Antonio Miruzzi
| Antonio Miruzzi | |
|---|---|
| Ħajja | |
| Twelid | Furjana, 10 Marzu 1866 |
| Nazzjonalità | Kolonja ta' Malta |
| L-ewwel lingwa |
Malti Ingliż |
| Mewt | 23 Ottubru 1944 |
| Edukazzjoni | |
| Lingwi |
Malti Ingliż Taljan |
| Okkupazzjoni | |
| Okkupazzjoni |
kompożitur surmast tal-banda |
Anton Miruzzi, magħruf ukoll bħala Antonio Miruzzi jew Antonio Maruzzi jew Antonio Meruzzi (10 ta' Marzu 1867 - 23 ta' Ottubru 1944), kien kompożitur u surmast Malti.[1]
Trobbija u Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Anton Miruzzi twieled Il-Furjana nhar l-10 ta' Marzu 1867; ta' età żgħira tilef il-ġenituri tiegħu (Ġużepp u Mikelina née Brincat) u ssieħeb fl-Orfni tal-Belt Valletta. Huwa tgħallem il-mużika taħt zijuh, il-Maestro Pawlu Miruzzi, li kien surmast tal-banda tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette. Imbagħad, kompla l-edukazzjoni tiegħu fl-Italja. Wara dan, huwa mar sa Tuneż u waqqaf għaqda mużikali hemmhekk.
Is-sur Miruzzi kien miżżeweġ lil Konċetta née Cauchi.
Karriera Mużikali
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sur Miruzzi kien midħla sew tal-baned tas-Soċjetà Filarmonika Leone (tar-Rabat (Għawdex)) u La Valette (tal-Belt Valletta), tant li fl-1890 inħatar bħala Surmast-Direttur tal-banda Leone u ukoll bħala Maestro Istruttore tal-alljievi tal-banda La Vallette. Antonio kien magħruf għall-kompożizzjonijiet oriġinali tiegħu, u ukoll kien iħobb jibda u jispiċċa l-progammi tal-kunċerti tiegħu b'xi valz jew polka.
Fl-1891, waqt il-festa ta' San Alwiġi, ġara inċident fejn waqa' mis-siġġu u sofra "ksur serju", skond rapport li hu stess għadda lill-għassa tal-pulizija tar-Rabat (Għawdex).
L-ewwel banda li ħa f'idejh kienet dik tas-Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard tal-Mosta, fl-1894, fejn dam f'din il-kariga sal-1909.[2]
Fl-1897 ġie ċċelebrat il-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Victoria, u l-baned kollha ta' Malta u Għawdex ħadu sehem. Apparti minn dan, kien hemm ukoll xi baned internazzjonali, fosthom il-banda "La Valette" ta' Tuneż li kien idderieġa is-sur Miruzzi stess.
Fl-1898, huwa waqqaf l-orkestra Mandonolistika La Valette, fi ħdan il-banda La Valette stess, filwaqt li fl-1899 ingħaqad mal-Banda tas-Soċjeta Mużikali San Ġużepp Ħamrun u fl-1900 ingħaqad mal-Banda I Cavalieri di Malta ta' Tas-Sliema.
Waqt programm tal-banda San Ġużepp tal-Ħamrun fl-1905, il-Markiż H. Scicluna ippreżenta rigal tal-fidda lill-Maestro. Huwa rebaħ ukoll premji oħra, anke dawk internazzjonali (ġo Firenze u Perugia).
Fl-1906 huwa ingħaqad mas-Soċjetà Mużikali Każin Banda San Pio X Lija, u dam magħha sas-sena 1926.
Fl-8 ta' Novembru 1910, huwa nħatar bħala Surmast-Direttur tal-Banda tal-Orfni tal-Gvern:
"... maestro Antonio Miruzzi è stato nominato direttore della banda dell' Orfanatrofio del Governo."
Huwa mexxa ukoll il-Banda tal-Għaqda Mużikali Sant' Andrija ta' Ħal Luqa (1914-1922) u dik tal-Għaqda Mużikali Beland (1919-1932).
L-aħħar programm li dderieġa fi ħdan il-banda San Ġużepp tal-Ħamrun kien nhar it-30 ta' Settembru 1928. Huwa rtira bil-pensjoni nhar l-10 ta' Marzu 1932. Madanakollu, fis-sena 1933 (jiġifieri wara li rtira) huwa rregala marċ għall-festa ta' San Gejtanu (Il-Ħamrun) lill-banda San Ġużepp.
Kompożizzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kompożizzjonijiet ta' Antonio Miruzzi huma diversi, u jinkludu marċi, valzi, passio doppji, mużika sagra u innijiet. Fosthom insibu:
- Marċ Funebru (1894)
- Marċ "Our President" (1897, iddedikata lill-Avukat Fortunato Mizzi)
- Fantasia "L'Ideale" (li biha rebaħ Diploma tal-Unur)
- Innu "Maria Vergine del Mare" ta' Tas-Sliema
- Innu "Lil Sant' Indrija" ta' Ħal Luqa
- Innu "Lis-Salvatur" ta' Ħal Lija
- Inniijiet tal-baned, fosthom dawk tal-Banda Nicolò Isouard tal-Mosta, Sant' Indrija ta' Ħal Luqa, u San Ġużepp tal-Ħamrun.
Lista iktar kompreħensiva tista' tinstab fis-sors[1].
Mewt u Legazija
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sur Miruzzi miet Il-Ħamrun nhar it-23 ta' Ottubru 1944, u kien ingħata funeral fejn fih attendew diversi rappreżentanti ta' għaqdiet mużikali lokali. Tant kienet il-ħbiberija bejn il-baned La Valette u Leone, li jingħad li l-katavru tiegħu ġie merfugħ mis-Sptar ta' Għawdex sal-Knisja Katidrali ta' Għawdex, minn bandisti taż-żewġ baned:
"... e' stato trasportato sulle spalle da quattro della banda La Valetee e due della banda Leone."
Huwa ħalla warajh għadd ta' kompożizzjonijiet mużikali varji, li ħafna minnhom jistgħu jinstabu fl-arkivji tal-baned lokali.
Jeżistu ukoll żewġ toroq residenzjali, waħda fil-Mosta u oħra ġo Santa Venera, li ġew imsemmijin warajh.[3]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 Grech, Grazio A. (2019-07-21). "Anton Miruzzi (1867-1944)" (bil-Malti). Miġbur 2025-11-12.
- ↑ "Antonio Miruzzi - M3P". www.m3p.com.mt. Miġbur 2025-11-12.
- ↑ "Tismija ta' Toroq f'Malta - Nru. 1407" (PDF). Kummisjoni Elettorali ta' Malta (bil-Malti). Miġbur 2025-11-12.