Aqbeż għall-kontentut

Belt Bajda ta' Tel Aviv – il-Moviment Modern

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Pjazza ta' Zina Dizengoff fis-snin 40 tas-seklu 20.

Il-Belt Bajda ta' Tel Aviv – il-Moviment Modern (bl-Ebrajk: העיר הלבנה, Ha-Ir ha-Levana; bl-Għarbi: المدينة البيضاء Al-Madinah al-Bayḍā’) hija ġabra ta' iktar minn 4,000 binja f'Tel Aviv mis-snin 30 tas-seklu 20 li nbnew b'forma unika tal-Istil Internazzjonali, magħruf iktar bħala Bauhaus, mill-arkitetti Lhud Ġermaniżi li ħarbu lejn il-Mandat Brittaniku tal-Palestina mill-Ġermanja (u minn pajjiżi oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tal-Ewropa b'influwenzi kulturali Ġermaniżi) wara li kisbu l-poter in-Nażisti. Tel Aviv fiha l-ikbar għadd ta' binjiet bl-Istil Internazzjonali/ta' Bauhaus fid-dinja. Il-preservazzjoni, id-dokumentazzjoni u l-wirjiet ġibdu l-attenzjoni lejn il-ġabra ta' binjiet arkitettoniċi tas-snin 30 tas-seklu 20 f'Tel Aviv. Fl-2003, l-UNESCO ddikjarat il-Belt Bajda ta' Tel Aviv bħala Sit ta' Wirt Dinji, bħala "eżempju straordinarju ta' ppjanar ta' raħal ġdid u ta' arkitettura tal-bidu tas-seklu 20".[1] Barra minn hekk, ġie rrikoxxut l-adattament uniku ta' xejriet arkitettoniċi internazzjonali moderni fit-tradizzjonijiet kulturali, klimatiċi u lokali tal-belt. Iċ-Ċentru ta' Bauhaus ta' Tel Aviv jorganizza żjarat arkitettoniċi regolari fil-belt.

Il-pjanta ta' Geddes tal-1925 għal Tel Aviv.

Il-kunċett għal belt ġdida bil-ġonna, li kellha tissejjaħ Tel Aviv, ġie żviluppat fuq l-għaram tar-ramel 'il barra minn Jaffa fl-1909. Il-pjanifikatur urban Skoċċiż Patrick Geddes, li qabel kien ħadem fuq l-ippjanar tal-belt f'New Delhi, ġie kkummissjonat mill-ewwel sindku ta' Tel Aviv, Meir Dizengoff, biex ifassal pjanta ewlenija għall-belt il-ġdida. Geddes beda jaħdem fuq il-pjanta fl-1925, li ġiet aċċettata fl-1929. L-awtoritajiet tal-Mandat Brittaniku mill-ewwel appoġġaw il-pjanta. Minbarra Geddes u Dizengoff, l-inġinier tal-belt Ya'acov Ben-Sira ta kontribut sinifikanti għall-iżvilupp u għall-ippjanar matul il-mandat tiegħu mill-1929 sal-1951.

Patrick Geddes stabbilixxi l-konfigurazzjoni tat-toroq u ddeċieda dwar id-daqs u l-użu tal-blokok. Geddes ma ppreskrivix stil arkitettoniku għall-binjiet fil-belt il-ġdida. Iżda sal-1933, bosta arkitetti Lhud tal-iskola ta' Bauhaus fil-Ġermanja, bħal Arieh Sharon, kienu ħarbu lejn il-Mandat Brittaniku tal-Palestina. Kemm l-emigrazzjoni ta' dawn l-arkitetti Lhud kif ukoll l-għeluq tal-iskola ta' Bauhaus f'Berlin kienu l-konsegwenzi tal-ksib tal-poter tal-partit Nażista fil-Ġermanja fl-1933.

Il-binjiet residenzjali u pubbliċi ġew iddisinjati minn dawn l-arkitetti u mill-arkitetti lokali fosthom Ben-Ami Shulman, li implimenta l-prinċipji tal-arkitettura moderna fil-prattika. Il-prinċipji ta' Bauhaus, bl-enfasi fuq il-funzjonalità u l-użu ta' materjali tal-kostruzzjoni mhux għaljin, ġew ipperċeputi bħala ideali f'Tel Aviv. L-arkitetti li ħarbu mill-Ewropa ġabu magħhom mhux biss l-ideat ta' Bauhaus iżda anke l-ideat arkitettoniċi ta' Le Corbusier. Barra minn hekk, Erich Mendelsohn ma kienx assoċjat formalment ma' Bauhaus, għalkemm kellu diversi proġetti f'Iżrael fis-snin 30 tas-seklu 20 kif kellu Carl Rubin, arkitett mill-uffiċċju ta' Mendelsohn. Fis-snin 30 tas-seklu 20 f'Tel Aviv, bosta ideat arkitettoniċi bdew jikkonverġu u Tel Aviv kien il-post ideali fejn jiġu ttestjati.

Fl-1984, matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 sena ta' Tel Aviv, ittellgħet wirja fil-Mużew tal-Arti ta' Tel Aviv bit-titlu Belt Bajda, Arkitettura tal-Stil Internazzjonali f'Iżrael, Ritratt ta' Era. Xi sorsi jsostnu li l-oriġini tat-terminu "Belt Bajda" jmur lura għal din il-wirja u l-kuratur tagħha Michael Levin, filwaqt li oħrajn isostnu li jmur lura għall-poeta Nathan Alterman. Il-wirja tal-1984 ivvjaġġat lejn New York, fil-Mużew tal-Lhud. Fl-1994 saret konferenza fis-sede tal-UNESCO, bit-titlu Konferenza Dinjija dwar l-Istil Internazzjonali fl-Arkitettura. Ingħata kreditu lill-artist minn Iżrael Dani Karavan li għamel ġnien tal-iskulturi fis-sede, u preċedentement kien ħoloq ambjent bl-iskulturi bit-titlu ta' Kikar Levana li ġie ispirat mill-Belt Bajda. Fl-1996, il-Belt Bajda ta' Tel Aviv tniżżlet bħala sit fil-periklu tal-Fond Dinji tal-Monumenti. Fl-2003, l-UNESCO niżżlet il-Belt Bajda ta' Tel Aviv bħala Sit ta' Wirt Dinji għall-arkitettura moderna tagħha. Matul il-gwerra tal-2026 mal-Iran, missila Iranjana kkawżat ħsarat f'żewġ binjiet ta' Bauhaus fis-Sit ta' Wirt Dinji, u mietet persuna u ndarbu iktar minn għoxrin persuna.

Adattament għall-klima lokali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Fondazzjoni ta' Bauhaus ta' Tel Aviv.

L-arkitettura kellha tiġi adattata skont il-karatteristiċi estremi tal-klima tal-Mediterran u tad-deżert. L-ilwien bojod u ċari jirriflettu s-sħana. Il-ħitan mhux biss kienu jipprovdu l-privatezza iżda kienu joffru protezzjoni mix-xemx. Il-faċċati kbar tal-ħġieġ li minnhom jidħol id-dawl, element ewlieni tal-istil ta' Bauhaus fl-Ewropa, ġew sostitwiti bi twieqi żgħar imdaħħlin 'il ġewwa biex jiġu limitati s-sħana u t-tgħammix. Il-gallariji twal u dojoq, kollha fid-dell tal-gallariji ta' fuqhom, kienu jippermettu lir-residenti jgawdu ż-żiffa tal-baħar lejn il-Punent. Il-bjut skuntrati ġew sostitwiti bi bjut ċatti, u b'hekk kienu jipprovdu żona komuni fejn ir-residenti setgħu jissoċjalizzaw għall-frisk filgħaxija.

Il-binjiet ġew olzati fuq pilastri (pilotis); l-ewwel waħda fosthom kienet id-Dar ta' Engel tal-1933 iddisinjata minn Zeev Rechter. Dawn il-binjiet jippermettu lir-riħ jonfoħ taħthom u jberred lill-appartamenti, filwaqt li jipprovdu żona fejn it-tfal jistgħu jilagħbu. Fl-1935, fil-binja tal-uffiċċji ta' Beit Hadar, ġiet introdotta struttura b'qafas tal-azzar, li hija teknika li tiffaċilita l-ftuħ tal-ewwel sular għal skopijiet bħal dawn.

L-istil tal-arkitettura u l-metodi ta' kostruzzjoni li ntużaw fil-mijiet ta' binjiet ġodda wasslu biex jiddefinixxu l-karattru tal-belt moderna. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet kienu tal-konkos (mill-1912 'il quddiem beda jintuża l-konkos rinfurzat) u fis-sajf kien ikun hemm sħana li ma tissaportihiex minkejja l-karatteristiċi ta' disinn innovattiv. Ir-residenti ta' Tel Aviv kienu jerħulha fit-toroq filgħaxija, u kienu jżuru l-bosta parks żgħar bejn il-binjiet u l-għadd dejjem jikber ta' kafetteriji, fejn setgħu jgawdu l-arja ta' filgħaxija. Din it-tradizzjoni għadha għaddejja fis-soċjetà tal-kafetteriji u fid-divertiment ta' billejl fil-belt.

Il-blokok ta' appartamenti kienu jipprovdu varjetà ta' servizzi bħall-indukrar tat-tfal, is-servizzi tal-posta, il-ħżin u l-ħasil tal-ħwejjeġ fil-binjiet stess. Barra minn hekk, li jkun hemm rabta mal-art kienet meqjusa bħala estremament importanti, għalhekk ir-residenti ġew imħeġġa jkabbru l-ħxejjex tagħhom stess fuq roqgħa art imwarrba maġenb jew wara il-binja. Dan kien joħloq sens ta' komunità għar-residenti, li fil-biċċa l-kbira kienu nies spostati minn kulturi u oriġini differenti.

Pjanijiet ta' preservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-Dar tat-Termometru.

Bosta mill-binjiet minn dan il-perjodu, uħud minnhom ikoni arkitettoniċi, kienu ntelqu sew, u qabel ma għaddiet il-leġiżlazzjoni, uħud twaqqgħu. Madankollu, mill-4,000 binja oriġinali ta' Bauhaus li nbnew, uħud ġew rinnovati u mill-inqas 1,500 binja oħra tressqu għall-preservazzjoni u għar-restawr. Il-gvern muniċipali ta' Tel Aviv fl-2009 għadda leġiżlazzjoni li suppost kellha tkopri xi 1,000 struttura. Fl-2015 il-gvern Ġermaniż u l-belt ta' Tel Aviv għamlu ftehim li permezz tiegħu l-Ġermanja kellha tikkontribwixxi 2.8 miljun ewro ($3.2 miljun) għall-proġett ta' preservazzjoni ta' 10 snin; ftit mill-flejjes intużaw għall-istabbiliment ta' ċentru ta' preservazzjoni fid-Dar ta' Max-Liebling f'Tel Aviv biex titrawwem il-kollaborazzjoni fost l-arkitetti, l-artiġjani u l-artisti. Il-pjanijiet ta' preservazzjoni f'Tel Aviv kellhom joħolqu bilanċ bejn l-ideali tal-preservazzjoni kulturali u l-immodernizzar biex ilaħħqu mal-progress rapidu madwar id-dinja. Pannell ta' esperti bit-titlu ta' "Tel Aviv fl-2030" għamel diskussjonijiet dwar ir-restawr tal-belt biex jiġu pprovduti iktar postijiet residenzjali għan-nies, fid-dawl tal-qerda ta' bosta binjiet minħabba nuqqas ta' preservazzjoni u l-kunflitti tal-gwerer.

Dokumentazzjoni u wirjiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa ta' Tel Aviv bis-sezzjonijiet immarkati A-C li jagħmlu parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Stħarriġ arkitettoniku tal-Belt Bajda mħejji minn Nitza Metzger Szmuk iktar 'il quddiem ġie ppubblikat bħala ktieb u fforma l-bażi ta' wirja msejħa "Għajxien fuq l-Għaram". Il-wirja nfetħet fil-Mużew tal-Arti ta' Tel Aviv fl-2004 u vvjaġġat lejn il-Kanada, l-Iżvizzera, il-Belġju u l-Ġermanja.

Fiċ-ċentenarju tal-istabbiliment ta' Tel Aviv, Docomomo International ippubblikaw id-Docomomo Journal 40 f'Marzu 2009, u l-ġurnal kopra l-iktar tagħrif bit-titlu "Tel Aviv tagħlaq 100 sena: Seklu ta' Binjiet Moderni".

Fl-2019, "Forom u Dawl", wirja ta' ritratti ta' Yigal Gawze tal-arkitettura tal-Belt Bajda ta' Tel Aviv fis-snin 30 tas-seklu 20, infetħet fil-Mużew tal-Arti, l-Arkitettura u t-Teknoloġija f'Liżbona, il-Portugall.

Iċ-Ċentru ta' Bauhaus ta' Tel Aviv

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċentru ta' Bauhaus ta' Tel Aviv ġie stabbilit fis-sena 2000 u huwa organizzazzjoni ddedikata għad-dokumentazzjoni kontinwa tal-wirt arkitettoniku. Fl-2003, iċ-ċentru ospita wirja dwar il-preservazzjoni tal-arkitettura fir-rigward ta' 25 binja. Iċ-ċentru huwa wkoll stamperija indipendenti dwar is-suġġetti relatati mal-Istil Internazzjonali jew ta' Bauhaus u l-belt ta' Tel Aviv. Sal-2017 iċ-ċentru kien ippubblika iktar minn 15-il dokument dwar dawn is-suġġetti.

HaYarkon 96, binja li nbniet fl-1935 u ġiet ippreservata fl-2012.

Fondazzjoni ta' Bauhaus

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fondazzjoni ta' Bauhaus fetħet mużew żgħir u ċentru tar-riċerka fi Triq Bialik, qrib il-Muniċipju l-antik u d-Dar ta' Bialik, fl-2008.

Liebling Haus - Iċ-Ċentru tal-Belt Bajda

[immodifika | immodifika s-sors]

Liebling Haus - Iċ-Ċentru tal-Belt Bajda huwa ċentru tal-urbaniżmu u l-preservazzjoni arkitettonika li nfetaħ bl-appoġġ Ġermaniż fl-2019 fil-Max Liebling Haus, waħda mill-binjiet l-iktar prominenti tal-Istil Internazzjonali jew ta' Bauhaus fil-belt, u jiffoka fuq il-wirt tal-Moderniżmu ta' Tel Aviv.

  • Genia Averbuch;
  • Samuel Barkai;
  • Jacob Ben-Sira;
  • Joseph Berlin;
  • Benjamin Chlenov;
  • Lotte Cohn;
  • Aryeh Elhanani;
  • Elsa Gidoni;
  • Pinhas Huett;
  • Dov Karmi;
  • Richard Kauffmann;
  • Yehuda Magidovitch;
  • Josef Neufeld;
  • Zeev Rechter;
  • Mordechai Rosengarten;
  • Carl Rubin;
  • Arieh Sharon;
  • Ben-Ami Shulman;
  • Munio Weinraub.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt Bajda ta' Tel Aviv – il-Moviment Modern ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "White City of Tel-Aviv the Modern Movement". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2026-03-12.