Avjazzjoni
| Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
L-avjazzjoni tinkludi l-attivitajiet li jittrattaw it-titjir mekkaniku u l-industrija tal-inġenji tal-ajru. L-inġenji tal-ajru jinkludu tipi bi ġwienaħ fissi u bi ġwienaħ iduru, ġwienaħ morfabbli, strutturi bla ġwienaħ li kapaċi jerfgħu ’l fuq, kif ukoll inġenji tal-ajru eħfef mill-arja bħall-blalen tal-arja u l-iġfna tal-ajru.
L-avjazzjoni bdiet fis-seklu 18 bl-iżvilupp tal-ballun tal-arja, apparat li kapaċi jagħmel spostament atmosferiku permezz tal-galleġġjabilità. Clément Ader bena l-“Ader Éole” fi Franza u għamel titjira qasira mħaddma bla kontrolli fl-1890. Dan kien l-ewwel inġenju tal-ajru bil-magna, għalkemm ma kellux titjira kkontrollata. Uħud mill-iktar avvanzi sinifikanti fit-teknoloġija tal-avjazzjoni waslu bit-titjir ikkontrollat mingħajr l-użu tal-magna ta’ Otto Lilienthal fl-1896. Qabża kbira oħra seħħet bil-ħolqien tar-Wright Flyer, l-ewwel ajruplan mħaddem b’magna mill-aħwa Wright fil-bidu tas-seklu 20.
Minn dak iż-żmien, l-avjazzjoni ġiet revoluzzjonata teknoloġikament bl-introduzzjoni tal-magna bil-ġett li ppermettiet lill-avjazzjoni ssir forma ewlenija ta’ trasport madwar id-dinja. Skont l-ICAO, fl-2024 kien hemm 9.5 biljun passiġġier madwar id-dinja. Mill-2018, l-estimi jissuġġerixxu li 11% tal-popolazzjoni dinjija vvjaġġat bl-ajru, b’4% minnhom jagħmlu titjiriet internazzjonali.
L-etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kelma avjazzjoni nħolqot mill-kittieb Franċiż u eks uffiċjal navali, Gabriel de La Landelle fl-1863. Oriġinarjament, hu ħa t-terminu mill-verb avier (neoloġiżmu li ma qabadx għal “ittir”), li ġie mill-kelma Latina, avis (“għasfur”) u s-suffiss -azzjoni.
L-istorja
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żmien bikri
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm leġġendi bikrin dwar it-titjir uman bħall-istejjer ta’ Ikaru fil-mitoloġija Griega, Jamshid u Shah Kay Kāvus fil-mitoloġija Persjana, u l-awtoma li ttir ta’ Arkita ta’ Tarantu (428-347 QK). Iktar tard, bi stqarrijiet kemxejn iktar kredibbli nsibu titjiriet umani f’distanza qasira, bħat-titjiriet bil-ġwienaħ ta’ Abbas ibn Firnas (810-887, irreġistrati fis-seklu 17), Eilmer ta’ Malmesbury (tas-seklu 11, irreġistrati fis-seklu 12) u l-Passarola mħaddma b’arja sħuna ta’ Bartholomeu Lourenço de Gusmão (1685-1724).