Arċipelagu ta' Bijagós

L-Arċipelagu ta' Bijagós, spellut ukoll Bijagos (bil-Portugiż: Arquipélago dos Bijagós) u li fl-imgħoddi kien magħruf ukoll bħala Bissagos, huwa magħmul minn grupp ta' madwar 88 gżira u gżejra fl-Oċean Atlantiku, lil hinn mill-kosta ta' Guinea-Bissau.[1]
L-arċipelagu ġie ffurmat mid-delta tal-qedem tax-xmajjar Geba u Grande de Buba u jkopri erja ta' 12,958 km2 (5,003 mil kwadru). Għoxrin gżira tal-arċipelagu jkunu popolati s-sena kollha, inkluż l-iżjed gżira popolata, Bubaque. Il-belt kapitali amministrattiva, Bolama, tinsab fil-gżira ta' Bolama.

Hemm diversità kbira ta' ekosistemi: mangrovji b'żoni intermareali, foresti tas-siġar tal-palm, foresti nexfin u seminexfin, foresti sekondarji u degradati, savanna kostali, meded tar-ramel u żoni akkwatiċi. L-arċipelagu ġie ddikjarat bħala Riżerva ta' Bijosfera tal-UNESCO fl-1996. Is-sit ġie ddeżinjat ukoll bħala Żona Importanti tal-Għasafar mill-BirdLife International minħabba li l-meded ċatti tat-tajn intermareali u l-mangrovji tiegħu jsostnu popolazzjonijiet sinifikanti ta' għasafar tal-ilma li ma jnisslux fl-arċipelagu u oħrajn li jieqfu fl-arċipelagu għax-xitwa, speċjalment għadd kbir ta' għasafar Paleartiċi tal-passa, fosthom wikkiela tal-krustaċji, gawwin u ċirlewwi, kif ukoll fjamingi kbar u pellikani ta' daharhom roża.[2]
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa stmat li l-popolazzjoni tal-arċipelagu tlaħħaq it-30,000 ruħ (fl-2006) mill-grupp etniku predominanti tal-Bissago (bil-Portugiż: Bijagó). Għandu popolazzjoni relattivament żagħżugħa minħabba r-rati għoljin tat-twelid u l-istennija tal-għomor baxxa.
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]
L-ekonomija tal-arċipelagu fil-biċċa l-kbira hija waħda rurali, b'bosta familji li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-agrikoltura u mis-sajd. Hemm xi attivitajiet turistiċi, l-iktar kirjiet ta' dgħajjes mis-Senegal fil-qrib. In-nuqqas ta' infrastruttura u konnessjonijiet ta' komunikazzjoni jxekklu l-iżvilupp tal-potenzjal turistiku tal-gżejjer. Mill-bidu tas-seklu 21, diversi mill-gżejjer bdew jintużaw bħala mħażen ta' tranżitu tat-traffikar tad-drogi, u dan malajr bidel in-nisġa soċjali u ekonomika tal-gżejjer.

Fiż-żminijiet kolonjali ta' qabel l-Ewropej, il-gżejjer kienu ċentrali għall-kummerċ tul il-kosta tal-Punent tal-Afrika u kellhom flotta navali setgħana. Fl-1532, ir-Re Ġużeppi III tal-Portugall ċeda dritt nominali għall-gżejjer lil ħuh Lwiġi, id-Duka ta' Beja, flimkien ma' drittijiet kummerċjali ġenerużi. Fl-1535, Dom Luwiġi bagħat qawwa biex taħkem il-gżejjer, iżda l-flotta navali setgħana tal-gżejjer qerditha, u ma tantx ħalliet ħajjin. Għal bosta snin wara, l-Arċipelagu ta' Bijagós irrifjuta li jagħmel kummerċ mal-Portugiżi u ttratta kwalunkwe baħri nawfragat b'mod aħrax, sa ma r-relazzjonijiet reġgħu qabdu b'mod normali għall-ħabta tal-1550.[3] Imbagħad l-abitanti Bissago saru fornituri importanti ta' skjavi lill-Portugiżi, u warrbu r-rivalitajiet bejn il-gżejjer biex jattakkaw l-art kontinentali.[4]
Fl-1849, il-popolazzjoni tal-Arċipelagu ta' Bijagós kienet għadha indipendenti, tant li għalkemm ippruvaw "jippaċifikaw" il-gżejjer bi spedizzjoni konġunta, il-Brittaniċi u l-Franċiżi ma rnexxilhomx. Il-Portugiżi ppruvaw kemm-il darba jikkontrollaw ir-"rewwixti tat-taxxi" fil-gżejjer fil-bidu tas-seklu 20 iżda kien kollu għalxejn.[5] Il-gżejjer ma ġewx annessi formalment mal-Portugall qabel l-1937.[6][7]
Fl-1930-1931, l-antropologu u l-fotografu Awstrijaku Hugo Bernatzik żar l-Arċipelagu ta' Bijagós u ddokumenta l-ħajja ta' kuljum fost il-poplu Bidyogo.[8]
L-Iskola tal-Iġjene u l-Mediċina Tropikali ta' Londra qed twettaq riċerka hawnhekk biex tistudja l-fejqan ta' wħud mill-iżjed mard infettiv fatali fid-dinja. Peress li l-gżejjer huma daqstant iżolati, hemm inqas periklu ta' kontaminazzjoni tar-riżultati milli fi kwalunkwe post ieħor.[9]
Fl-2025, l-arċipelagu tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala l-ewwel sit tal-Guinea-Bissau.[10][11]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Ekosistemi Kostali u tal-Baħar tal-Arċipelagu ta' Bijagós – Omatí Minhô ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[10]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[10]
Minħabba d-diffikultajiet ta' komunikazzjoni mal-art kontinentali tal-Guinea-Bissau li għadhom preżenti sal-lum, il-popolazzjoni għandha livell konsiderevoli ta' awtonomija u pproteġiet il-kultura anċestrali tagħha mill-influwenza barranija. Il-lingwa Bijago hija mitkellma flimkien mal-Portugiż u mal-creole.
Xi awturi jsostnu li l-kultura ta' Bijago spiss għandha xeħta li tkun matriarkali, u n-nisa jiġġestixxu l-unità domestika, l-ekonomija, il-liġi, kif ukoll l-għerusija (in-nisa jagħżlu lil żewġhom u jekk itemmux iż-żwieġ). Sorsi oħra jmorru kontra dan il-ħsieb u jissuġġerixxu li eżaminazzjoni iktar mill-qrib żvelat soċjetà fundamentalment patriarkali, fejn in-nisa, minkejja l-parteċipazzjoni sostanzjali tagħhom fil-produzzjoni tal-materjali u r-rwoli importanti fl-oqsma soċjali, politiċi u reliġjużi, xorta waħda mhumiex f'pożizzjoni ugwali għall-irġiel. Studju tal-2016 issuġġerixxa li l-istatus tan-nisa fis-soċjetà tal-poplu Bijagos tnawwar matul l-era tal-kummerċ tal-iskjavi (x'aktarx minħabba l-influwenza Ewropea) iżda reġgħet kisbet valur dan l-aħħar.[12]
Fl-2012, studju li twettaq mis-soċjologu mill-Guinea-Bissau Boaventura Santy eżamina r-rappreżentanzi soċjali tan-nies tal-gżira ta' Formosa Bijagó fir-rigward ta' theddidiet possibbli mit-tibdil fil-klima. L-istudju kkonkluda li għall-"poplu Bijagó l-aspetti naturali u soċjali huma kkollegati ma' xulxin, tant li kriżi fis-sistema soċjali jkollha effetti negattivi" fuq is-sistema naturali. B'mod partikolari, huwa n-nuqqas ta' armonija bejn il-komunità, l-antenati u d-dinja sovranaturali li jitqies li jikkawża l-għawġ ambjentali.[13]
Il-popli Bijagós jipproduċu bosta artefatti għall-użu ta' kuljum, u r-ritwali jsegwu ikonografija tradizzjonali unika għall-kultura tagħhom, b'varjazzjonijiet minn gżira għall-oħra. Fost l-iżjed arti li tispikka ta' Bidyogo hemm is-santwarji portabbli tal-antenati ("iran") u l-maskri żoomorfiċi li jirrappreżentaw baqar ("vaca-bruta"), klieb il-baħar, rajja u okkażjonalment annimali lokali oħra. Jiġi prodotti wkoll artefatti mżejna b'mod tradizzjonali għaċ-ċerimonji tal-"fanado", meta l-adolexxenti jsiru adulti (maskri tal-injam, lanez, tarki, xedd ir-ras, brazzuletti), għall-attivitajiet ta' kuljum (sajd, agrikoltura) u għall-użu personali (banketti, qfief, reċipjenti tal-ikel). L-estetika unika tal-arti Bidyogo twassal biex tkun faċilment distingwibbli minn arti tribali Afrikana oħra.
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Benkos Biohó, eks re Afrikan li ġie ttrasportat lejn Cartagena, il-Kolombja fi żmien il-kummerċ tal-iskjavi iżda rnexxielu jaħrab u stabbilixxa villaġġ tal-iskjavi maħrubin magħruf bħala San Basilio de Palenque.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Focus - Guinea-Bissau's Bijagos Islands: A sanctuary of biodiversity under threat". France 24 (bl-Ingliż). 2021-09-10. Miġbur 2025-07-21.
- ↑ "BirdLife DataZone". datazone.birdlife.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-21.
- ↑ Stallibrass, Edward (1889). "The Bijouga or Bissagos Islands, West Africa". Proceedings of the Royal Geographical Society and Monthly Record of Geography. 11 (10). Royal Geographical Society: p. 595. doi:10.2307/1801045. JSTOR 1801045.
- ↑ Rodney, Walter (Mejju 1966). A History of the Upper Guinea Coast, 1545-1800, p. 205.
- ↑ Peter Karibe Mendy; Richard A. Lobban Jr. (2013). Historical Dictionary of the Republic of Guinea-Bissau (4th ed.). Scarecrow Press. p. 29. ISBN 978-0-8108-8027-6.
- ↑ Thornton, John (1998). Africa and Africans in the Making of the Atlantic World, 1400–1800. Paris: Cambridge University Press. ISBN 9781139643382.
- ↑ Henry, Christine (1994). Les îles où dansent les enfants défunts. Âge, sexe et pouvoir chez les Bijogo de Guinée-Bissau (bil-Franċiż). Paris: Les Editions de la MSH. pp. 66–68. ISBN 9782735116829.
- ↑ Geheimnisvolle Inselntropen Afrikas: Frauenstaat und Mutterrecht der Bidyogo; ein Forschungsbericht 1933 (bil-Ġermaniż).
- ↑ "Could these beautiful islands help stop killer diseases?" (bl-Ingliż). 2018-11-14. Miġbur 2025-07-21.
- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Coastal and Marine Ecosystems of the Bijagós Archipelago – Omatí Minhô". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-21.
- ↑ Presse, AFP-Agence France. "G.Bissau's Bijagos Archipelago Added To UNESCO World Heritage List". barrons (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-21.
- ↑ Lundy, B., Fernandes Jr, R. M., & Lartley, K. (2016). The Integrity of Women in Re-making a Nation: The Case of Guinea-Bissau. Journal of Global Initiatives: Policy, Pedagogy, Perspective, 11(1), 4.
- ↑ "How to solve climate change, according to the Bijagós of Guinea-Bissau". euronews (bl-Ingliż). 2021-01-11. Miġbur 2025-07-21.