Allium lojaconoi
| Allium lojaconoi | |
|---|---|
|
| |
| Stat ta' konservazzjoni | |
|
Kważi mhedded (IUCN 3.1) | |
| Klassifikazzjoni xjentifika | |
| Saltna | Plantae |
| Ordni | Asparagales |
| Familja | Amaryllidaceae (mul) |
| Tribù | Allieae (mul) |
| Ġeneru | Allium (mul) |
| speċi | Allium lojaconoi Brullo & Lanfr. & Pavone,
|
Allium lojaconoi Brullo, Lanfr. & Pavone magħrufa bħala it-Tewm Irqiq ta’ Malta jew it-Tewm Żgħir ta’ Malta u Maltese Dwarf Garlic bl-Inġliż, hija pjanta perenni mill-familja Amaryllidaceae. Hija endemika għall-Gżejjer Maltin.[1][2][3][4]
Tassonomija
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem Allium lojaconoi ġie deskritt għall-ewwel darba f’Webbia, Raccolta de Scritti Botanici (Firenze), fil-1982 mill-Botanisti Salvatore Brullo, Edwin Lanfranco u Pietro Pavone.[2][4][5] L-ispeċi Allium lojaconoi hija viċin tal-ispeċi Allium parciflorum li għandha d-distribuzzjoni tagħha f’Sardinia u f’Korsica.[5] Fil-fatt, l-Allium lojaconoi fil-Gżejjer Maltin kienet tiġi kklassifikata bħala l-ispeċi Allium parciflorum qabel ma ġiet ikkunsidrata bħala speċi seperata u endemika għall-Gżejjer Maltin mill-Botanisti msemmija.[5]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Tikber kull sena minn basla taħt l-art u twarrad bejn Mejju u Lulju, hekk kif il-weraq irqiq jinxef fil-bidu tas-Sajf u jkun jinstab biss il-bont (iz-zokk delikat tal-inflorexxenza (isem tekniku taz-zokk tal-ġeneru Allium (il-grupp tal-basal), jissejjaħ il-bont). Dan jkun sa massimu ta’ 10 ċentimetri fit-tul b’wisgħa ta’ millimetru.[1][3][5]
Il-basla tkun ta’ forma tonda bil-qxur ta’ ġewwa jkunu sħaħ u trasparenti. Filwaqt li l-qxur ta’ barra jkunu skuri, iebsin u nixfin li jinqalgħu faċilment, hija 4-6 millimetru fid-dijametru.[5] Il-weraq ħodor u rqaq jikbru sa massimu ta’ 5 ċentimetru u 0.8–1.5 millimetru fil-wisa’ jkunu sa massimu ta’ erbgħa jew ħamsa.[5] Il-weraq għandu ħames tumbati tondi fuq in-naħa ta’ taħt tal-weraq filwaqt li wiċċ il-werqa hija ċatta u kemxejn mitwija b’mod dritt.[5] L-inflorexxenza tikkonsisti bejn 2-12-il fjura. Din l-ispeċi għandha 16-il kromożomi (2n=16).[5] Għonq il-fjura jkollu tul ta’ 7–20 mm li jkun forma ta’ ganċ waqt il-fjoritura imma jidritta meta jkollu il-frott. It-tepali (struttura fejn il-petali u s-sepali jkunu magħqudin flimkien).[5] Huma forma ta’ lanza bil-ponta li jkollhom tul ta’ 5–7 mm u 1–1.2 mm fil-wisa’.[5] Il-fjuri huma bojod b’faxx wieħed lewn l-inbid jgħaddi miċ-ċentru ta’ kull tepala.[5] It-tepali huma magħqudin fil-bażi tal-fjura f’forma ta’ ċirku.[5]
L-anteri jkunu iqsar mit-tepali, il-filamenti jkunu f’forma ta’ ganċ ta’ tul differenti; ta’ barra jkunu 1.55 millimetru fit-tul u ta’ ġewwa jkunu 2.5 millimetru fit-tul.[5] Il-borża tad-dakra tkun lewn it-tiben ta' milllimetru fit-tul.[5] L-ovarju jkun isfar fil-ħadrani forma ovali fil-bażi li jkun bil-ponta fil-wiċċ ta’ 2-2.5 millimetru fit-tul.[5] L-istil 0.3–0.5 mm fit-tul. Il-frotta tkun kapsula tonda 4 mm fit-tul u 3.5–4 mm fil-wisa’.[5]
Abitat u Distribuzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-Allium lojaconoi hija endemika għall-Gżejjer Maltin.[5] Fejn id-distribuzzjoni naturali tagħha hija fil-Gżejjer Maltin biss. [1][3][5][6] Tikber fi spazji miftuħa f’ħamrija ġeblija u fil-ħofor tal-blat fejn jinġabar ftit ħamrija fix-xquq tal-blat, fl-isteppa, fil-widien, speċjalment li jkunu viċin il-baħar u fix-xagħri b’arbuxelli baxxi u tagħmel parti mill-flora annwali u staġonali.[1][3][5] Fejn minn stħarriġ xjentifiku botaniku u speċi irrekkordjati mill-Herbaria din l-ispeċi hija ddokumentata li għandha distribuzzjoni wiesa’ speċjalment mal-kosta tal-Lvant u tat-tramuntana f’Malta, fl-lbiċ ta’ Għawdex u f’Kemmuna.[5][7]
Hija imniżżla bħala skarsa u mheddha fl-ambjent naturali tagħha fir-Red Data Book tal-Ġżejjer Maltin.[8] Kif ukoll hija protetta strettament bħala speċi endemika permezz tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja Regolamenti dwar il-Ħarsien tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali (S.L. 549.44) taħt l-Att dwar il-Ħarsien tal-Ambjent (Kap. 549).[9] Internazzjonalment hija mmniżżla fil-lista il-Ħamra tal-IUCN fejn hija kklassifikata bħala kważi mheddha bl-estinżjoni fl-ambjent naturali tagħha minħabba d-daqs żgħir tal-popolazzjoni.[5] Għalkemm il-popolazzjoni hija stabbli xorta jagħmilha vulnerabbli għall-mard, l-impatt negattiv tal-bniedem fuq l-ambjent naturali tagħha.[5] Kif ukoll kompetizzjoni minn speċi aljeni u speċi aljeni invażivi.[5]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 4 Casha, Alex (2018). Flora of the Maltese Islands (bl-Ingliż). Alex Casha. ISBN 9780244605889.
- 1 2 "Allium lojaconoi Brullo, Lanfr. & Pavone | Plants of the World Online | Kew Science". Plants of the World Online (bl-Ingliż). Miġbur 2026-02-16.
- 1 2 3 4 Mifsud, Stephen (2002-08-23). "Allium lojaconoi (Maltese Dwarf Garlic) : MaltaWildPlants.com - the online Flora of the Maltese Islands". www.maltawildplants.com (bl-Ingliż). Miġbur 2026-02-16.
- 1 2 "Allium lojaconoi | International Plant Names Index". www.ipni.org. Miġbur 2026-02-16.
- 1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 11 12 13 14 15 16 17 18 19 20 21 22 23 Brullo, S., Lanfranco, E., & Pavone, P. (1982). « Allium lojaconoi » sp. nov. e sue affinità con « Allium parciflorum » Viv. Webbia, 35(2), 295–306. doi:https://doi.org/10.1080/00837792.1982.10670227
- ↑ "Allium lojaconoi Brullo, Lanfr. & Pavone". www.worldfloraonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2026-02-16.
- ↑ Brullo, S., Lanfranco, E., & Pavone, P. (1982). « Allium lojaconoi » sp. nov. e sue affinità con « Allium parciflorum » Viv. Webbia, 35(2), 295–306. doi:https://doi.org/10.1080/00837792.1982.10670227
- ↑ "Red Data Book for the Maltese Islands" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-02-16.
- ↑ "LEĠIŻLAZZJONI MALTA". legislation.mt. Miġbur 2026-02-16.