar tal-Gargoyles, illum tospita l-Fundacion Dominicana de Desarrollo (FDD);
  • Casa de Juan de Ampies, il-fundatur tal-belt ta' Coro u l-ewwel gvernatur tal-Venezwela, maġenb id-dar ta' Juan de Villoria (illum ikkonvertiti f'dar waħda), li iktar 'il quddiem saret ir-residenza tal-merkant minn Genova Melchor Centurione, li kien sħab fin-negozju ta' Juan de Villoria, illum parti mill-FDD;
  • Casa del Sacramento, li nbniet mill-familja Garay, issa l-Arċiveskovat ta' Santo Domingo;
  • Casa de "El Tapado", li nbniet mid-Dekan Pedro Duque de Rivera f'nofs is-seklu 16; ingħatat dan l-isem minħabba leġġenda li wieħed mir-residenti tagħha kien jidher billejl biss u kien nobbli Spanjol b'wiċċ sfigurat;
  • Casa de Tostado, li nbniet fl-1505 mill-iskrivan Francisco Tostado, missier l-ewwel poeta tal-Amerki, Francisco Tostado de la Peña (li miet fl-1586), li nqatel fl-invażjoni ta' Francis Drake; illum tospita l-Mużew tal-Familja Dominicana tas-seklu 19 b'għamara u b'antikitajiet għall-wiri; id-dar hija l-unika binja ċivili fid-Dinja l-Ġdida b'tieqa tal-perjodu Gotiku;
  • Calle El Conde;
  • Calle Las Damas, l-eqdem triq fl-Amerki;
  • Calle Las Mercedes;
  • il-Kappella tal-Irmedji tal-familja Dávila;
  • il-Kappella u l-Isptar ta' San Andrés, it-tieni l-iktar sptar antik fl-Amerki;
  • il-Knisja u l-Kunvent tal-Ordni Dumnikana, l-eqdem knisja tad-Dinja l-Ġdida;
  • il-Kappella tar-Rużarju fi ħdan il-Knisja u l-Kunvent tal-Ordni Dumnikana, magħrufa wkoll bħala l-Kappella taż-Żodjaku, li nbniet mill-familja Campuzano Polanco fil-bidu tas-seklu 18; l-unika kappella ta' din ix-xorta fl-Amerki b'waħda mill-erba' volti tagħha b'rappreżentazzjonijiet astroloġiċi;
  • il-Kappella tat-Tielet Ordni Dumnikana, maġenb il-Knisja tal-Ordni Dumnikana;
  • il-Knisja u l-Isptar ta' San Lázaro;
  • il-Knisja tal-Ġiżwiti, illum il-Panteon Nazzjonali;
  • il-Knisja ta' Las Mercedes, fl-imgħoddi r-residenza ta' Tirso de Molina bejn l-1616 u l-1618, u x'aktarx fejn kiteb parti mix-xogħlijiet tiegħu;
  • il-Knisja ta' Nuestra Señora de la Altagracia, li nbniet fl-1502 minn Nicolas de Ovando, u li nbniet mill-ġdid fl-1920;
  • il-Knisja ta' Nuestra Señora del Carmen;
  • il-Knisja tar-Reġina Angelorum, ir-residenza ta' Leonor de Ovando u ta' Elvira de Mendoza, l-ewwel poeti tal-Amerki;
  • il-Knisja ta' Santa Bárbara;
  • il-Knisja ta' San Miguel;
  • is-Ceiba ta' Kolombu;
  • is-Sistema tad-Dranaġġ Kolonjali, li nbniet minn Nicolás de Ovando fl-1502; id-daħla ta' waħda mill-mini tas-sistema tinsab quddiem il-Mużew tar-Rum u tal-Kannamiela;
  • il-Kunvent ta' Santa Clara;
  • il-Forti ta' El Angulo;
  • il-Forti ta' La Carena;
  • il-Forti ta' La Caridad;
  • il-Forti ta' La Concepción;
  • il-Forti ta' El Invencible, parti mid-difiża tax-xmara Ozama li nbniet mill-familja Dávila;
  • il-Forti ta' San Diego;
  • il-Forti ta' San Gil, li nbena għall-ħabta tal-1505, l-ewwel difiża tal-Belt Kolonjali;
  • il-Forti ta' San José;
  • Fortaleza Ozama, l-eqdem fortizza fl-Amerki;
  • l-Istatwa ta' Gonzalo Fernández de Oviedo y Valdés, fi ħdan il-Fortizza ta' Ozama;
  • id-Daħla ta' la Misericordia;
  • id-Daħla ta' San Diego, li nbniet fl-1576, id-daħla prinċipali tal-Belt Kolonjali mill-baħar;
  • l-Eremitaġġ ta' San Antón;
  • l-Isptar ta' San Nicolás de Bari, l-eqdem sptar li nbena fl-Amerki;
  • is-Suq ta' Modelo, l-ikbar ħanut tat-tifkiriet fil-Belt Kolonjali;
  • il-Monasteru ta' San Franġisk, fejn indifnu oriġinarjament Alonso de Ojeda u Bartholomew Kolombu;
  • il-Museo de las Casas Reales, li qabel kien il-Palazz tar-Real Audiencia de Santo Domingo, illum mużew b'disa' kmamar dwar l-istorja kolonjali tal-gżira li jitqies fost l-aqwa fil-Karibew;
  • il-Museo de la Catedral, li qabel kien il-Ħabs Antik fl-era kolonjali, u mbagħad intuża mis-soċjetà Filantropica; illum jospita mużew tal-oġġetti reliġjużi tas-sekli 16 sa 19 mill-Katidral;
  • il-Museo de Juan Pablo Duarte, fid-dar fejn twieled l-eroj nazzjonali tar-Repubblika Dominicana;
  • il-Mużew tal-Mafkar tar-Reżistenza Dominicana, f'ġieħ it-taqbid kontra r-reġimi ta' Trujillo u ta' Balaguer;
  • il-Museo del Ambar jew il-Mużew Dinji tal-Ambra, li jinsab quddiem il-Park ta' Kolombu; fih kollezzjoni ta' ambra mill-pajjiż b'data storika u xjentifika;
  • il-Museo Larimar, mużew dwar ħaġra prezzjuża li tinsab f'din il-gżira biss, f'Calle Isabel La Catolica;
  • il-Museo Naval de las Atarazanas, mużew navali u tal-arkeoloġija ta' taħt il-baħar tal-gżira;
  • Parque Colón (il-Park ta' Kolombu);
  • il-Palazz Konċistorjali, il-binja tal-ewwel muniċipju tal-Amerki;
  • il-Palazz ta' Borgellá;
  • Parque Independencia;
  • Plaza de España;
  • Plaza Fray Bartolomé de las Casas;
  • Plaza Duarte;
  • Plaza María de Toledo, maġenb il-Knisja tal-Ġiżwiti (illum il-Panteon Nazzjonali);
  • il-Pjazza u l-Istatwa ta' Antonio de Montesinos;
  • Plaza Pellerano Castro;
  • Plazoleta de los Curas, l-eqdem ċimiterju fl-Amerki kien jinsab hawnhekk fl-imgħoddi;
  • Plazoleta Padre Billini;
  • Puerta del Conde;
  • Reales Atarazanas, l-ewwel uffiċċji tad-dwana u l-imħażen irjali tal-Amerki, li għall-bidu kienu ġestiti mill-familja Welser;
  • l-Arloġġ tax-Xemx, quddiem il-Museo de las Casas Reales, li nbena fl-1753 mill-gvernatur Francisco Rubio y Peñaranda;
  • it-Taraġ ta' Las Damas.
  1. 1 2 3 "Colonial City of Santo Domingo - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-19.