Aqbeż għall-kontentut

Bartolomeo Bezzina

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-Monsinjur Bartolomeo Bezzina, magħruf ukoll bħala Bartilmew Bezzina jew Dun Bert (19 ta' Frar 1927 - 29 ta' Marzu 2009)[1], kien saċerdot kattoliku Malti u serva bħala Arċipriet ta' diversi lokalitajiet. Huwa l-iktar magħruf bħala s-saċerdot tal-Mosta bejn l-1960 u l-1981, u huwa magħruf bħala "l-arċipriet tal-Inkurunazzjoni".[2]

Bartolomeo Bezzina
arċipriet

1960 - 1981
Ħajja
Twelid Għargħur, 19 Frar 1927
Nazzjonalità Malta
Kolonja ta' Malta
L-ewwel lingwa Malti (mul) Translate
Ingliż
Mewt 29 Marzu 2009
Edukazzjoni
Lingwi Malti (mul) Translate
Taljan
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku

Trobbija u saċerdozju

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa twieled il-parroċċa ta' Ħal Għargħur fid-19 ta' Frar 1927, bin Carmelo Bezzina u Caterina née Sciberras. Huwa ssemma Bartolomeo wara l-patrun tal-parroċċa tar-raħal u wara nannuh stess.[3]

Temm l-istudju saċerdotali tiegħu fl-1951. Ġie ordnat saċerdot fil-5 ta' Awwissu mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, u iċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu ħmistax wara, nhar id-19 ta' Awwissu.[1]

Fil-15 ta' Frar 1954, telaq minn Ħal Għargħur u mill-21 ta' Frar ta' dik is-sena ħa l-kariga ta' Kappillan ta' Ħal Safi, kariga li baqa' fiha għal sitt snin u nofs, sa meta meta ħa l-pussess tal-parroċċa tal-Mosta.[1]

Arċipriet tal-Mosta

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa ħa l-pussess tal-parroċċa tal-Mosta nhar it-13 ta' Awwissu 1960. Dan ifisser li hu kien f'din il-kariga għall-festa ta' Santa Marija Assunta (li tiġi ċċelebrata fil-15 ta' Awwissu), fis-sena li kien qed jiġi kkommemorat il-mitt sena anniversarju tat-tlestija tal-bini tar-Rotunda tal-Mosta.

Fl-1968, biex jiġi ċċelebrat l-ewwel ċentenarju mindu meta saret l-istatwa oriġinali tal-Assunta, l-Arċipriet kien żejjen din l-istatwa b'sandli tad-deheb iddekorat bid-djamanti; dan kien maħdum mill-arġentier Ġużeppi Pirotta.[4]

Waqt is-saċerdozju tiegħu, inbnew it-tnax il-statwa tal-Appostli li llum jinstabu fin-niċeċ u l-portiku tar-Rotunda.[5] Ukoll waqt is-saċerdozju tiegħu, huwa ressaq petizzjoni lill-Arċisqof Mikiel Gonzi biex tiġi nkurunata x-Xbieha ta' Marija Mtellgħa s-Sema.[6] Din it-talba ġiet milqugħa, u Dun Bert ppresieda fuq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Inkurunazzjoni fl-1975. Għal din ir-raġuni huwa magħruf bħala "l-Arċipriet tal-Inkurunazzjoni".[7]

Huwa baqa' fil-kariga ta' Arċipriet tal-Mosta sal-1981. Imbagħad, fl-4 ta' Awwissu 1985, huwa ħa t-titlu ta' Monsinjur billi ħa l-pussess fil-Katidral tal-Imdina.[5]

Dun Bert baqa' jgħix il-Mosta anke wara li waqaf mill-kariga ta' Arċipriet u baqa' maħbub mill-Mostin.[2] Huwa ngħata l-Onorifiċenza Ġieħ il-Mosta mill-ewwel Kunsill Lokali tal-Mosta nhar is-16 ta' Settembru 1997.[5]

Mewt u legazija

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa miet fit-28 ta' Marzu 2009, u saritlu quddiesa funebri fil-Mosta. Imbagħad, il-funeral tiegħu sar fil-knisja parrokkjali ta' Ħal Għargħur, u ndifen fiċ-ċimiterju ta' San Ġwann Battista ta' Ħal Għargħur, ġewwa qabar li kien ħejja huwa stess.[3]

Fir-Rotunda tal-Mosta nsibu pittura ta' Dun Bert; din hija xogħol tal-artist Taljan Mario Caffaro Rore.[7] Ftit wara mewtu, it-triq ta' ħdejn il-Katekomenju tal-Mosta ssemmiet wara l-arċipriet. Hemm ukoll triq residenzjali ġdida fil-Mosta li ssemmiet warajh; dan sar fl-2025 bħala parti mill-kommemorazzjoni ta' ħamsin sena mill-Inkunurazzjoni.[8]

  1. 1 2 3 Deguara, Frans; Bezzina, Bartholomew (2000). "Protagonisti ta' l-lnkurunazzjoni fl-1975: il-Monsinjur Dun Bert Bezzina". Festa Santa Marija Mosta (bil-Malti).
  2. 1 2 Borg, Philip (2009-04-02). "Appreciation - Mgr Bartholomew Bezzina". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2025-11-24.
  3. 1 2 Bezzina, Julian (2010). "Erbgħa kappillani f'parroċċi oħra". Programm taċ-ċelebrazzjonijiet f'ġieħ San Bartilmew Appostlu fil-Knisja Parrokkjali tal-Għargħur (bil-Malti). Ħal Għargħur: Uffiċċju Parrokjali Ħal Għargħur: 81, 83, 85.
  4. Borg, Joseph (1998). "Min kienu l-protagonisti ta' meta nbidlet l-istatwa titolari u dawk li żejnuha tul is-snin". Festa Santa Marija Mosta (bil-Malti).
  5. 1 2 3 "Kont taf li..." Każin Banda San Pawl (bil-Malti): 131, 133. 2015.
  6. Tifkira tal-festi tal-Inkurunazzjoni tal-Assunta, Il-Mosta, 10 t'Awissu, 1975 (bil-Malti). Mosta. 1976-08-05. p. 4.
  7. 1 2 Borg, Joseph G. M. (2015). "Erbghin sena mill-grajja ghaziza tal-Inkurunazzjoni : min kienu il-protagonisti?". Annwal Festa Santa Marija, Il-Mosta (bil-Malti).
  8. "Laqgħa tal-Kunsill - 21 ta' Jannar 2025". Kunsill Lokali Mosta (bil-Malti). 2025-01-21. Miġbur 2025-11-24.