Bażilika ta' San Eġidju
Il-Bażilika ta' San Eġidju f'Bardejov, is-Slovakkja, hija binja reliġjuża Gotika li tinsab fit-Tramuntana tal-pjazza tal-Muniċipju (bis-Slovakk: Radničné námestie). Ir-raħal ta' Bardejov jinsab fiż-żona ikbar ta' Prešov fir-reġjun imsejjaħ Šariš.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Għall-ħabta tal-1206, il-patrijiet Ċisterċensi ta' Koprzywnica tal-Polonja stabbilew monasteru li eventwalment ġie ddedikat lil San Eġidju u msemmi għalih. Fis-seklu 13, il-Karta Rjali tar-Re Bela IV kienet l-ewwel dokument li semmiet il-knisja fid-dokumenti lokali. It-tempju jissemma wkoll minn iben Karol u s-suċċessur Lwiġi I tal-Ungerija. Il-kostruzzjoni tat-tempju, li għadu jeżisti sa llum, bdiet f'nofs is-seklu 14 meta l-kolonjalisti Ġermaniżi insedjaw ruħhom fit-territorju.
Fl-1427, ġie ddokumentat li l-knisja kienet bażilika bi tliet korsiji b'arkati sempliċi. L-iskulturi tal-artal ta' Sant'Anna li jmorru lura għall-1390-1400 jistgħu jservu bħala evidenza li fis-seklu 13 kien hemm tempju ieħor iktar bikri.
Ir-rikostruzzjoni u t-tkabbir tat-tempju bdew fl-1448. Il-bennej irjali, Štefán minn Košice bena l-bażi tas-santwarju, il-kor, is-sagristija, u t-tribuna, li hija magħrufa wkoll bħala l-Kappella ta' Santa Katarina. L-Oratorju tar-Re Matthias kompla bil-kostruzzjoni tal-binja. Il-kostruzzjoni tas-santwarju ntemmet b'sistema ġdida ta' volti fl-1464 u sena wara bena l-presbiterju l-ġdid bil-pastoforju uniku tal-ġebel.
Fl-1466, Ġakbu ta' Sacz ħadem l-artal Gotiku prinċipali. L-unika skultura ta' San Eġidju li baqgħet fil-post mit-tempju oriġinali tinsab fil-Kappella tal-Madonna. F'dan il-perjodu nbena wkoll battisterju tal-bronż.
Bejn l-1482 u l-1486, inbnew tliet kappelli fin-naħa tan-Nofsinhar, iddedikati lil Santa Eliżabetta, lil Sant'Indrija u lil Santa Marija Verġni. Il-volta oriġinali fil-Kappella ta' Sant'Indrija għadha ppreservata. Fl-1486 ġiet maħduma l-ewwel qanpiena magħrufa bħala "Jan". Fl-1584 il-ħaddiem tal-qniepen, Ġwanni mir-raħal Pollakk ta' Tarnów ħadem waħda mill-ikbar qniepen fis-Slovakkja għal din il-bażilika. Din il-qanpiena tiżen erba' tunnellati u tissejjaħ "Urban".
Il-knisja hija kapulavur tal-arkitettura Gotika aħħarija tal-Lvant tas-Slovakkja u l-kunċett spazjali fuq skala kbira tagħha, kif ukoll id-dettall li fiha, jispikkaw fil-bażilika. Pereżempju, uħud mill-volti tal-binja kienu simili għas-sistemi ta' volti ta' Peter Parler.
Fl-1521, l-artisti John Kraus u John Emerici żejnu l-ewwel sular tan-naħa ta' barra tat-torri, b'mod partikolari fin-naħa tan-Nofsinhar, b'affresj ta' San Stiefnu, l-ewwel re Ungeriż. L-artisti Taljani, Lwiġi u Bernard Pel ta' Lugano mmudellaw mill-ġdid il-faċċata tan-Nofsinhar bi stil Rinaxximentali fl-1564. Wettqu wkoll ir-rikostruzzjoni ta' tliet kappelli u portal biex joħolqu kumpless arkitettoniku unifikat.
Diżastri bħal nirien, terremoti, bumbardamenti u ċedimenti arkitettoniċi fflaġellaw il-bażilika matul is-sekli. Ir-rikostruzzjoni estensiva tal-knisja bdiet wara nar li ħakem kważi l-belt kollha fi Tnejn il-Għid tal-1878. Ir-rikostruzzjoni tmexxiet mill-arkitetti Imre Steindl u Frederick Schmulek. Fuq ġewwa l-knisja kienet mgħammra b'artal u b'pulptu Neo-Gotiċi kif ukoll bil-faċċata kif inhi llum il-ġurnata. Ir-rikostruzzjoni tal-faċċata damet xi 20 sena biex tlestiet.
Fis-seklu 20 sar titjib arkitettoniku ieħor. Fl-istess żmien, il-knisja saret bażilika, u l-qanpiena "Jan" ġiet sostitwita b'qanpiena ġdida msejħa "Ġużeppi" li tiżen 700 kilogramma.
Papa Ġwanni Pawlu II ddikjara li l-knisja kienet bażilika minuri fit-23 ta' Novembru 2000 fl-ittra Appostolika Consueverunt Romani Pontifices.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Bażilika ta' San Eġidju għandha tliet korsiji mil-Lvant għall-Punent; id-daħla prinċipali tinsab fuq in-naħa tan-Nofsinhar. Il-presbiterju huwa magħluq b'mod poligonali. Is-sagristija tasal sal-ħajt tat-Tramuntana, fejn hemm kuritur b'żewġ kappelli laterali u kappella oħra fin-naħa tan-Nofsinhar.
Il-presbiterju għandu l-volti f'għamla ta' xibka. Huwa sseparat min-navata ċentrali permezz ta' arkata trijonfali, li parzjalment ġiet mimlija bi skultura tal-injam tal-Kalvarju tal-aħħar tas-seklu 15.
Fin-naħa tal-Lbiċ tal-knisja hemm torri tal-kampnar b'bażi kwadra. It-torri lejn in-naħa ta' fuq għandu gallarija tal-injam bl-arkati msaqqfa b'saqaf piramidali u kkomplementata b'erba' soqfa piramidali żgħar fl-irkejjen.
Minn barra
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Bażilika ta' San Eġidju tinsab fin-naħa tat-Tramuntana tal-pjazza tal-Muniċipju. Hija mibnija b'assi tradizzjonali mil-Lvant għall-Punent. Il-presbiterju jinsab fil-parti tal-Lvant. In-navata ċentrali hija għolja 24 metru u tiddomina l-knisja. Hemm ukoll żewġ korsiji u presbiterju. Is-saqaf għoli 10 metri tal-presbiterju u tan-navata huma sseparati minn xulxin b'ħajt, bi spira u b'salib fuq nett.
Torri tal-kampnar imponenti jiddomina l-kantuniera tal-Lbiċ tal-knisja. It-torri tlesta bi stil Neo-Gotiku lejn l-aħħar tas-seklu 19. B'għoli ta' 76 metru, huwa wieħed mill-ogħla torrijiet tal-kampnari fis-Slovakkja. Fih sitt sulari, kull wieħed isseparat mill-ieħor permezz ta' gwarniċi tal-ġebel. Il-kampnar qiegħed fir-raba' sular; il-qniepen imsejħa "Urban", "Jan" u "Signum" jinsab hawnhekk. Il-ħames sular ġie adattat għall-mekkaniżmu tal-arloġġ.
Fis-sitt sular hemm gallarija tal-injam imsaqqfa b'saqaf piramidali u salib tal-metall għoli erba' metri. It-tiżjin tal-ħajt tan-Nofsinhar jinkludi riljiev tal-ġebel bl-istemma tal-belt. Il-faċċata tal-Punent tal-knisja hija rinfurzata b'pilastri bħala riffieda u tinkludi ħnejjiet Gotiċi u rużun kbir bix-xogħol mirqum tal-ġebel.
Fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-knisja hemm il-kappelli, miġbura flimkien b'mod prominenti madwar id-daħla prinċipali. It-tliet kappelli jisimhom: il-Kappella ta' Santa Marija Verġni, il-Kappella ta' Santa Eliżabetta, u l-Kappella ta' Sant'Indrija. Il-knisja kollha hija mdawla permezz ta' twieqi Gotiċi għoljin bl-igglejżjar, l-iktar bi tliet partijiet; il-ħġieġ tat-twieqi ġie sostitwit fis-seklu 19. In-naħa tan-Nofsinhar hija mżejna bi skultura ornamentali tal-ġebel ta' San Florjan.
Minn ġewwa
[immodifika | immodifika s-sors]Navata u presbiterju
[immodifika | immodifika s-sors]In-navata ċentrali hija mdawla bi twieqi Gotiċi fuq in-naħa tan-Nofsinhar. Il-presbiterju għandu l-istess għoli bħan-navata, u huwa sseparat b'ħajt u b'arkata trijonfali. L-ispazju ċentrali kollu għandu volti b'għamla ta' xibka, mirfuda fuq kapitelli pentagonali b'disinn tal-fjuri bl-istemma f'nofs il-kapitelli.
Fuq in-naħa tal-Punent tan-navata hemm oratorju rjali b'orgni, bil-volti b'għamla ta' stilla. It-taraġ spirali tal-ġebel iwassal sal-oratorju. Iż-żewġ navati laterali għandhom volti b'għamla ta' salib sempliċi bi tliet kompartimenti, bil-qafas tagħhom jidher mal-ħajt.
Sagristija u kor
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sagristija u l-kor tat-Tramuntana fuq in-navata prinċipali huma aċċessibbli minn żewġ portali Gotiċi separati. Is-sagristija u l-kor għandhom volti b'għamla ta' xibka mqabbża 'l barra. Din hija xi ħaġa preżenti wkoll fil-volti tal-oratorju fejn jidher San Ġorġ jissielet kontra d-dragun.
Kappelli
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kappella tal-Lvant għandha għamla poligonali irregolari u volta retikolata mqabbża 'l barra. L-oratorju tan-Nofsinhar ukoll għandu volta b'kompartimenti koniċi sempliċi.
Il-kappella tal-Punent għandha ħajt rettangolari. Il-kamra għandha volta rettangolari sempliċi. Il-kappella hija mdawla minn tieqa fuq in-naħa tan-Nofsinhar u tiżjin ġeometriku.
Torri tal-kampnar
[immodifika | immodifika s-sors]It-torri tal-kampnar għandu gallarija tal-injam bl-arkati fis-sitt sular.
Saqaf
[immodifika | immodifika s-sors]Is-saqaf tal-knisja huwa frott ix-xogħol ta' rikostruzzjoni li sar fis-snin 80 tas-seklu 19. In-navata u l-presbiterju għandhom saqaf forfċi. In-navata tan-Nofsinhar għandha saqaf baxxa ħafna miksi bi pjanċi tal-metall.
Art
[immodifika | immodifika s-sors]L-art fil-korsiji prinċipali u laterali kif ukoll fiż-żewġ kappelli tan-Nofsinhar hija miksija bil-madum tal-ġebel imqiegħda fil-konkos.
Pjanta tal-Bażilika ta' San Eġidju
[immodifika | immodifika s-sors]A. Presbiterju B. Navata C. Korsija tat-Tramuntana D. Korsija tan-Nofsinhar E. Kappella ta' Santa Marija Verġni F. Kappella ta' Sant'Indrija G. Antikamra H. Kappella ta' Santa Eliżabetta (fuq l-antikamra) I. Sagristija J. Kappella ta' Santa Katarina (fuq is-sagristija) K. Torri tal-kampnar L. Kor
Artali
[immodifika | immodifika s-sors]- Artal Neo-Gotiku prinċipali ta' San Eġidju (1888)
- Artal Gotiku tan-Natività (1480-1490)
- Artal Gotiku tad-Duluri (1500-1510)
- Artal Gotiku tal-Kurċifissjoni (1480-1490)
- Artal Gotiku ta' Santa Marija Verġni (1505)
- Artal Gotiku ta' Santa Apollonja (1490-1510)
- Artal Gotiku tal-Pjetà (1480-1490)
- Artal Gotiku ta' Sant'Anna (1490-1500)
- Artal Gotiku ta' Sant'Indrija (1440-1460)
- Artal Gotiku ta' Santa Eliżabetta tal-Ungerija (1480-1490)
- Artal Gotiku ta' Santa Barbara (1450-1470)
- Artal Gotiku tal-Verġni Marija (1485)
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-raħal kollu ta' Bardejov ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 bit-titlu ta' "Riżerva ta' Konservazzjoni tar-Raħal ta' Bardejov.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- J. Božová, G.Drobniak, F. Gutek - Kostol sv. Egídia v Bardejove, SAJANCY, Bardejov, 1998, ISBN 80-968069-0-4
- G. Drobniak, Bazilika minor sv. Egídia v Bardejove, Košice, Agentúra SAŠA, 2007
- V. Jankovič, Národné kultúrne pamiatky na Slovensku, Osveta, Martin, 1984
- Slovensko - Kultúra, Obzor, Bratislava, 1980
- Ľ. Hromadová, R. Hriadelová, Bardejov, Tatran, Bratislava, 1977
- A. Frický, Bardejov, kultúrne pamiatky, Východoslovenské vydavateľstvo, Košice, 1976
- Z. Bartošová a kol., Umenie na Slovensku, Slovart, Bratislava, 2007, ISBN 978-80-8085-435-5
- V. Dvořáková a kol., Bardejov - mestská pamiatková rezervácia, Slovenský ústav pamiatkovej starostlivosti, Bratislava, 1991, ISBN 80-85128-41-1
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Bardejov Town Conservation Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-08.