Assoċjazzjoni Trasport Pubbliku

| Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
L-Assoċjazzjoni Trasport Pubbliku (komunement imqassra għal ATP; magħrufa wkoll bl-isem Ingliż tagħha Public Transport Association) kienet l-organizzazzjoni responsabbli għal kważi t-trasport pubbliku kollu fil-gżejjer Maltin sakemm dan it-trasport pubbliku ttieħed kompletament mill-operatur privat Arriva fit-3 ta' Lulju 2011. It-trasport pubbliku f’Malta huwa pprovdut kważi esklussivament minn netwerk estensiv ta' karozzi tal-linja. Għal snin sħaħ, in-netwerk ta’ karozzi tal-linja ta’ Malta kien magħruf għall-użu tiegħu ta’ ħafna vetturi distintivi ta’ żmien ilu. Ħafna karozzi tal-linja kienu proprjetà privata tax-xufiera tagħhom. Is-sidien tal-karozzi tal-linja kienu membri tal-ko-operattiva ATP u kienu marbuta b’regolamenti, fosthom dwar il-kulur tal-karozzi tal-linja u dwar il-livell ta' servizz provdut.
L-ATP kienet responsabbli, fost affarijiet oħra, biex tistabbilixxi rotot u skedi tat-tluq, tistabbilixxi l-prezzijiet tal-karozzi tal-linja, u twettaq kontrolli abbord il-karozzi tal-linja. Il-biċċa l-kbira tar-rotot kienu jmorru jew jiġu mill-belt kapitali, Valletta, u dan kien jirrikjedi li l-passiġġieri jittrasferixxu hemm ta’ spiss.
Qabel ma l-kumpanija Arriva ħadet f'idejha t-trasport pubbliku, kien hemm 508 karozzi tal-linja li kienu jaħdmu. Minn dawn, 254 kienu jintużaw kuljum għal servizzi skedati. Illum il-ġurnata, xi wħud minn dawn il-karozzi tal-linja għadhom jintużaw għal skopijiet turistiċi, iżda ħafna minnhom ġew skrapjati jew huma miżmuma ġo garaxxijiet.