Ambohimanga
Ambohimanga hija għolja u insedjament irjali ffortifikat tradizzjonali (rova) f'Madagascar, u tinsab madwar 24 kilometru (15-il mil) fil-Grigal tal-belt kapitali ta' Antananarivo. Ambogimanga tinsab fil-komun ta' Ambohimanga Rova.
L-għolja u l-insedjament irjali ffortifikat tradizzjonali fil-quċċata jitqiesu bħala l-iżjed simbolu sinifikanti tal-identità kulturali tal-poplu Merina u l-iżjed monument importanti u ppreservat sew tar-Renju Merina prekolonjali. Il-villaġġ storiku ffortifikat jinkludi residenzi u siti funebri ta' diversi monarki ewlenin. Is-sit, waħda mit-12-il għolja sagra ta' Imerina, huwa assoċjat ma' sentimenti qawwijin ta' identità nazzjonali u żamm in-natura spiritwali u sagra tiegħu kemm fil-prattiki ritwali kif ukoll fl-immaġinazzjoni popolari għal mill-inqas 400 sena. Ambohimanga għadha titqies bħala post ta' qima li jżuruh diversi pellegrini minn Madagascar u minn pajjiżi oħra.
Is-sit ilu politikament importanti mill-bidu tas-seklu 18, meta r-Re Andriamasinavalona (1675–1710) qasam ir-Renju ta' Imerina f'erba' kwadranti u assenja lil ibnu Andriantsimitoviaminiandriana biex jiggverna l-kwadrant tal-Grigal, Avaradrano, mill-belt kapitali l-ġdida li ġiet iddeżinjata f'Ambohimanga. Il-qsim ta' Imerina wassal għal 77 sena ta' gwerra ċivili, u matul dan iż-żmien il-mexxejja suċċessivi ta' Avaradrano għamlu kampanji militari biex jespandu t-territorju tagħhom filwaqt li wettqu modifiki fid-difiżi ta' Ambohimanga biex jipproteġuha aħjar mill-attakki. Il-gwerra ntemmet minn Ambohimanga mir-Re Andrianampoinimerina, li rnexxielu jagħmel negozjati u kampanji militari biex Imerina terġa' tingħaqad taħt it-tmexxija tiegħu sal-1793. Malli ħataf il-belt kapitali storika ta' Imerina f'Antananarivo, Andrianampoinimerina ttrasferixxa l-qorti rjali tiegħu u l-funzjonijiet politiċi kollha lura lejn il-post oriġinali tagħhom fil-kumpless irjali ta' Antananarivo u ddikjara li ż-żewġ bliet kellhom importanza ugwali, b'Ambohimanga meqjusa bħala l-belt kapitali spiritwali tar-renju. Hu u l-mexxejja ta' warajh tan-nisel tiegħu baqgħu jagħmlu ritwali rjali fis-sit u b'mod regolari abitaw u mmudellaw mill-ġdid lil Ambohimanga sal-kolonizzazzjoni Franċiża tar-renju u l-eżilju tal-familja rjali fl-1897. L-importanza tal-avvenimenti storiċi fis-sit u l-preżenza ta' oqbra rjali taw natura sagra lill-għolja, li hija msaħħa iktar f'Ambohimanga mis-siti funebri ta' diversi Vazimba, l-abitanti bikrin tal-gżira.
Il-kumpless irjali fil-quċċata tal-għolja huwa mdawwar b'sistema kumplessa ta' fosos difensivi u ħitan tal-ġebel u wieħed jista' jaċċessah minn 14-il daħla, li bosta minnhom ġew issiġillati b'ħaġar tond. Id-daħliet u l-kostruzzjoni tal-binjiet fi ħdan il-kumpless huma rranġati skont żewġ sistemi kożmoloġiċi allinjati mal-erba' punti kardinali li jirradjaw minn ċentru unifikanti, u jehmżu importanza sagra lid-direzzjoni tal-Grigal. Il-kumpless fi ħdan il-ħitan huwa maqsum mill-ġdid fi tliet rova iżgħar. Mahandrihono, l-ikbar kumpless, ġie stabbilit bejn l-1710 u l-1730 mir-Re Andriambelomasina; baqa' pjuttost intatt u fih l-oqbra rjali, id-dar tar-Re Andrianampoinimerina, il-palazz tas-sajf tar-Reġina Ranavalona II, u siti li kienu jintużaw fir-ritwali rjali ewlenin bħall-mandra taż-żebu (tip ta' gendus) tas-sagrifiċċji, il-banju rjali u l-bitħa prinċipali. Il-binjiet oriġinali ma għadhomx jeżistu fil-kumpless ta' Bevato, li ġie stabbilit qabel l-1710 minn Andriamborona, u fil-kumpless ta' Nanjakana, li nbena għar-Re Andrianjafy fl-aħħar tas-seklu 18. L-għolja u l-belt iffortifikata tagħha tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001 u jirrappreżentaw l-uniku sit kulturali ta' Madagascar peress li r-rova ta' Antananarivo laħqet inqerdet fin-nirien fl-1995 ftit qabel ma kienet se titniżżel fil-lista.[1] Bosta organizzazzjonijiet tal-gvern u tas-soċjetà ċivili jappoġġaw il-konservazzjoni ta' Ambohimanga permezz tar-restawr tal-karatteristiċi li ġarrbu xi ħsarat u billi jipprevjenu kemm jista' jkun li ssir iktar ħsara.
L-isem Ambohimanga huwa nom-aġġettiv kompost bil-lingwa Malgasy standard u huwa magħmul minn żewġ partijiet: ambohi, li tfisser "għolja", u manga, li tista' tfisser "sagra", "blu", "sabiħa" jew "tajba". L-iżjed isem bikri magħruf tal-għolja kien Tsimadilo. L-isem inbidel għal Ambohitrakanga ("għolja tal-farawni") għall-ħabta tal-1700 minn prinċep li tneħħa mit-tron li kien jismu Andriamborona, li skont il-ġrajjiet bil-fomm, kien l-ewwel wieħed li insedja l-quċċata tal-għolja flimkien mal-familja tiegħu. L-għolja ngħatat l-isem attwali tagħha mir-Re Andriamasinavalona fil-bidu tas-seklu 18.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]
L-artijiet għoljin ċentrali ta' Madagascar, inkluż l-inħawi madwar Ambohimanga, ġew abitati għall-ewwel darba bejn il-200 Q.K. u t-300 W.K. mill-insedjaturi bikrin tal-gżira, il-Vazimba, li milli jidher waslu b'kenura mix-Xlokk tal-Borneo biex jistabbilixxu villaġġi sempliċi fil-foresti densi tal-gżira. Sas-seklu 15, il-grupp etniku Merina mill-kosta tax-Xlokk gradwalment wettqet migrazzjoni lejn l-artijiet għoljin ċentrali fejn stabbilew villaġġi fuq il-qċaċet tal-għoljiet, sparpaljati fost l-insedjament eżistenti tal-Vazimba, li kienu mmexxijin minn rejiet lokali. L-oqbra ta' mill-inqas erba' Vazimba jinsabu fuq jew madwar l-għolja ta' Ambohimanga u huma siti ta' pellegrinaġġ, inkluż l-oqbra ta' Ingorikelisahiloza, Andriantsidonina, Ramomba u Kotosarotra. F'nofs is-seklu 16, id-diversi prinċipati Merina ngħaqdu bħala r-Renju ta' Imerina taħt it-tmexxija tar-Re Andriamanelo (1540–1575), li beda kampanji militari biex ikeċċi jew jassimila l-popolazzjoni tal-Vazimba. Il-kunflitt mal-Vazimba wassal biex Andriamanelo jiffortifika l-għolja tiegħu permezz ta' ħitan tal-ħamrija, daħliet tal-ġebel u trunċieri difensivi fondi. Dan il-mudell ta' raħal iffortifikat, imsejjaħ rova, ġie propagat mill-klassi nobbli madwar Imerina sal-kolonizzazzjoni Franċiża ta' Madagascar fl-1895.
L-iżjed insedjament bikri fil-quċċata ta' Ambohimanga x'aktarx li ġie stabbilit fis-seklu 15 flimkien mal-wasla tal-poplu Merina fl-artijiet għoljin. L-għelieqi tar-ross ħadu post il-foresti oriġinali tal-wied sas-seklu 16, u l-popolazzjoni li bdiet tikber qrib il-widien madwar Ambohimanga saret magħruf bħala l-poplu Tantsaha ("il-poplu tal-art ikkultivata"). Madankollu, skont il-ġrajjiet bil-fomm, l-ewwel li insedja s-sit tar-rova ta' Ambohimanga kien Andriamborona, il-prinċep li tneħħa mit-tron tat-territorju ta' Imamo tal-artijiet għoljin, li għamel rilokazzjoni lejn il-quċċata tal-għolja li dak iż-żmien ma kinitx popolata għall-ħabta tal-1700 u kien akkumpanjat min-neputi, minn martu u minn ommu, Ratompobe. Ir-Re tal-poplu Merina, Andriamasinavalona (1675–1710), li rrenja f'Imerina mill-kumpless irjali tiegħu f'Antananarivo, innota ħuġġieġa mqabbda mill-familja fuq ix-xaqliba tan-Nofsinhar tal-għolja 24 kilometru 'l bogħod. Il-viżibbiltà tas-sit mill-belt kapitali tiegħu waslet biex Andriamasinavalona jixtieq lil Ambohimanga bħala r-residenzagħal ibnu, Andriantsimitoviaminiandriana. Andriamborona u l-familja tiegħu qablu li jittrasferixxu ruħhom tliet darbiet lejn partijiet differenti tal-għolja, inkluż is-sit futur tal-kumpless irjali ta' Bevato, b'rispons għal talbiet konsekuttivi mir-re. Għal żmien qasir, hu u l-prinċep għexu fi djar qrib xulxin f'Bevato qabel ma Andriamborona u l-familja tiegħu finalment telqu mill-għolja u marru lejn il-villaġġ distanti tal-artijiet għoljin ta' Ambatolampy, fejn għex għall-kumplament ta' ħajtu; ir-re ordna li l-katavri tagħhom jindifnu f'Ambohimanga.

Fl-1710, Andriamasinavalona qasam ir-Renju ta' Imerina f'erba' kwadranti, li ngħataw lill-erba' ulied subien preferuti tiegħu biex jirrenjaw fihom. Andriantsimitoviaminiandriana ngħata l-kwadrant tal-Lvant, Avaradrano, u ttrasforma r-rova tiegħu f'Ambohimanga bħala l-belt kapitali. Bħala l-ewwel re ta' Avaradrano (1710–1730), Andriantsimitoviaminiandriana bena wkoll il-ħitan difensivi tas-sit u l-ewwel sett ta' seba' daħliet. Minflok irrenjaw fit-territorji rispettivi tagħhom b'mod paċifiku bħalma kellu f'moħħu Andriamasinavalona, l-erba' ulied tiegħu bdew sensiela ta' gwerer biex jaħtfu l-kontroll tat-territorji ġirien, u kkawżaw ġuħ u tbatija fost il-popolazzjoni tar-raħħala ta' Imerina. Andriantsimitoviaminiandriana qatta' l-biċċa l-kbira tar-renju tiegħu jsaħħaħ l-awtorità tal-governanza tiegħu f'Ambohimanga u attira r-residenti biex jinsedjaw ruħhom fil-villaġġi tal-madwar filwaqt li għamel battalji kontra l-aħwa subien tiegħu biex iżid l-art taħt il-kontroll tiegħu. Is-suċċessur tiegħu kien l-iben adottat tiegħu, Andriambelomasina (1730–1770), li kompla jirrenja fuq Avaradrano minn Ambohimanga fil-Kumpless ta' Mahandrihono li bena biswit il-Kumpless oriġinali ta' Besakana. Andriambelomasina kabbar b'mod sinifikanti l-insedjament ta' Ambohimanga u saħħaħ id-difiżi tiegħu, u b'hekk irnexxielu jikkuntrasta l-attakki kontra r-rova minn grupp ta' ġellieda Sakalava mqabbdin mir-rivali ewlieni tiegħu, il-mexxej ta' Antananarivo. Bħala s-suċċessur tiegħu huwa sejjaħ lil ibnu l-kbir, Andrianjafy (1770–1787), u ddeżinja lin-neputi tiegħu Andrianampoinimerina biex jiġi wara Andrianjafy fl-ordni tas-suċċessjoni. Andrianjafy, mexxej dgħajjef u inġust, żamm il-belt kapitali tiegħu f'Ambohimanga fejn bena l-Kumpless privat ġdid ta' Nanjakana, iżda spiss irresjeda fil-villaġġ ta' Ilafy fil-qrib.
Andrianampoinimerina neħħa lil Andrianjafy mit-tron f'kunflitt vjolenti li ntemm fl-1787. Ir-re mbagħad uża lil Ambohimanga bħala l-punt minn fejn nieda kampanja militari ta' suċċess biex iġib lit-tnax-il għolja sagra ta' Imerina taħt it-tmexxija tiegħu, inkluż l-għolja u l-insedjament ta' Antananarivo, u b'hekk reġa' għaqqad l-erba' kwadranti tar-Renju mifrud ta' Imerina taħt is-sovranità tiegħu u temm 77 sena ta' gwerra ċivili. Sabiex jikkonsolida l-appoġġ għat-tmexxija tiegħu, Andrianampoinimerina mmobilizza rappreżentanti tal-bosta kasti nobbli biex jipparteċipaw fl-iżjed sforz estensiv ta' tkabbir u ta' fortifikazzjoni ta' Ambohimanga. Huwa ordna l-kostruzzjoni ta' ħitan iffortifikati, daħliet u trunċieri difensivi ġodda, kif ukoll palazz tal-injam dagħmi msejjaħ Mahandrihono, li nbena bl-istil tradizzjonali.
Wara l-ħakma ta' Antananarivo fl-1793, Andrianampoinimerina ttrasferixxa l-belt kapitali politika ta' Imerina minn Ambohimanga għas-sit oriġinali ta' Antananarivo, filwaqt li ddikjara lil Ambohimanga bħala l-belt kapitali spiritwali tar-renju. Ir-ritwali tradizzjonali importanti baqgħu jsiru f'Ambohimanga, u Andrianampoinimerina qagħad regolarment fil-Palazz ta' Mahandrihono. Ibnu, Radama I, għex fil-Kumpless ta' Nanjakana f'Ambohimanga bħala żagħżugħ qabel ma għamel rilokazzjoni lejn Antananarivo, u żar Ambohimanga spiss wara r-rilokazzjoni. L-armla u s-suċċessur ta' Radama, Ranavalona I, irrinnovat il-Kumpless ta' Mahandrihono u ttrasferiet diversi binjiet mir-rova ta' Antananarivo lejn Ambohimanga. Hija pprojbiet ukoll il-ħnieżer f'Ambohimanga minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom mal-Ewropej, li kienu xerrdu l-ħnieżer bħala sors tal-ikel fid-deċennju ta' qabel. L-irġejjen sussegwenti ħallew il-marka tagħhom fis-sit, inkluż ir-rikostruzzjoni tal-Kumpless ta' Nanjakana minn Rasoherina, u ż-żieda min-naħa ta' Ranavalona II ta' żewġ paviljuni kbar fil-Kumpless ta' Mahandrihono li kienu jirriflettu sinkretiżmu tal-istili arkitettoniċi tradizzjonali u tal-Punent.
Matul il-biċċa l-kbira tas-seklu 19 u b'mod partikolari matul ir-renju tar-Reġina Ranavalona I (1828–1861), l-aċċess għal Ambohimanga kien ipprojbit lill-viżitaturi barranin, u dan ikkontribwixxa għan-natura mistika tal-post bħala "belt ipprojbita". Dan l-istatus baqa' sal-1897 meta l-amministrazzjoni kolonjali Franċiża ttrasferiet ir-relikwi u l-oġġetti importanti kollha tal-familja rjali minn Ambohimanga għal Antananarivo biex tkisser l-ispirtu ta' reżistenza u identità etnika ta' dawn is-simboli ispirati fil-poplu ta' Madagascar, b'mod partikolari fl-artijiet għoljin. Fil-bidu tas-seklu 20, l-inħawi komplew jinbidlu iktar meta l-Franċiżi neħħew il-foresti sagri li kien għad fadal fil-qċaċet tal-għoljiet fil-qrib fil-bidu tas-seklu 20. Xorta waħda l-belt għad għandha importanza simbolika f'Imerina sal-lum.
Konfigurazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Ambohimanga tinsab fl-artijiet għoljin ċentrali ta' Madagascar, madwar 24 kilometru (15-il mil) fil-Grigal tal-belt kapitali ta' Antananarivo. L-għolja togħla f'salt sa madwar 450 pied mill-art tal-madwar fix-xaqliba tal-Lvant u gradwalment il-pendil jinżel 'l isfel lejn il-Punent. Il-belt irjali ta' Ambohimanga, li tinsab fil-quċċata tal-għolja, toffri veduti panoramiċi tal-għoljiet u tal-widien tal-madwar, u hija mdawra fix-xaqlibiet tal-għolja u fl-art tal-wied mid-djar tar-residenti tal-villaġġ ta' Ambohimanga. L-għelieqi mtarrġa tar-ross li jkopru x-xaqlibiet tal-għolja lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-belt irjali nħolqu fis-sekli 17 u 18 biex jipprovdu sors tal-ikel bażiku għall-abitanti tal-għolja u tal-villaġġi tal-madwar. Il-quċċata ta' Ambohimanga hija ogħla mill-għoljiet tal-madwar u mill-għoljiet l-oħra fost it-12-il għolja sagra tradizzjonali ta' Imerina, u dan jindika simbolikament l-importanza politika tas-sit meta mqabbel ma' rħula simili oħra tal-għoljiet. Din l-elevazzjoni offriet ukoll punt eċċellenti għall-istħarriġ tal-inħawi tal-madwar għal xi truppi tal-għadu li jaf kienu qed javvanzaw. Fil-quċċata tal-għolja hemm forest li ġiet eżentata mid-deforestazzjoni mifruxa tal-artijiet għoljin minħaba n-natura sagra tagħha. Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, li huwa magħmul mill-għolja u mill-belt irjali fil-quċċata, għandu erja ta' 59 ettaru u żona ta' lqugħ ta' 425 ettaru.[1]
Simboliżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-konfigurazzjoni tat-tliet kumplessi ta' Ambohimanga u tal-istrutturi ta' ġo fihom issegwi disinn tradizzjonali stabbilit mill-insedjaturi bikrin tal-poplu Merina tal-artijiet għoljin sas-seklu 15. Skont id-drawwa lokali, rova setgħet tiġi stabbilita biss minn andriana (nobbli). Il-pedamenti tagħha nbnew sabiex ir-rova tiġi olzata iktar 'il fuq mill-binjiet tal-madwar 'il barra mill-ħitan tagħha. Fi ħdan ir-rova kien ikun hemm mill-inqas lapa (palazz jew residenza rjali) kif ukoll il-fasana (qabar) ta' wieħed jew iktar mill-fundaturi tas-sit u l-membri tal-familja. Barra minn hekk kien ikun hemm ukoll kianja (bitħa) immarkata b'vatomasina (ħaġra sagra) li kienet televa lis-sovran 'il fuq mill-poplu biex iwassal il-kabary (diskorsi jew digrieti rjali) minnha. L-akkomodazzjoni tas-sovran tipikament kienet tinsab fin-naħa tat-Tramuntana tar-rova, filwaqt li l-konjuga jew il-konjuġi kienu jgħixu fin-naħa tan-Nofsinhar.
F'Ambohimanga, bħal f'rovi oħra, il-konfigurazzjoni kardinali u vertikali ta' dawn id-diversi komponenti tradizzjonali tinkorpora żewġ kunċett kożmoloġiċi tal-ispazju li kienu jeżistu flimkien f'Imerina tradizzjonali. Is-sistema l-antika kienet tirregola l-ordni soċjopolitika u kienet ibbażat fuq il-kunċett tal-erba' punti kardinali li jirradjaw minn ċentru unifikanti. Sistema iktar reċenti li ġiet introdotta permezz tal-astroloġija tal-baħħara Għarab irregolat l-ordni spiritwali u hemżet importanza speċjali fil-Grigal. In-naħat sagri tal-Lvant ta' Ambohimanga kien fihom strutturi assoċjati mal-qima tal-antenati, inkluż l-oqbra rjali, baċiri tal-ilma sagru użat fir-ritwali rjali, u bosta siġar tal-Ficus u tad-Draceana, li kienu jissimbolizzaw lill-familja rjali. In-naħa tat-Tramuntana tas-sit kien fiha bitħa fejn kienu jingħataw is-sentenzi rjali minn fuq ħaġra prominenti tal-granit, skont assoċjazzjoni ta' Madagascar bejn il-punt kardinali tat-Tramuntana, il-maskilinità u l-poter politiku. Id-djar tan-nisa rjali qabel kienu jinsabu fin-naħa tan-Nofsinhar tas-sit, li kien punt kardinali li tradizzjonalment kien assoċjat mal-femminilità u mal-poter spiritwali. Dawn is-sistemi kożmoloġiċi f'kompetizzjoni ma' xulxin huma riflessi wkoll fil-kollokament tad-daħliet prinċipali tal-belt fil-punti kardinali, kif ukoll fid-daħliet tal-Grigal li kienu jkunu rriżervati għall-użu mis-sovran u ddedikati għar-rwol tagħhom fir-ritwali sagri.
L-orjentazzjoni u l-kollokament ta' bosta strutturi fi ħdan Ambohimanga ġew ikkupjati mir-rova iktar antika ta' Antananarivo, li b'mod simili tinkorpora ż-żewġ kunċetti tradizzjonali ta' spazju. Il-kollokament tal-belt ta' Ambohimanga mqabbel ma' dak ta' Antananarivo jirrifletti wkoll dawn is-sistemi. Antananarivo, ikkollokata ċentralment, hija l-belt kapitali politika tan-nazzjon, u Ambohimanga lejn il-Grigal titqies bħala l-belt kapitali spiritwali.
Bejn dan iż-żewġ sistemi, dik tal-ordni politika hija predominanti fil-konfigurazzjoni ta' Ambohimanga, u s-sagralità tal-belt storikament kienet assoċjata iktar espliċitament mar-rwol tagħha bħala ċentru politiku iktar milli ċentru astroloġiku. L-aċċess ipprojbit għas-sit lill-barranin fis-seklu 19, pereżempju, ġie promulgat sabiex tiġi ppreservata s-sagralità tal-ordni soċjali u politika, iktar milli l-ordni reliġjuża. Bir-rispett lejn dawn is-sistemi ta' simboliżmu, il-mexxejja suċċessivi ppruvaw jiżguraw il-barka tal-antenati tagħhom, isaħħu l-leġittimità tat-tmexxija tagħhom, u jiżgraw il-protezzjoni u l-istabbiltà tar-renju tagħhom. Madankollu, l-adeżjoni tad-diviżjoni kardinali u s-simboliżmu tal-ispazju huma iktar dgħajfa f'Ambohimanga milli l-inkorporazzjoni tagħha tal-importanza tal-ispazju vertikali u l-elevazzjoni bħala indikatur tal-ġerarkija. Is-sit ta' kull kumpless fi ħdan il-belt irjali ntgħażel inqas għad-direzzjoni kardinali tiegħu milli għal kemm kien jinsab ogħla mill-kumpless ta' qabel.
Fortifikazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]
Sensiela ta' trunċieri protettivi (hadivory) u ħitan tal-ġebel, tipiċi tal-bliet irjali ffortifikati f'Imerina mis-seklu 15, jinsabu madwar il-villaġġ ta' Ambohimanga. Il-fond tat-trunċieri jvarja sa massimu ta' 30 metru (98 pied). L-eqdem trunċieri fis-sit, imsejħa Mazavatokana, jinsabu wara r-rova attwali u milli jidher saru qabel ir-renju tal-ewwel re magħruf tal-għolja, Andriantsimitoviaminiandriana; skont it-tradizzjoni lokali jingħad li dawn tħaffru fil-bidu tas-seklu 16 skont il-kmand tar-Re Andrianjaka, li jaf uża s-sit bħala punt minn fejn ivara attakki militari fil-gwerra tiegħu kontra l-Vazimba. Andriantsimitoviaminiandriana kien l-ewwel li sistematikament stabbilixxa network ta' difiżi madwar l-insedjament fil-quċċata tal-għolja. Dan l-ewwel re ta' Ambohimanga ħaffer trunċieri madwar il-Kumpless ta' Bevato tiegħu, li inizjalment kien aċċessibbli biss minn daħla msejħa Ambavahadikely.
L-insedjament tkabbar bil-kostruzzjoni ta' trunċieri fil-konfini ta' spazju ieħor biswit fil-Grigal b'żewġ punti ta' aċċess addizzjonali msejħa Ampanidinamporona u Ambavahaditsiombiomby. Din tal-aħħar kienet daħla naturali ffurmata minn żewġ ħaġriet u x'aktarx li kienet tintuża bħala aċċess għall-ispazju saħansitra qabel l-istabbiliment formali ta' belt irjali hemmhekk. Għaldaqstant titqies mill-arkeologi bħala l-eqdem daħla tas-sit. Wara l-istabbiliment tar-rova, din id-daħla ġiet irriżervata għall-użu mis-sovran, riflessjoni tal-importanza spiritwali tal-Grigal u l-assoċjazzjoni tagħha mal-antenati, li l-barka jew il-hasina tagħhom kienu jipprovdu l-bażi għall-poter u għal-leġittimità tas-sovran. Id-daħla kienet tintuża wkoll biex jiddaħħlu l-bhejjem tas-sagrifiċċji fil-kumpless. Andriantsimitoviaminiandriana mbagħad kabbar lejn il-Punent lejn sensiela ta' difiżi naturali, inkluż irdumijiet u xaqlibiet forestali weqfin li evitaw il-ħtieġa li jinbnew trunċieri difensivi, u huwa bena diversi daħliet addizzjonali msejħa Ambavahadimahazaza, Andranomboahangy u Ambavahadiantandranomasina. Andrianampoinimerina kabbar it-trunċieri madwar il-belt bl-użu ta' ħaddiema fanampoana. Matul ir-renju tiegħu, tħaffret trunċiera madwar l-għolja kollha, u sensiela ta' trunċieri tħaffru biswit oħrajn eżistenti biex il-belt tkun protetta iktar kontra l-għedewwa. Il-ħajt difensiv attwali ġie rikostruwit għall-ħabta tal-1830 matul ir-renju tar-Reġina Ranavalona I. Huwa stmat li 16-il miljun abjad tal-bajd tħalltu mal-ġir biex il-kumpless jitbajjad minn barra u minn ġewwa. Sal-kolonizzazzjoni Franċiża fl-1897 u mill-inqas sar-renju ta' Radama I, il-barranin u dawk li ma kinux residenti ma tħallewx jidħlu fil-belt irjali mingħajr awtorizzazzjoni mis-sovran.
Il-kumpless irjali jista' jiġi aċċessat minn 14-il daħla tal-ġebel b'kollox. Minbarra s-seba' daħliet interni li nbnew minn Andriantsimitoviaminiandriana fil-bidu tas-seklu 18, hemm ħajt estern u t-tieni sett ta' seba' daħliet li nbnew qabel l-1794 matul ir-renju ta' Andrianampoinimerina, att li simbolikament immarka t-tlestija tal-unifikazzjoni mill-ġdid ta' Imerina mir-re. L-ikbar daħla u dik prinċipali hija wkoll l-iżjed waħda ppreservata sew u hija magħrufa bħala Ambatomitsangana ("ħaġra wieqfa"). Kull filgħodu u filgħaxija, tim ta' għoxrin suldat kienu jaħdmu flimkien biex iressqu l-ħaġra tonda enormi f'postha, b'dijanetru ta' 4.5 metri u ħoxna 30 ċentimetru, u b'piż ta' madwar 12-il tunnellata, biex jiftħu jew jagħlqu d-daħla. Din il-forma ta' daħla (vavahady bil-lingwa Malagasy), tipika tal-biċċa l-kbira tal-villaġġi rjali ffortifikati ta' Imerina li nbnew bejn l-1525 u l-1897, kienet tipproteġi lir-residenti tal-villaġġi mill-attakki tal-għedewwa. Fuq id-daħla hemm ukoll post tal-għassa. It-tieni daħla prinċipali, imsejħa Andakana, tinsab fil-ħajt tal-Punent. Il-ħaġra tonda tagħha hija intatta wkoll, u l-passaġġ li jagħti għaliha huwa pavimentat b'ġebel maqtugħ. Kemm l-Ambatomitsangana kif ukoll l-Andakana kienu jitqiesu bħala d-daħliet tal-ħajjin; il-katavri ma setgħux jiġu ttrasportati minnhom, u l-passaġġ kien miċħud f'każ ta' kuntatt mal-mejtin. Id-daħla tat-Tramuntana msejħa Miandrivahiny għad għandha l-ħaġra tonda tagħha ppreservata sew u kienet waħda minn żewġ daħliet kull meta kien meħtieġ li jiġu ttrasportati xi katavri lejn is-sit jew minnu; it-tieni daħla għall-katavri kienet imsejħa Amboara. Il-ħaġra tonda fid-daħla tan-Nofsinhar imsejħa Andranomatsatso tinsab f'kundizzjoni tajba wkoll. Din id-daħla, kif ukoll Antsolatra u Ampitsaharana, primarjament intużaw bħala punt ta' osservazzjoni jew għassa. Fl-aħħar tas-seklu 18 Andrianampoinimerina ssostitwixxa d-daħla ta' Ambavahadiantandranomasina b'daħla oħra magħmula mill-injam minflok bil-ġebel u ġiet imsejħa Ambavahadimasina. Hu u s-suċċessuri tiegħu kienu jixkatlaw biċċa injam żgħira mill-koxxa ta' din id-daħla biex jixegħlu l-ħuġġieġa sagra li kellha rwol ritwali fiċ-ċerimonja tradizzjonali taċ-ċirkunċiżjoni. Il-ħamrija ħamra fid-daħla u sensiela ta' panewijiet tal-injam faċċata tad-daħla kienu meqjusa sagri, u s-suldati jew oħrajn li kienu jkunu jafu li se jagħmlu vjaġġ lil hinn minn Imerina kienu jieħdu ponnijiet ta' ħamrija u biċċiet mill-panewijiet tal-injam magħhom qabel ma jitilqu għax kienu jemmnu li dan kien jiżgura r-ritorn sikur tagħhom.
Diversi ħaġriet kbar jinsabu mal-art qrib id-daħliet jew biswit il-ħitan ta' Ambohimanga. Il-mexxejja kienu joqogħdu bilwieqfa fuq dawn il-ħaġriet, kollha identifikati b'ismijiet distinti, biex jagħmlu diskorsi quddiem il-pubbliku. Lejn in-Nofsinhar kien hemm il-ħaġriet imsejħa Ambatomasina u Ambatomenaloha, filwaqt li Ambatorangotina kienet tinsab fil-Grigal. Din il-ħaġra tal-aħħar kellha importanza partikolari: hawnhekk it-tnax-il mexxejja tal-klan ta' Ambatofotsy iddikjaraw għall-ewwel darba li jirrifjutaw it-tmexxija ta' Andrianjafy u ddikjaraw l-alleanza tagħhom man-neputi tiegħu, Andrianampoinimerina. Meta tela' fuq it-tron, Andrianampoinimerina uża dan is-sit biex jiddikjara liġijiet u digriet ġodda li iktar 'il quddiem tħabbru mar-renju kollu. Dan kien ukoll is-sit prinċipali f'Ambohimanga għall-għoti tas-sentenzi ġudizzjarji. Wara s-suċċessjoni ta' Andrianampoinimerina fuq it-tron, huwa ssagrifika żebu iswed li kienet mietitlu ommu, imsejjaħ Lemainty ("l-iswed"), b'diversi daqqiet bil-lanza; wara li miet, l-annimal tqatta' biċċiet u ndifen fis-sit. Minn dakinhar 'il quddiem, Lemainty baqa' jiġi invokat fid-diskorsi u fid-digrieti rjali bħala allużjoni għad-destin ta' dawk li seta' jgħaddilhom minn moħħhom li jitbegħdu mill-protezzjoni tal-gwardjan tagħhom, is-sovran, u mil-liġijiet tiegħu.
Karatteristiċi naturali
[immodifika | immodifika s-sors]Żewġ fawwariet sagri mgħottijin bil-ħaġar fil-qrib jalimentaw nixxiegħa li jingħad li fiha poteri ta' purifikazzjoni u tnixxi miż-żona ta' lqugħ madwar il-belt irjali. L-ilma tagħhom kien intuża biex jiġi ffurmat il-lag sagru ta' Amparihy, li nħoloq b'mod artifiċjali mill-inqas mis-seklu 18 biex jipprovdi l-ilma biex jimtlew żewġ pixxini ċerimonjali li nbnew fi ħdan il-kumpless ta' Ambohimanga. Il-ġrajjiet bil-fomm jattribwixxu l-ħolqien tal-lag lil Andrianampoinimerina. Jingħad li huwa talab il-ħidma tar-residenti tal-villaġġi tal-madwar biex iħaffru l-lag fis-sit tal-art bassasa alimentata min-nixxiegħa fil-bażi tal-għolja. Qabel ma inizjalment imtela l-lag bl-ilma f'buqari tat-tajn moħmi mis-siti sagri ta' Alasora, Antsahatsiroa u Anosibe, il-ħolqien tal-lag sar sagru permezz tas-sagrifiċċju taż-żebu fis-sit; jingħad li Andrianampoinimerina xeħet ukoll xi perli u ċrieket tal-fidda fil-lag biex jinawgurah.
Il-foresta f'Ambohimanga gawdiet minn protezzjoni tradizzjonali u llum il-ġurnata tirrappreżenta l-ikbar fost l-aħħar frammenti ta' foresti primarji li qabel kienu jiksu l-artijiet għoljin. Fiha taħlita ta' speċijiet ta' siġar u ta' pjanti nattivi, b'mod partikolari s-siġra endemika taż-zahana (phyllarthron madagascariensis) u varjetà ta' pjanti mediċinali indiġeni, li bosta minnhom għandhom importanza tradizzjonali jew spiritwali. Xi eżempji jinkludu l-arbuxxell nattiv tal-Anthocleista, li tradizzjonalment kien maħsub li jattira s-sajjetti u spiss kien jitħawwel fi gruppi biswit il-villaġġi; il-pjanta tad-Dracaena, li tradizzjonalment kienet tintuża għas-sies tal-ħaxix u kienet titħawwel f'siti sagri fil-widien jew postijiet naturali oħra fejn in-nies kienu jmorru biex jikkomunikaw mal-ispirti tal-antenati; u l-vinja tal-Phyllarthron, li kienet titħawwel f'postijiet sagri u tinħasad għall-injam tagħha, li tradizzjonalment kien jintuża għall-produzzjoni ta' manki għal diversi għodod. Il-preżenza reċenti u li qed tikber ta' żewġ speċijiet barranin (il-bambù dehbi u l-lantana) qed thedded l-integrità tal-ekosistema tas-sit. L-awtorità tal-ġestjoni lokali attwalment hija impenjata f'attivitajiet biex dawn it-tipi ta' veġetazzjoni jinqerdu għalkollox mis-sit.
Villaġġi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-villaġġi madwar il-belt irjali jmorru lura mill-inqas għas-seklu 16, meta l-widien madwar l-għolja ta' Ambohimanga kienu ġew ittrasformati f'għelieqi tar-ross. Wara l-istabbiliment tal-belt irjali fil-quċċata tal-għolja, mexxejja suċċessivi daħlu fis-seħħ regolamenti biex jirregolaw l-iżvilupp ta' dawn il-villaġġi u jiġġestixxu s-sudditi li kienu jgħixu fihom. Matul ir-renju ta' Andrianampoinimerina, għadd ta' djar ġew stabbiliti b'kwoti għall-membri ta' klans influwenti f'diversi kwartieri madwar l-għolja. Dan ir-re stabbilixxa wkoll regoli biex itejjeb is-sanitizzazzjoni, inkluż standards tal-indafa tal-btieħi domestiċi u l-kwarantina tan-nies li kienu jbatu minn ċertu mard. Ranavalona I speċifikat il-karatteristiċi fiżiċi tad-djar il-ġodda, inkluż id-daqs u l-karatteristiċi dekorattivi tagħhom. Fl-1862 Radama II ta permess lil grupp ta' Kristjani biex jinnegozjaw mal-anzjani Tsimahafotsy sabiex jibnu l-ewwel knisja tal-villaġġ, iżda inizjalment dawn irrifjutaw it-talba. Is-suċċessur tar-re, ir-Reġina Rasoherina, iktar 'il quddiem talbet lill-Kristjani biex ma jinġabrux ġewwa għas-servizzi f'Ambohimanga f'ġieħ is-sagralità tal-antenati. Il-qorti rjali ġiet Kristjanizzata minn Ranavalona II fl-1869, u nbniet kappella żgħira 'l barra mid-daħla tal-Lvant tal-belt, iżda knisja permanenti f'Ambohimanga baqgħet ma nbnietx qabel l-1883. Wara li kien hemm nirien fl-1870 matul żjara ta' Ranavalona II f'Ambohimanga, ir-reġina ħarġet digriet li d-djar fil-villaġġ setgħu jinbnew bil-brikks, materjal li qabel kien irriżervat għall-oqbra u għall-ħitan. Sensiela ta' fady (tabù) anċestrali li ġew stabbiliti minn Andrianampoinimerina għadhom japplikaw fil-villaġġi, u jinkludu projbizzjonijiet kontra l-qamħirrum, il-qargħa aħmar, il-ħnieżer, il-basal, il-qniefed u l-bebbux; l-użu tal-qasab għat-tisjir; u l-qtugħ jew il-ġbir tal-injam mill-foresti sagri fuq l-għolja.
Kumplessi
[immodifika | immodifika s-sors]Kull wieħed mit-tliet kumplessi mibnija fi ħdan ir-rova mill-mexxejja suċċessivi tal-poplu Merina għandu stili arkitettoniċi distinti li jirriflettu l-bidliet drammatiċi esperjenzati f'Imerina matul ir-Renju ta' Madagascar matul is-seklu 19, bil-wasla u l-espansjoni rapida tal-influwenza Ewropea fil-qorti rjali. Is-sit fih taħlita ta' stili u metodi ta' kostruzzjoni Merina u Ewropej. Il-karatteristiċi arkitettoniċi predominanti u l-konfigurazzjoni tal-belt irjali jsegwu l-mudell tradizzjonali tal-kostruzzjoni tar-rova li kien prodominanti fl-artijiet għoljin mis-seklu 15. Skont it-tradizzjoni, id-djar tal-ħajjin kienu jinbnew bl-injam u bil-veġetazzjoni (materjali ħajjin), filwaqt li l-oqbra tal-mejtin kienu jinbnew bil-ġebel (materjal kiesaħ u inerti). L-għażla tal-materjali tal-injam u tal-pjanti speċifiċi li kienu jintużaw fil-kostruzzjoni, kull wieħed b'tifsira simbolika distinta mehmuża miegħu, kienet tirrifletti n-normi soċjali u t-twemmin spiritwali. Mill-1996, ħafna mill-binjiet ġew irrestawrati bl-użu ta' materjali u prattiki tal-kostruzzjoni tradizzjonali xierqa għall-era li fiha kienu nbnew.
Kumpless ta' Bevato
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed kumpless irjali bikri f'Ambohimanga, il-Kumpless ta' Bevato ("bosta ħaġar", magħruf ukoll bħala l-Kumpless ta' Fidasiana-Bevato), kien l-ewwel wieħed li ġie stabbilit minn Andriamborona, li bena d-djar hemmhekk għalih innifsu u għall-familja tiegħu fl-aħħar tas-seklu 17. Ġie abitat minn Andriantsimitoviaminiandriana mill-1710 sal-1730, u matul dan iż-żmien kabbar il-kumpless tliet darbiet. Oriġinarjament il-kumpless kien imdawwar b'ħajt baxx tal-blat li ġie sostitwit minn Andriambelomasina b'ċint tal-injam. Ranavalona I kabbret il-kumpless lejn il-Punent bir-rilokazzjoni ta' dar żgħira li kien fiha l-idolu rjali Rafantaka; iktar tkabbir lejn il-Punent tlesta minn Ranavalona II. Fi żmien Ranavalona I u s-suċċessuri tagħha, Besakana ntużat bħala r-residenza tal-qrabat tas-sovran matul iż-żjarat tagħhom lejn Ambohimanga. Il-binjiet kollha tal-kumpless inqerdu mill-Franċiżi, li bnew skola fis-sit (Ecole Officiel), li iktar 'il quddiem ġiet segwita mill-muniċipju ta' Ambohimanga (Tranompokonolona), li twaqqgħu għalkollox wara li Madagascar reġgħet kisbet l-indipendenza.
Andriamborona, l-ewwel abitant tal-għolja, bena qabar għal ommu fil-Kumpless ta' Bevato. Meta r-re staqsieh biex jirriloka, Andriamborona qabel li jċaqlaq kemm id-djar tiegħu kif ukoll il-qabar ta' ommu. Bħala rikonoxximent għal din il-kunsiderazzjoni, ir-re mmarka s-sit tal-qabar b'ħaġra kbira u fil-qrib bena l-ewwel residenza rjali fir-rova bħala d-dar tiegħu. Minn dak iż-żmien 'il quddiem il-ħaġra ġiet meqjusa bħala sagra: Andrianampoinimerina ngħata t-tron meta kien bilwieqfa fuq din il-ħaġra, u l-iskjavi kienu jinġiebu hemmhekk biex jaħilfu li se jibqgħu leali lejn sidhom. Intużat ukoll fir-ritwali tas-sagrifiċċju taż-żebu (volavita) matul is-Sena l-Ġdida ta' Madagascar jew Fandroana (festival magħruf ukoll bħala l-"banju rjali"). Is-sovrani biex jirkbu ż-żwiemel kienu jitilgħu fuq il-ħaġra biex ikun jirkbu iktar faċilment, u wara l-Kristjanizzazzjoni tal-qorti rjali taħt Ranavalona II fl-1869, hemmhekk bdew isiru wkoll servizzi reliġjużi. L-oqbra rjali ġew rilokati lejn il-Kumpless ta' Mahandrihono taħt Ranavalona I biex titkabbar il-bitħa.
Skont it-traskrizzjoni tal-ġrajjiet bil-fomm tal-poplu Merina, Tantara ny Andriana eto Madagasikara, l-ewwel dar li nbniet minn Andriantsimitoviaminiandriana kienet tissejjaħ Bevato. Kienet tinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-kumpless u kienet tospita lir-re u lin-nisa tiegħu. Andriambelomasina bena u okkupa dar oħra, imsejħa Manatsaralehibe ("kbira u grandjuża"). Din id-dar kienet meqjuma sew minn Andrianampoinimerina: il-priġuniera maħruba li kien jirnexxilhom jaslu sal-binja kienu jingħataw il-maħfra, u din kienet l-unika dar storika fil-kumpless li Ranavalona I ma neħħietx. Skont sors ieħor, l-eqdem żewġt idjar fil-kumpless kienu jissejħu Mahitsielafanjaka ("min ikun wieqaf jibqa' fit-tul") u Manatsarakely ("żgħira u grandjuża"). Jingħad li dawn inbnew minn Andriamborona jew minn Andriantsimitoviaminiandriana fil-bidu tas-seklu 18 u kienu okkupati minn Andriantsimitoviaminiandriana u t-12-il mara tiegħu. Rakkont ieħor isostni li Manatsarakely kienet abitata minn Andrianjafy u iktar 'il quddiem min-nisa ta' Andrianampoinimerina; din id-dar u Mahitsielafanjaka ġew rinnovati fi żmien Ranavalona I bl-użu ta' injam mir-reġjun ta' Sihanaka biex il-ħitan jerġgħu jinksew bil-panewijiet.
Il-ġrajjiet bil-fomm jattribwixxu l-kostruzzjoni ta' par ieħor ta' djar fil-kumpless lil Andrianampoinimerina. Fil-bidu tar-renju tiegħu, Bevato sar it-tieni l-iżjed kumpless importanti wara Mahandrihono u kien fih erbat idjar għan-nisa rjali u għall-qaddejja tagħhom. Hemmhekk żamm ukoll l-idolu rjali Ifantaka f'dar żgħira mdawra b'ċint tal-injam, li baqa' hemm sa meta Ranavalona II kkonvertiet għall-Kristjaneżmu u simbolikament qerdet l-idoli rjali f'ħuġġieġa fl-1869. Wara t-tneħħija storika ta' Tsararay fil-Kumpless ta' Mahandrihono, Andrianampoinimerina bena dar ġdida bl-istess isem fil-Kumpless ta' Bevato. Tsararay kienet ir-residenza tan-nisa tiegħu meta kienu jivvjaġġaw lejn Ambohimanga. Il-Kumpless ta' Bevato f'Antananarivo kien ukoll irriżervat għan-nisa tas-sovran matul ir-renju ta' Andrianampoinimerina, iżda kien fih ferm iktar djar biex b'hekk kull mara seta' jkollha r-residenza tagħha. Meta n-nisa rjali kienu jivvjaġġaw lejn Ambohimanga kien ikollhom jaqsmu d-djar, u dawk li kienu jippreferu li ma jagħmlux dan tipikament kienu joqogħdu fid-djar tar-residenti tal-villaġġi 'l barra mill-ħitan tal-belt irjali.
Ranavalona I ħawwlet par siġar irjali tat-tin fit-tarf nett tal-Kumpless ta' Bevato u kienet toqgħod bejniethom meta kienet tindirizza l-pubbliku. Iktar 'il quddiem dawn kienu kkomplementati b'siġar oħra tat-tin imħawla madwar il-bitħa minn Ranavalona II u b'jakarandi mħawla mill-Franċiżi matul il-perjodu kolonjali. Huwa maħsub li s-siġar tat-tin li jagħmlu d-dell ingħataw il-hasina bis-saħħa tal-għadam u tal-kranji taż-żebu tas-sagrifiċċji u ta' ħaġriet speċjali li jpoġġu madwarhom diversi pellegrini minn Madagascar, Mauritius, Réunion u Comoros. Il-pellegrini jinġabru f'din il-bitħa biex jiċċelebraw iċ-ċerimonja ta' Fandroana, u matul dan iż-żmien is-sovran storikament kien jieħu banju rjali biex jaħsel metaforikament id-dnubiet tan-nazzjon u jirrestawra l-ordni u l-armonija fis-soċjetà. Illum il-ġurnata, il-pellegrini jiċċelebraw billi joffru sagrifiċċji jew talb biex jonoraw, jikkuntentaw jew jingħaqdu mal-antenati tagħhom.
Filwaqt li Bevato kien il-post fejn kienu jsiru l-laqgħat u l-festi rjali l-kbar, l-editti rjali u s-sentenzi pubbliċi kienu jingħataw fil-bitħa sagra (kianja) ta' Ambarangotina fil-bażi tal-għolja li tagħti għall-Kumpless ta' Bevato. Mill-kianja s-sovrani kienu jagħtu l-kabary biex iħabbru liġijiet u digrieti ġodda u jamministraw il-ġustizzja. Is-sovran kien jitla' fuq il-vatomasina (ħaġra kbira tal-granit) tal-kianja, li kienet tkun imdawra b'nofs ħajt tal-brikks u kienet tiġi aċċessat b'sett ta' taraġ.
Kumpless ta' Mahandrihono
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumpless ta' Mahandrihono ("jaf jistenna") huwa l-ikbar u l-iżjed ippreservat fost l-istrutturi tar-rova f'Ambohimanga. Jinsab lejn il-Lvant tal-bitħa ċentrali u jinsab f'elevazzjoni ogħla mill-Kumpless ta' Bevato, biex simbolikament jirrappreżenta l-importanza politika ogħla tiegħu. Ġie stabbilit għall-ewwel darba minn Andriambelomasina fil-bidu tas-seklu 18 matul ir-renju ta' missieru, Andriantsimitoviaminiandriana. Madwar il-kumpless Andriambelomasina bena ħajt tal-ġebel u fi ħdanu bena tlett idjar bħala residenzi għal uliedu — żewġ djar tewmin (tranokambana) maġenb xulxin imsejħa Mahandry ("jaf jistenna") u Tsararay ("għandu missier twajjeb"), u dar oħra msejħa Manandraimanjaka ("għandu missier li jirrenja") — u għamel ħiltu fl-għażla tal-ismijiet biex juri li ma kellux il-ħsieb li jdur kontra missieru. Meta Andriantsimitoviaminiandriana eventwalment miet, Andriambelomasina difnu wara d-djar tewmin. Fi żmien Andrianampoinimerina, dan il-kumpless kien jikkorrispondi mal-Kumpless ta' Mahandrihono fir-rova ta' Antananarivo, peress li kien irriżervat għar-re biss bir-residenza tiegħu ppożizzjonata maġenb l-oqbra tal-antenati.
Andrianampoinimerina neħħa d-djar tewmin biex jibni r-residenza ferm ikbar tiegħu msejħa Mahandrihono, li ġiet imżejna b'għasafar u ktajjen tal-fidda. Huwa kabbar ukoll il-kumpless u żied ħajt ieħor tal-injam voafotsy (li kien jiġi sostitwit kull sena) 'il barra mill-ħitan tal-ġebel. Mandraimanjaka tneħħiet u minflok Andrianampoinimerina bena dar b'torri żgħir imsejħa Manjakamiadana ("fejn tajjeb li tirrenja"), u ddeżinjaha bħala r-residenza għas-sampy (idolu) irjali msejjaħ Imanjakatsiroa u għall-gwardjani assenjati biex jipproteġuh. Żewġ idoli oħra nżammew fil-qrib: Ifantaka, li kien jinżamm f'dar fil-Kumpless ta' Bevato, u Kelimalaza, li kien jinżamm fid-dar tiegħu fil-kwartier ta' Ambohimirary f'Ambohimanga. Taħt Radama I, il-ħajt tal-ġebel issaħħaħ bil-panewijiet tal-injam madwar it-tlett idjar; tnejn minnhom kienu djar tewmin bħal dawk li kien bena Andriambelomasina. Ranavalona I kabbret il-bitħa tal-kumpless u kabbret il-Manjakamiadana. Hija bniet il-ħitan tal-ġebel li attwalment jinsabu madwar il-kumpless, kif ukoll iż-żewġ daħliet tal-ġebel tiegħu. Ranavalona II reġgħet żiedet il-panewijiet tal-injam mal-ħitan tal-ġebel tal-kumpless. Waqqgħetil-Manjakamiadana u minflok bniet żewġ paviljuni ibridi Malagasy-Ewropej bl-injam mid-dar storika u importanti spiritwalment ta' Masoandro, li kienet tneħħiet mill-kumpless irjali ta' Antananarivo minn Ranavalona I. Il-ġeneral Franċiż Joseph Gallieni uża dawn il-binjiet b'influwenza Ewropea bħala r-residenza tas-sajf tiegħu fl-ewwel snin tal-perjodu kolonjali Franċiż. Fl-2013, id-dar oriġinali ta' Andrianampoinimerina, l-oqbra rikostruwiti, u ż-żewġ paviljuni rjali ġew rinnovati u għadhom ippreservati fil-kumpless, flimkien ma' torri tal-għassa, mandra taż-żebu għas-sagrifiċċji, u żewġ pixxini li nbnew matul ir-renju ta' Ranavalona I.
Palazz ta' Mahandrihono
[immodifika | immodifika s-sors]Fost il-binjiet eżistenti fil-belt irjali matul żmien ir-Re Andrianampoinimerina (1787–1810), il-Palazz oriġinali ta' Mahandrihono biss għadu intatt. Il-Palazz ta' Mahandrihono, li ntuża bħala d-dar ta' Andrianampoinimerina qabel ir-rilokazzjoni tal-belt kapitali politika ta' Imerina lejn Antananarivo, ġie ppreservata fl-istat oriġinali tiegħu, għajr is-sostituzzjoni tal-bejt oriġinali tal-ħuxlief u tal-injam. L-istruttura sempliċi tal-injam inbniet bl-istil tradizzjonali tal-aristokrazija ta' Imerina: il-ħitan huma magħmulin bl-injam dagħmi mastizz u fuqhom hemm bejt skuntrat mirfud minn pilastru ċentrali tal-injam dagħmi għoli 10 metri, simili ħafna għal dak li kien oriġinarjament rifed il-bejt tar-rova ta' Manjakamiadana ta' Antananarivo qabel ma nqerdet min-nirien fl-1995. Il-qrejjen ippuntati (tandrotrano) tal-bejt iffurmati f'kull tarf tal-bejt fejn jiltaqgħu x-xorok tas-saqaf forfċi oriġinarjament kienu miksijin b'folji tal-fidda, u ajkla tal-fidda kienet iżżejjen il-quċċata tal-bejt. Kien hemm ornamenti tal-fidda wkoll fil-irkejjen tal-bejt fuq ġewwa tad-dar. Isem il-binja huwa mnaqqax fuq plakka bajda tal-irħam imwaħħla fuq barra ma' ħajt qrib waħda miż-żewġ daħliet tal-binja. Id-dar fiha għadd ta' oġġetti li kienu ta' Andrianampoinimerina, inkluż armi, tnabar, taliżmani, panew ta' fanorona u sodda olzata fuq pilastri tal-injam. Matul żmien Andrianampoinimerina, in-nisa tiegħu kienu jitħallew iżuru din il-binja iżda ma setgħux jorqdu hemm billejl. Is-sit jitqies bħala tassew sagru: ir-Reġina Rasoherina u s-suċċessuri tagħha spiss qagħdu fuq il-ħaġra ta' biswit biex jindirizzaw l-udjenza tagħhom, u bosta pellegrini jiġu hawnhekk biex jingħaqdu mal-ispirti ta' Andrianampoinimerina u tal-antenati tiegħu. Il-viżitaturi jiġu mitluba jidħlu fid-dar b'sieqhom il-leminija u joħorġu b'lura, skont drawwa, sabiex juru rispett għall-ispirtu ta' Andrianampoinimerina.
Paviljuni rjali
[immodifika | immodifika s-sors]Żewġ palazzi mżejnin inbnew bl-injam dagħmi f'dan il-kumpless fl-1871 fis-sit fejn qabel kien hemm ir-residenza tal-idolu rjali ta' Manjakamiadana. L-ewwel wieħed u l-ikbar, Fandriampahalemana, fih sala ta' lqugħ għall-viżitaturi u salott kbir fil-pjan terran, u l-kmamar tas-sodda tar-Reġina Ranavalona II u tal-qaddejja tagħha fit-tieni sular. L-għamara Ewropea oriġinali ġiet ippreservata, u l-bosta rigali mogħtija minn dinjitarji barranin lir-reġjun jinsabu għall-wiri hawnhekk. Il-kamra tas-sodda tar-reġina titqies bħala post sagru u bosta viżitaturi jagħmlu pellegrinaġġ biex jitolbu lill-ispirtu tagħha.
It-tieni palazz, iżgħar, huwa magħruf bħala Tranofitaratra ("dar tal-ħġieġ") u nbena fl-1862 skont l-ordnijiet ta' Ranavalona II. Ir-reġina kienet tlaqqa' lill-konsulenti tagħha biex jagħtuha l-pariri f'din il-binja, u t-twieqi kbar fuq l-erba' naħat tal-binja kienu joffru veduta tal-kampanja iktar 'l isfel, biex b'hekk ir-reġina setgħet taċċerta s-sigurtà ta' madwarha. Il-ħġieġ li ntuża fil-kostruzzjoni ġie importat mingħand l-Ingliż Parrett fl-1862.
Oqbra rjali
[immodifika | immodifika s-sors]Oriġinarjament il-kumpless kien fih tnax-il qabar irjali li nbnew bl-istil tan-nobbli Merina, bi kripta tal-ġebel imsaqqfa b'dar tal-injam żgħira u bla twieqi (tranomasina) li tindika l-ġerarkija aristokratika. Il-qċaċet ta' dawn l-oqbra kienu allinjati mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Oriġinarjament is-sovrani li ndifnu fl-ikbar ħames oqbra, lejn it-Tramuntana tal-oħrajn, kienu Andriantsimitoviaminiandriana, Andriambelomasina, Andriampoinimerina, Ranavalona I u Ranavalona II, filwaqt li n-nisa u l-qrabat tas-sovrani ndifnu f'oqbra iżgħar. Skont il-ġrajjiet bil-fomm, fl-aqwa tiegħu fis-seklu 19, il-kumpless ta' Ambohimanga kellu 12-il qabar.
It-tranomasina nqerdu f'Marzu 1897 mill-awtoritajiet Franċiżi li neħħew il-katavri tas-sovrani midfuna hawnhekk u rrilokawhom lejn l-oqbra rjali fir-rova ta' Antananarivo. Il-kollezzjoni rikka ta' oġġetti funebri fi ħdan l-oqbra tneħħiet ukoll biex tintwera fil-Palazz ta' Manjakamiadana fl-artijiet tar-rova ta' Antananarivo, li l-Awtorità Kolonjali ttrasformat f'mużew etnoloġiku. Dan sar bħala sforz biex titneħħa s-sagralità tal-belt ta' Ambohimanga u jinqered l-ispirtu tal-ġellieda tar-reżistenza Menalamba li kienu qed jirribellaw kontra l-kolonizzazzjoni Franċiża għal sena sħiħa, jitkisser it-twemmin popolari fil-poter tal-antenati rjali, u s-sovranità ta' Madagascar taħt il-mexxejja Merina tiġi rrelegata għal xejn iktar minn fdal tal-imgħoddi. Gwarniġjon Franċiż ġie stazzjonat fi ħdan il-belt irjali u nbnew binjiet militari fuq xi pedamenti tal-oqbra tal-ġebel. Inbnew kċina u post tal-ikel għall-militar fuq l-oqbra ta' Andrianampoinimerina u ta' Andriamasinavalona. Sal-1904, il-binjiet militari twaqqgħu wkoll, u l-pedamenti tal-oqbra tal-ġebel baqgħu intatti.
Il-profanazzjoni tal-iżjed żewġ siti sagri rjali Merina kienet mossa politika kkalkulata maħsuba biex tistabbilixxi s-superjorità politika u kulturali tal-poter kolonjali Franċiż. Fil-fehma popolari, ir-rabta bejn Ambohimanga u l-antenati (b'mod partikolari Andrianampoinimerina) wasslet biex il-belt irjali issir simbolu b'saħħtu u sors tal-poter leġittimu saħansitra iktar mill-belt kapitali ta' Antananarivo, li kienet titqies li saret post ta' politika korrotta u tbegħid mit-tradizzjoni tal-antenati. Peress li kienu jemmnu li l-preżenza tal-antenati fi ħdan l-oqbra kienet tqaddes l-art li fuqha nbniet ir-rova, il-ġellieda tar-reżistenza Menalamba kienu jżuru Ambohimanga biex jiġbru ponnijiet ta' ħamrija mill-bażi tal-oqbra biex iġorruha magħhom waqt l-attakki kontra l-Franċiżi; bit-tneħħija tal-katavri tas-sovrani mill-oqbra, l-awtorità Franċiża riedet ixxekkel il-kunfidenza u s-solidarjetà tal-ġellieda. Għalkemm l-oqbra ġew profanati u l-ġellieda tar-reżistenza Menalamba fl-aħħar mill-aħħar ġew megħluba, Ambohimanga baqgħet iżżomm in-natura sagra tagħha. L-oqbra rjali ġew rikostruwiti fl-2008 mill-gvern ta' Madagascar taħt l-amministrazzjoni ta' Ravalomanana. Matul in-nirien tal-1995 li qerdu l-oqbra u strutturi oħra fir-rova ta' Antananarivo, il-fdalijiet imgeżwra fil-lamba ta' sovrana waħda biss — Ranavalona III — setgħu jiġu salvati mill-fjammi. Ir-reġina mbagħad reġgħet ġiet midfuna fl-oqbra rjali ta' Ambohimanga.
Karatteristiċi oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Żewġ baċiri kbar ġew imnaqqxin mill-pedamenti tal-ġebel tal-kumpless. It-tnejn inbnew taħt Ranavalona I; waħda kienet pixxina f'ġieħ in-nisa tas-suldati tal-klan nobbli ta' Hova Tsimahafotsy ta' Ambohimanga, filwaqt li l-oħra nbniet għan-nisa ta' membri tal-korp militari elit magħruf bħala "l-500". Il-pixxini kienu pprojbiti strettament għall-għawm jew għax-xorb min-naħa tal-pubbliku u kien fihom ħut mil-Lag ta' Itasy u ilma kkonsagrat speċjali. Ranavalona I u s-suċċessuri tagħha Radama I u Rasoherina użaw il-pixxina rjali akbar għall-purifikazzjoni rjali matul il-festa tas-sena l-ġdida rjali tal-fandroana.
Iż-żebu sagri kienu jinżammu f'mandra tal-bhejjem (fahimasina) lejn il-Punent tal-bitħa tal-kianja qabel is-sagrifiċċji f'avvenimenti rjali bħaċ-ċirkonċiżjoni u l-festa tal-fandroana. L-iżjed żewġ tipi ta' żebu preġjati biss kienu jinżammu hemmhekk: iż-żebu suwed b'marki bojod fuq rashom, imsejħa volavita, u żebu kannella fl-aħmar, imsejħa malaza. B'dan il-mod, il-bhejjem kien ikollhom jimxu mill-Punent lejn il-Lvant (id-direzzjoni tal-antenati u tas-sagralità) qabel ma jinqatlu. Mandra kbira oħra taż-żebu għas-sagrifiċċji kienet tinsab lejn il-Grigal ta' din il-bitħa qabel ma mtliet bir-radam mill-Awtorità Kolonjali Franċiża fl-aħħar tas-seklu 19.
Kumpless ta' Nanjakana
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kumpless ta' Nanjakana huwa l-iktar fl-għoli mit-tliet kumplessi fir-rova ta' Ambohimanga. Dan il-kumpless jinsab fil-Grigal tal-Kumpless ta' Mahandrinoro, u huwa maħsub li kien l-ewwel li nbena minn Andrianjafy fl-aħħar tas-seklu 18. Lejn it-Tramuntana tal-kumpless hemm mogħdija bil-ġebel li toffri veduta ċara tal-madwar, fejn jingħad li Andrianampoinimerina kien imur biex jirrifletti dwar l-istrateġija militari tiegħu biex Imerina tiġi taħt il-kontroll tiegħu. Matul il-funeral tar-Reġina Ranavalona I fl-1861 li sar fil-Kumpless ta' Nanjakana, bi żball xi porvli fil-qrib li kienu maħsuba biex jintużaw għaċ-ċerimonja ħadu minħabba ġamra li kkawżat splużjoni u nirien li qatlu għadd ta' persuni fil-qrib u qerdu tliet residenzi rjali storiċi tal-kumpless.
Matul ir-renju ta' Andrianampoinimerina, il-Kumpless ta' Nanjakana kien fih ħamest idjar li ntużaw bħala residenzi għal uliedu. Id-dar imsejħa Nanjakana ("post tal-familja rjali") inbniet minn Andriambelomasina u ġiet rinnovata minn Andrianampoinimerina, li ttrasferiha lejn il-kumpless u għex fiha qabel ma tela' fuq it-tron. Huwa rrinovaha biex tintuża minn ibnu, Radama I, li kien jorqod hemm matul iż-żjarat lejn Ambohimanga wara li tela' fuq it-tron minflok missieru bħala r-Re ta' Madagascar. Skont il-ġrajjiet bil-fomm, ħaġra kbira qrib id-dar ta' Nanjakana ntużat bħala siġġu minn Andriambelomasina u minn Andrianampoinimerina meta kien ikollhom bżonn jirriflettu dwar id-deċiżjonijiet rigward il-governanza. Andrianampoinimerina żied dar ta' żewġ sulari msejħa Manambitana ("favorita mid-destin") li kienet l-ikbar fost id-djar tradizzjonali kollha f'Ambohimanga. Ulied ir-re kienu jorqdu fis-sular ta' fuq matul iż-żjarat fil-belt irjali, filwaqt li l-pjan terran kien jospita l-proprjetà rjali bħal palankini u sniedaq tal-ħżin. Din id-dar inqerdet fin-nirien tal-1861 u ġiet rikostruwita taħt Rasoherina, li użaha bħala residenza. Wara t-tneħħija tad-dar storika ta' Manandraimanjaka mill-Kumpless ta' Mahandrihono, Andrianampoinimerina bena dar ġdida bl-istess isem fil-Kumpless ta' Nanjakana. Din inqerdet ukoll fin-nirien tal-1861, u iktar 'il quddiem ġiet rikostruwita minn Ranavalona II. Fin-nirien inqerdet ukoll dar imsejħa Fohiloha ("qasira") li Ranavalona I kienet rilokat mill-kumpless irjali f'Antananarivo lejn il-Kumpless ta' Nanjakana f'Ambohimanga fl-1845; iktar 'il quddiem Fohiloha ġiet rikostruwita minn Rasoherina. Binjiet oħra li ġew ittrasferiti mir-rova ta' Antananarivo lejn il-Kumpless ta' Nanjakana f'Ambohimanga minn Ranavalona I kienu jinkludu Kelisoa ("żgħira u sabiħa") u Manantsara.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għolja Rjali ta' Ambohimanga ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Konservazzjoni u ġestjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Ambohimanga hija destinazzjoni turistika popolari u fl-2011 laqgħet 97,847 viżitatur. Il-viżitaturi tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jħallsu miżata (10,000 ariary il-barranin u 400 ariary iċ-ċittadini lokali), li fil-biċċa l-kbira tintuża biex tiffinanzja l-preservazzjoni tas-sit. Il-komun ta' Ambohimanga Rova huwa villaġġ rurali żgħir iżda li ffjorixxa u li jsostnu ruħu bl-agrikoltura u s-servizzi pprovduti lit-turisti u lill-pellegrini li jżuru l-belt irjali. Gwidi multilingwi jistgħu jitqabbdu fis-sit biex jipprovdu deskrizzjonijiet dettaljati dwar il-karatteristiċi u l-istorja tas-sit. Il-fotografija hija permessa fuq barra iżda mhux ġewwa l-binjiet storiċi. It-turiżmu fis-sit ġie affettwat b'mod negattiv bħala konsegwenza tal-kriżi politika tal-2009 f'Madagascar; il-ġestjoni tas-sit ġiet imxekkla wkoll mill-instabbiltà politika u d-dħul naqas mill-2009.
Iż-żona li attwalment hija kklassifikata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kellha aċċess ristrett u protezzjoni matul l-era imperjali u kienet taħt xi forma ta' rikonoxximent legali u protezzjoni mill-kolonizzazzjoni Franċiża, peress li ġiet inkorporata fis-Servizz tad-Dominji tal-Kolonji fl-1897 u fl-Inventarju Nazzjonali fl-1939. Minn dak iż-żmien ibbenefikat minn protezzjoni muniċipali legali u minn żewġ liġijiet nazzjonali (li għaddew fl-1982 u fl-1983) li jipproteġu s-siti ta' interess storiku u nazzjonali. L-Uffiċċju tas-Sit Kulturali ta' Ambohimanga, li nħoloq mill-Ministeru għall-Kultura, ġestixxa s-sit u l-miżati tad-dħul tiegħu kif ukoll is-sussidji statali mill-2006, meta ġie żviluppat pjan ta' ġestjoni ta' 5 snin għall-implimentazzjoni mit-30 impjegat tal-uffiċċju. Dawn l-attivitajiet ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni jitwettqu b'kooperazzjoni mal-popolazzjoni lokali fi ħdan il-Komun Rurali ta' Ambohimanga Rova. Il-Kumitat tal-Villaġġ, li jinkludi rappreżentanti tal-kwartieri kollha ta' biswit u l-komunità lokali, huwa involut ukoll fil-protezzjoni tas-sit. Il-konservazzjoni ta' Ambohimanga hija appoġġata wkoll minn assoċjazzjoni privata, Mamelomaso, li kienet attiva fit-tħejjija ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' protezzjoni tal-wirt kulturali u kkontribwiet għall-preservazzjoni ta' bosta siti oħra ta' importanza kulturali u storika fl-artijiet għoljin. Minbarra li għenet fit-tħawwil mill-ġdid tal-boskijiet ta' Ambohimanga, Mamelomaso kkontribwiet għar-restawr tal-ħaġar madwar is-sors tal-fawwara, tellgħet tabelli ta' informazzjoni madwar l-għolja, u pavimentat għadd ta' mogħdijiet għall-mixi fi ħdan is-sit. L-UNESCO kkontribwiet appoġġ finanzjarju speċjali għar-restawr tal-istrutturi storiċi f'Ambohimanga li kienu mhedda kull meta jkun hemm xita qliel u ċedimenti tal-art eċċezzjonali. Voluntiera mill-assoċjazzjoni C.H.A.M ipparteċipaw f'kampanja ta' restawr fl-1995.
Mill-aħħar tas-seklu 19, Ambohimanga titqies minn bosta nies tal-poplu Merina bħala post li jinkorpora ordni soċjali ideali bil-barka tal-antenati. L-importanza mehmuża mas-sit f'Imerina żdiedet iktar meta r-rova f'Antananarivo nqerdet min-nirien fl-1995, u dan wassal sa ċertu punt għall-ħsieb li Ambohimanga kienet l-aħħar rabta fiżika li kien għad fadal ma' dan l-imgħoddi sagru. Elit intellettwali żgħir fost il-klan Tsimahafotsy ta' Ambohimanga u n-nobbli (andriana) jemmnu li Ambohimanga biss għandha l-barka (hasina) tal-antenati biex tiffunzjona bħala l-belt kapitali nazzjonali u tagħti lill-mexxejja nazzjonali l-leġittimità u l-għerf meħtieġa biex jiggvernaw il-pajjiż b'mod ġust. Id-dixxendenti tal-andriana għalhekk kienu strumentali għall-promozzjoni u għall-protezzjoni ta' Ambohimanga, u kellhom rwol sinifikanti biex Ambohimanga ssir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Minkejja dawn il-miżuri, il-konservazzjoni ta' Ambohimanga hija mhedda minn fatturi umani u naturali. Il-popolazzjoni li qed tiżdied malajr iżda fl-istess ħin relattivament fqira madwar Ambohimanga okkażjonalment twettaq ħsad illegali ta' pjanti u ta' siġar mill-foresti tal-madwar, u b'hekk thedded l-integrità tal-ambjent naturali. Il-foresti u l-istrutturi tal-injam fis-sit huma suxxettibbli wkoll għan-nirien. Wara n-nirien fl-1995 li ħakmu r-rova ta' Antananarivo, li bosta jemmnu li tqabbdu apposta u kienu motivati politikament, iddawwar għajdut li Ambohimanga setgħet iġġarrab destin simili. Iċ-ċiklun Giovanna, li għadda fuq Madagascar fi Frar 2012, ikkawża ħsara konsiderevoli fis-sit. L-injam tal-bejt tad-dar ta' Andrianampoinimerina ttajjar mir-riħ, u l-oġġetti storiċi ta' ġewwa ġew esposti għall-ħsara mill-elementi. Ix-xatba tal-injam madwar il-Kumpless ta' Mahandrihono ġarrbet ħsarat estensivi wkoll. L-agħar li ġew affettwati kienu l-pjanti u s-siġar tas-sit. Bosta pjanti mediċinali u siġar fil-foresta nqerdu. Ħafna mis-siġar sagri li kien jixħtu d-dell tagħhom fuq il-belt irjali nqalgħu minn posthom bl-għeruq b'kollox, inkluż is-siġar tat-tin sagri madwar il-bitħa ta' Fidasiana u fil-mandra taż-żebu. Żewġ siġriet minnhom kellhom importanza simbolika partikolari, peress li ntużaw bħala ankri fiżiċi għal ċerti ritwali rjali mis-seklu 17. Ftit wara l-maltempata, l-Uffiċċju tas-Sit Kulturali ta' Ambohimanga żvela pjanijiet biex titħawwel siġra oħra tat-tin minflok dik li kienet inqalgħet sabiex terġa' tagħmel dell fuq il-ħaġra sagra fil-bitħa ta' Fidasiana. Il-biċċa l-kbira tal-jakarandi storiċi mħawwlin iktar minn seklu ilu taħt it-tmexxija kolonjali Franċiża nqerdu wkoll. Il-ħsarat estensivi kkawżati fis-sit wasslu biex xi tradizzjonalisti jitolbu rispett mill-ġdid għas-sagralità tas-sit billi talbu li jiġu rrispettati t-tabù tradizzjonali li daħlu fis-seħħ il-monarki tal-poplu Merina. Dawn jinkludu l-projbizzjoni kontra l-ħnieżer fis-sit, kif ukoll kontra l-konsum tal-laħam tal-majjal, it-tabakk, l-alkoħol u l-kannabis fil-belt irjali.