Alexander Pushkin
Alexander Sergeyevich Pushkin (twieled fis-6 ta' Ġunju [skont sorsi oħra fis-26 ta' Mejju] 1799 – miet fl-10 ta' Frar [skont sorsi oħra fid-29 ta' Jannar] 1837) kien poeta, drammaturgu u rumanzier Russu tal-era Romantika.[1] Huwa jitqies minn ħafna bħala l-ikbar poeta Russu, kif ukoll bħala l-fundatur tal-letteratura Russa moderna.[2]
Pushkin twieled f'familja nobbli Russa f'Moska. Missieru, Sergey Lvovich Pushkin, kien jagħmel parti minn familja nobbli antika. Wieħed mill-bużnanniet min-naħa ta' ommu kien il-Ġeneral-Maġġuri Abram Petrovich Gannibal, nobbli ta' oriġini Afrikana li nħataf minn art twelidu mill-Ottomani, u mbagħad inħeles mill-Imperatur Russu u trabba mal-familja imperjali bħala l-filjozz tal-imperatur.
Huwa ppublika l-ewwel poeżija tiegħa tal-età ta' 15-il sena, u ġie rikonoxxut b'mod wiesa' mid-dinja letterarja ta' żmienu sakemm iggradwa mil-Liċeo ta' Tsarskoye Selo. Malli ggradwa mil-liċeo, Pushkin qara l-poeżija kontroversjali tiegħu "Tribut għal-Libertà", waħda minn bosta li wasslu għall-eżilju tiegħu mill-Imperatur Alessandru I. Waqt li kien taħt sorveljanza stretta mill-pulizija politika tal-Imperatur u ma setax jippubblika x-xogħol tiegħu, Pushkin kiteb l-iżjed dramm famuż tiegħu, Boris Godunov. Ir-rumanz tiegħu f'versi Eugene Onegin tfassal f'sensiela bejn l-1825 u l-1832. Pushkin indarab b'mod fatali fi ġlieda mal-maħbub allegat ta' martu (ir-raġel ta' oħt il-mara), Georges-Charles de Heeckeren d'Anthès, magħruf ukoll bħala Dantes-Gekkern, uffiċjal Franċiż tar-Riġment tal-Għassa tal-Kavallieri.
Nisel
[immodifika | immodifika s-sors]Missier Pushkin, Sergei Lvovich Pushkin (1767–1848) tnissel minn familja distinta tan-nobbiltà Russa b'nisel li kien imur lura għas-seklu 12. Omm Pushkin, Nadezhda (Nadya) Ossipovna Gannibal (1775–1836) tnisslet minn nobbiltà Ġermaniża u Skandinava min-naħa tan-nanna tan-naħa ta' missierha. Hija kienet bint Ossip Abramovich Gannibal (1744–1807) u martu, Maria Alekseyevna Pushkina (1745–1818).
Missier Ossip Abramovich Gannibal, il-bużnannu ta' Pushkin, kien Abram Petrovich Gannibal (1696–1781), qaddej Afrikan li nħataf u ttieħed lejn Kostantinopli bħala don għas-Sultan Ottoman u li iktar 'il quddiem ġie ttrasferit lejn ir-Russja bħala don għal Pietru l-Kbir. Abram kiteb f'ittra lill-Imperatriċi Eliżabetta, bint Pietru l-Kbir, li Gannibal oriġina mir-raħal ta' "Lagon", abbażi ta' bijografija mħarrfa mill-iben tar-rispett ta' Gannibal, Rotkirch.
Vladimir Nabokov, meta kien qed iwettaq riċerka dwar Eugene Onegin, xeħet dubji serji dwar din it-teorija tal-oriġini. Riċerka li saret iktar tard mill-istudjużi Dieudonné Gnammankou u Hugh Barnes eventwalment stabbiliet b'mod konklużiv minflok li Gannibal twieled fl-Afrika Ċentrali, f'żona li tmiss mal-Lag ta' Ċad fil-Kamerun modern. Wara li ngħata l-edukazzjoni tiegħu fi Franza bħala inġinier militari, Gannibal sar il-gvernatur ta' Reval u eventwalment sar il-Ġeneral Kap (it-tielet l-iktar imlaħħaq fl-armata) li kien inkarigat bil-kostruzzjoni tal-fortijiet u bil-kanali ta' mal-baħar fir-Russja.
Ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Pushkin twieled f'Moska u kienu jieħdu ħsiebu qaddejja u għalliema Franċiżi, għaldaqstant tal-età ta' għaxar snin kien jitkellem l-iktar bil-Franċiż. Huwa sar midħla tal-lingwa Russa permezz tal-komunikazzjoni mal-qaddejja tal-unità domestika tiegħu, speċjalment tal-qaddejja li kienet tieħu ħsiebu, Arina Rodionovna, li kien iħobb tassew u li kellu rabta magħha iktar milli ma' ommu stess.
Huwa ppubblika l-ewwel poeżija tiegħu meta kellu 15-il sena. Meta lesta l-iskola, bħala parti mill-ewwel klassi li ggradwat mil-Liċeo Imperjali prestiġjuż f'Tsarskoye Selo, qrib San Pietruburgu, it-talent tiegħu diġà kien rikonoxxut b'mod wiesa' fix-xena letterarja Russa. Fil-liċeo, huwa kien student ta' David Mara, magħruf fir-Russja bħala David de Boudry, wieħed mill-aħwa iżgħar fl-età tar-rivoluzzjonarju Franċiż Jean-Paul Marat. Wara l-iskola, Pushkin daħal b'ruħu u b'ġismu fil-kultura intellettwali żagħżugħa vibranti u pjuttost ribelli ta' San Pietruburgu, li dak iż-żmien kienet il-belt kapitali tal-Imperu Russu. Fl-1820 huwa ppubblika l-ewwel poeżija twila tiegħu, Ruslan u Ludmila, b'kontroversja sħiħa minħabba s-suġġett u l-istil tagħha.
Attiviżmu soċjali
[immodifika | immodifika s-sors]Meta kien fil-liċeo, Pushkin kien influwenzat ferm mit-tagħlimiet tal-individwalista liberali Kantjan ta' Alexander Kunitsyn, li Pushkin iktar 'il quddiem fakkar fil-poeżija tiegħu 19 ta' Ottubru. Pushkin sar midħla wkoll tal-ħsieb tal-Illuminiżmu Franċiż, li baqa' midjun miegħu tul ħajtu kollha, speċjalment Voltaire, li huwa ddeskriva bħala "l-ewwel wieħed li segwa triq ġdida, u li wassal il-lampa tal-filosofija fl-arkivji mudlama tal-istorja".
Gradwalment Pushkin impenja ruħu favur ir-riforma soċjali, u sar kelliem tar-radikali letterarji. Dan inkorla l-gvern u wassal biex jiġi ttrasferit mill-belt kapitali f'Mejju 1820. Huwa mar lejn il-Kawkasu u lejn il-Krimea u mbagħad lejn Kamianka u Chișinău fil-Bessarabja.
Huwa ngħaqad ma' Filiki Eteria, organizzazzjoni sigrieta bl-iskop li tegħleb it-tmexxija Ottomana fil-Greċja u tistabbilixxi stat Grieg sigriet. Huwa ġie ispirat mir-Rivoluzzjoni Griega u meta faqqgħet il-gwerra kontra l-Imperu Ottoman, huwa żamm djarju fejn irreġistra l-avvenimenti li seħħew fir-rewwixta nazzjonali.
Fama
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa għex f'Chișinău sal-1823 u kiteb żewġ poeżiji Romantiċi li kiseb il-fama bihom: Il-Priġunier tal-Kawkasu u Il-Funtana ta' Bakhchisaray. Fl-1823, Pushkin mar jgħix f'Odessa, fejn mill-ġdid kellu xi jgħid mal-gvern, li bagħtu f'eżilju fil-proprjetà rurali ta' ommu f'Mikhailovskoye, qrib Pskov, mill-1824 sal-1826.
F'Mikhaylovskoye, Pushkin kiteb poeżiji nostalġiċi tal-imħabba li ddedika lil Elizaveta Vorontsova, il-mara tal-Ġeneral Gvernatur ta' Malorossia. Imbagħad Pushkin ħadem fuq ir-rumanz f'versi tiegħu Eugene Onegin.
F'Mikhaylovskoye, fl-1825, Pushkin kiteb il-poeżija Lil ***. Huwa maħsub b'mod ġenerali li huwa ddedika din il-poeżija lil Anna Kern, iżda jeżistu opinjonijiet oħra wkoll. Il-poeta Mikhail Dudin kien jemmen li l-poeżija kienet iddedikata lill-qaddejja tiegħu Olga Kalashnikova. Il-Pushkinista Kira Victorova kienet temmen li l-poeżija kienet iddedikata lill-Imperatriċi Eliżabetta Alekseyevna. Vadim Nikolayev kien tal-fehma li l-idea dwar l-imperatriċi kienet marġinali u rrifjuta li jiddiskutiha, hu u jipprova juri li l-poeżija kienet iddedikata lil Tatyana Larina, l-eroina ta' Eugene Onegin.
L-awtoritajiet sejħu lil Pushkin f'Moska wara li l-poeżija tiegħu Tribut għal-Libertà nstabet fost fil-pussess tar-ribelli mir-Rewwixta ta' Diċembru (1825). Wara l-eżilju tiegħu fl-1820, il-ħbieb u l-familja ta' Pushkin baqgħu jagħfsu b'mod kontinwu biex jinħeles, u ltaqgħu mal-Imperatur Alessandru I u mbagħad mal-Imperatur Nikola I u bagħtulhom ittri wara r-Rewwixta ta' Diċembru. Meta ltaqa' mal-Imperatur Nikola I, Pushkin kiseb il-ħelsien tiegħu mill-eżilju u beda jaħdem bħala l-Konslu Titolari tal-Arkivji Nazzjonali tal-imperatur. Madankollu, peress li dawk li wettqu r-Rewwixta ta' Diċembru (1825) f'San Pietruburgu kienu żammew uħud mill-poeżiji politiċi bikrin ta' Pushkin, l-imperatur żamm kontroll strett fuq kulma ppubblika Pushkin u pprojbixxa l-ivvjaġġar ħieles tiegħu.
Matul dik l-istess sena (1825), Pushkin kiteb ukoll dik li mbagħad saret l-iżjed dramm famuża tiegħu, Boris Godunov, meta kien fil-proprjetà ta' ommu. Madankollu, ma rnexxilux jikseb il-permess biex jippubblikaha qabel 5 snin wara. Il-verżjoni oriġinali u mhux iċċensurata tad-dramm ma ttellgħetx fuq palk qabel l-2007.
Għall-ħabta tal-1825–1829 huwa ltaqa' u għamel ħbieb mal-poeta Pollakk Adam Mickiewicz, matul l-eżilju tiegħu fir-Russja ċentrali. Fl-1829 huwa vvjaġġa tul il-Kawkasu lejn Erzurum biex iżur lil xi ħbieb li kienu qed jiġġieldu fl-armata Russa matul il-Gwerra bejn ir-Russja u t-Turkija. Fi tmiem l-1829, Pushkin ried jagħmel vjaġġ barra mir-Russja, xewqa li ġiet riflessa fil-poeżija tiegħu Tlaqna, jien lest. Huwa applika għal permess biex jivvjaġġa iżda ngħata tweġiba negattiva mingħand NikolaI fis-17 ta' Jannar 1830.
Għall-ħabta tal-1828 Pushkin iltaqa' ma' Natalia Goncharova, li dak iż-żmien kellha 16-il sena u kienet waħda mill-iktar tfajliet sbieħ f'Moska li kienet fuq fomm kulħadd. Wara bosta eżitazzjonijiet, Natalia aċċettat proponiment ta' żwieġ mingħand Pushkin f'April 1830, iżda mhux qabel ma ngħatat is-serħan il-moħħ li l-gvern Ksarist ma kellu l-ebda intenzjoni li jippersegwita l-poeta libertarju. Iktar 'il quddiem Pushkin u martu saru mistednin regolari tas-soċjetà tal-qorti. Uffiċjalment tgħarrsu fis-6 ta' Mejju 1830 u bagħtu l-istediniet tat-tieġ tagħhom. Minħabba tifqigħa tal-kolera u ċirkostanzi oħra, it-tieġ sar sena wara. Iċ-ċerimonja saret fit-18 ta' Frar 1831 fil-Knisja l-Kbira tat-Tlugħ is-Sema fit-Triq ta' Bolshaya Nikitskaya f'Moska.
Iż-żwieġ ta' Pushkin ma' Goncharova kien pjuttost wieħed hieni, iżda l-imġiba frivola karatteristika ta' martu wasslet biex 7 snin wara jmut minħabba ġlieda li nibtet mill-għira kbira ta' Pushkin.
Fl-1831, matul il-perjodu meta l-influwenza letterarja ta' Pushkin kienet qed tikber, huwa ltaqa' ma' wieħed mill-iżjed kittieba bikrin influwenti oħra tar-Russja, Nikolai Gogol. Wara li qara l-volum ta' stejjer qosra tal-1831–1832 ta' Gogol Lejliet f'Razzett Qrib Dikanka, Pushkin appoġġah u semma wħud mill-iżjed stejjer qosra famużi ta' Gogol fir-rivista Il-Kontemporanju, li huwa stabbilixxa fl-1836.
Sal-ħarifa tal-1836, Pushkin spiċċa daħal f'iktar u iktar dejn u ffaċċja l-għajdut ta' skandlu li martu kienet qed taqlibielu. Fl-4 ta' Novembru, huwa bagħat sfida għall-ġlied lil Georges d'Anthès, magħruf ukoll bħala Dantes-Gekkern. Jacob van Heeckeren, il-missier adottiv ta' d'Anthès, staqsa biex il-ġlieda tiddewwem b'ġimagħtejn. Bl-isforzi tal-ħbieb tal-poeta, il-ġlieda ġiet ikkanċellata.
Fis-17 ta' Novembru, d'Anthès ippropona lil oħt Natalia Goncharova, Ekaterina. Iż-żwieġ ma solviex il-kunflitt. D'Anthès baqa' joqgħod ma' djul Natalia Goncharova fil-pubbliku u l-għajdut kien li d'Anthès kien iżżewweġ lil oħt Natalia sempliċement biex isalvalha r-reputazzjoni tagħha.
Fis-26 ta' Jannar (is-7 ta' Frar fil-kalendarju Gregorjan) 1837, Pushkin bagħat "ittra b'insulti kbar" lil Gekkern. L-unika tweġiba għal dik l-ittra kienet sfida għall-ġlied, kif basar Pushkin. Pushkin irċieva l-isfida formali għall-ġlied permezz ta' oħtu tar-rispett, Ekaterina Gekkerna, approvata minn d'Anthès, fl-istess jum permezz tal-attaché tal-Ambaxxata Franċiża, il-Viskonti d'Archiac.
Pushkin staqsa lil Arthur Magenis, li dak iż-żmien kien l-attaché tal-Konsolat Ġenerali tal-Brittaniċi f'San Pietruburgu, biex jagħtih il-prokura tiegħu. Magenis ma aċċettax formalment iżda fis-26 ta' Jannar (is-7 ta' Frar) resaq lejn il-Viskonti d'Archiac biex jipprova jasal għal rikonċiljazzjoni; madankollu d'Archiac irrifjuta li jitkellem miegħu peress li uffiċjalment ma kellux il-prokura ta' Pushkin. Magenis, ma rnexxilux isib lil Pushkin filgħaxija, u b'hekk bagħtlu ittra permezz ta' messaġġier fis-sagħtejn ta' filgħodu fejn ma aċċettax li jitkellem f'ismu bi prokura, peress li l-possibbiltà ta' tpaċija diġà kienet inqerdet, u l-kompitu tradizzjonali ta' min kien jaċċetta li jitkellem f'isem xi ħadd bi prokura kien li jipprova jasal għal rikonċiljazzjoni.
Il-ġlieda bil-pistoli ma' d'Anthès seħħet fis-27 ta' Jannar (it-8 ta' Frar) fix-Xmara s-Sewda, mingħajr il-preżenza ta' xi ħadd ieħor bi prokura f'isem Pushkin. Skont ir-regoli tat-tip ta' ġlieda tagħhom, it-tnejn kellhom jibdew f'distanza maqbula. Wara li jingħata s-sinjal biex il-ġlieda tibda, kienu jimxu lejn xulxin tul dik id-distanza. Imbagħad setgħu jisparaw meta jridu, iżda dak li kien jispara l-ewwel imbagħad kellu jibqa' wieqaf u jistenna li l-ieħor jispara lura meta jrid.
D'Anthès spara l-ewwel u darab lil Pushkin b'mod kritiku; il-balla daħlet f'ġenbu u nifdet sidru. D'Anthès ġarrab ġrieħi ħfief f'dirgħajh tal-lemin bit-tir ta' Pushkin. Jumejn wara, fis-2.45 ta' waranofsinhar tad-29 ta' Jannar (l-10 ta' Frar), Pushkin miet b'peritonite.
Fir-rumanz ta' Fyodor Dostoevsky L-Idjota, karattru jissuġġerixxi li t-tir kien aċċident: "Il-balla tant laqtet 'l isfel li x'aktarx li d'Anthès kien qed jimmira iktar 'il fuq, lejn is-sider jew ir-ras; ħadd ma jimmira fejn laqtet il-balla, li jfisser li x'aktarx Pushkin intlaqat b'kumbinazzjoni. Dan qaluhuli xi nies li naf jien".
Skont it-talba tal-mara ta' Pushkin, huwa tqiegħed fit-tebut liebes l-ilbies ta' filgħaxija, mhux bl-uniformi ta' kadett ipprovduta mill-imperatur. Is-servizz tal-funeral inizjalment kien se jsir fil-Katidral ta' San Iżakk iżda mbagħad sar fil-Knisja ta' Konyushennaya. Bosta nies attendew. Wara l-funeral, it-tebut tniżżel taħt l-art tal-knisja u baqa' hemm sat-3 ta' Frar, meta tneħħa u tressaq lejn il-provinċja ta' Pskov. Pushkin indifen fl-artijiet tal-Monasteru ta' Svyatogorsky f'Pushkinskiye Gory moderna, qrib Pskov, biswit il-qabar t'ommu. L-aħħar dar tiegħu issa saret mużew.
Dixxendenti
[immodifika | immodifika s-sors]Pushkin kellu erbat itfal miż-żwieġ tiegħu ma' Natalia: Maria (li twieldet fl-1832), Alexander (li twieled fl-1833), Grigory (li twieled fl-1835) u Natalia (li twieldet fl-1836); din tal-aħħar iżżewġet morganatikament lill-Prinċep Nikolaus Wilhelm ta' Nassau tal-Familja Nassau-Weilburg u ngħatat it-titlu ta' Kontessa ta' Merenberg. Bintha Sophie żżewġet lill-Gran Duka Michael Mikhailovich tar-Russja, neputi tal-Imperatur Nikola I.
L-arbli tar-razza ta' Alexander u ta' Natalia biss għadhom ħajjin. Il-proneputija ta' Natalia, Nadejda, iżżewġet fi ħdan il-familja rjali Brittanika estiża, u r-raġel tagħha huwa z-ziju tal-Prinċep Filippu, id-Duka ta' Edinburgu, u hija n-nanna tal-Markiża attwali ta' Milford Haven. Id-dixxendenti tal-poeta issa jgħixu madwar id-dinja fir-Renju Unit, fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fl-Istati Uniti.
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Letterarju
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kritiċi jqisu bosta mix-xogħlijiet tiegħu bħala kapulavuri, fosthom il-poeżija Ir-Rikkieb tal-Bronż u d-dramm Il-Mistieden tal-Ġebel, ġrajja dwar il-waqgħa ta' Don Juan. Id-dramm poetiku qasir tiegħu Mozart u Salieri (bħal Il-Mistieden tal-Ġebel, wieħed mill-hekk imsejħa erba' Traġedji Żgħar, karatterizzazzjoni kollettiva minn Pushkin innifsu fl-ittra tal-1830 lil Pyotr Pletnyov) ispira x-xogħol ta' Peter Shaffer, Amadeus, u pprovda wkoll il-librett (kważi verbatim) għall-opra ta' Rimsky-Korsakov Mozart u Salieri.
Pushkin huwa magħruf ukoll għall-istejjer qosra tiegħu. B'mod partikolari ċ-ċiklu tiegħu Il-Ġrajjiet ta' Ivan Petrovich Belkin, inkluż It-Tir, intlaqgħu tajjeb ferm. Skont it-teoriku letterarju Kornelije Kvas,
"il-loġika narrattiva u l-plawżibbiltà tan-narrazzjoni, flimkien mal-preċiżjoni, il-mod konċiż – l-ekonomija tal-preżentazzjoni tar-realtà – dan kollu nkiseb f'Il-Ġrajjiet ta' Belkin, speċjalment, u l-iktar fil-ġrajja Il-Kap tal-Istazzjon. Pushkin huwa l-proġenitur tal-iżvilupp fit-tul u li ta l-frott tal-letteratura realista Russa, peress li jirnexxilu jikseb l-ideal realist ta' preżentazzjoni konċiża tar-realtà".
Pushkin stess kien jippreferi r-rumanz f'versi tiegħu Eugene Onegin, li kiteb matul ħajtu u li jagħti bidu lil tradizzjoni ta' rumanzi Russi kbar, u jsegwi ftit karattri ċentrali iżda jvarja ferm bħala ton u enfasi.
Onegin huwa xogħol kumpless ħafna, li minkejja li huwa twil xi mitt paġna biss, it-traduttur Vladimir Nabokov kellu bżonn żewġ volumi sħaħ ta' materjal biex jirnexxilu jrendi t-tifsira sħiħa tiegħu bl-Ingliż. Minħabba din id-diffikultà fit-traduzzjoni, il-versi ta' Pushkin ma tantx huma magħrufa fost il-qarrejja tal-Ingliż. Minkejja dan, Pushkin influwenza ferm lill-kittieba tal-Punent bħal Henry James. Pushkin kiteb Ir-Reġina tal-Ispati, storja qasira spiss antoloġizzata fit-traduzzjoni bl-Ingliż.
Musicals
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xogħlijiet ta' Pushkin ipprovdew art għammiela wkoll għall-kompożituri Russi. Ruslan u Lyudmila ta' Glinka hija l-iżjed opra importanti bikrija ispirata minn Pushkin, u għeliem fit-tradizzjoni tal-mużika Russa. L-opri ta' Tchaikovsky Eugene Onegin (1879) u Ir-Reġina tal-Ispati (Pikovaya Dama, 1890) x'aktarx li saru iktar magħrufa barra r-Russja mix-xogħlijiet stess ta' Pushkin bl-istess isem.
Boris Godunov (żewġ verżjonijiet, 1868–1869 u 1871–1872) ta' Mussorgsky tikklassifika bħala waħda mill-ifjen u l-iktar opri oriġinali Russi. Opri Russi oħra bbażati fuq Pushkin jinkludu Rusalka u Il-Mistieden tal-Ġebel ta' Dargomyzhsky; Mozart u Salieri, Il-Ġrajja tal-Ksar Saltan, u Is-Serduq tad-Deheb ta' Rimsky-Korsakov; Il-Priġunier tal-Kawkasu, Festa fi Żmien il-Pesta, u Bint il-Kaptan ta' Cui; Mazeppa ta' Tchaikovsky; l-opri b'att wieħed Aleko (ibbażata fuq Iż-Żingari) u ll-Kavallier Xeħħieħ ta' Rachmaninoff;Mavra ta' Stravinsky, u Dubrovsky ta' Nápravník.
Barra minn hekk, diversi żifniet u kanzunetti ġew irranġati abbażi tal-versi ta' Pushkin (inkluż saħansitra l-poeżiji tiegħu bil-Franċiż, fiċ-ċiklu ta' kanzunetti ta' Isabelle Aboulker, Caprice étrange). Suppé, Leoncavallo u Malipiero bbażaw ukoll xi opri fuq ix-xogħlijiet tiegħu. Il-kompożituri Yudif Grigorevna Rozhavskaya, Galina Konstantinovna Smirnova, Yevgania Yosifovna Yakhina, Maria Semyonovna Zavalishina u Zinaida Petrovna Ziberova kkomponew kanzunetti folkloristiċi abbażi tat-testi ta' Pushkin.
Ix-Xewqa tal-Glorja, li ġie ddedikat lil Elizaveta Vorontsova, ġie maqlub għall-mużika minn David Tukhmanov, l-istess bħal Żommni Tiegħek, Taliżman ta' Alexander Barykin u iktar 'il quddiem ta' Tukhmanov.
Romantiċiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Pushkin jitqies minn bosta bħala r-rappreżentant ċentrali tar-Romantiċiżmu fil-letteratura Russa; madankollu, huwa ma kienx magħruf purament bħala Romantiku. Tradizzjonalment il-kritiċi Russi sostnew li x-xogħlijiet tiegħu jirrappreżentaw mogħdija min-Neo-Klassiċiżmu għar-Romantiċiżmu għar-Realiżmu. Valutazzjoni alternattiva tissuġġerixxi li "huwa kellu l-ħila li jitħaddet fuq kuntrarji li jaf tidher bħala xi ħaġa Romantika fl-oriġini, iżda fl-aħħar mill-aħħar tmur kontra kull puntdivista fiss, kull prospettiva unika, inkluż dik tar-Romantiċiżmu" u li "huwa Romantiku u Mhux Romantiku fl-istess waqt".
Letteratura Russa
[immodifika | immodifika s-sors]Pushkin normalment jiġi kkreditat li żviluppa l-letteratura Russa. Jitqies li oriġina l-livell b'bosta sfumaturi tal-lingwa li jikkaratterizza l-letteratura Russa ta' warajh, u huwa kkreditat ukoll li żied b'mod sostanzjali l-lessiku Russu. Kull meta sab lakuni fil-vokabularju Russu, huwa ħareġ b'kalki. Il-vokabularju rikk tiegħu u l-istil tassew sensittiv huma l-pedamenti tal-letteratura Russa moderna. Il-kisbiet tiegħu stabbilew rekords ġodda għal-lingwa u għall-kultura Russa. Huwa sar missier il-letteratura Russa fis-seklu 19, wara li għamel l-ikbar kisbiet fis-seklu 18 u l-bidu tal-proċess letterarju tas-seklu 19. Huwa introduċa lir-Russja fil-ġeneri letterarji Ewropej kollha kif ukoll fost għadd kbir ta' kittieba tal-Punent tal-Ewropa. Huwa daħħal id-diskors naturali u l-influwenzi barranin biex joħloq ir-Russu poetiku modern. Għalkemm ħajtu kienet qasira, huwa ħalla eżempji ta' kważi kull ġeneru letterarju ta' żmienu: il-poeżija lirika, il-poeżija narrattiva, ir-rumanz, l-istorja qasira, id-dramm, is-saġġ kritiku u saħansitra l-ittra personali.
Skont Vladimir Nabokov,
Il-lingwaġġ ta' Pushkin kien iħaddan l-elementi kontemporanji kollha tar-Russu ma' dak kollu li kien tgħallem mingħand Derzhavin, Zhukovsky, Batyushkov, Karamzin u Krylov:
- Il-livell poetiku u metafiżiku li kien għadu preżenti fil-forom u fil-kelmiet Slavi tal-Knisja
- Galliċiżmi abbundanti u naturali
- Kollokjaliżmi ta' kuljum ta' żmienu
- Diskors popolari stilizzat billi għaqqad flimkien it-tliet stili famużi (baxxa, medju, għoli) tant għall-qalb l-arkajċi psewdoklassiċi u billi żied l-ingredjenti tar-Romantiċi Russi bi ftit parodija.
Ix-xogħol tiegħu bħala kritiku u bħala ġurnalist immarka t-twelid tal-kultura tar-rivisti Russi li kien jinkludi l-kontribut kbir tiegħu f'waħda mill-iżjed rivisti letterarji influwenti tas-seklu 19, is-Sovremennik (Il-Kontemporanju, jew Современник). Pushkin ispira l-ġrajjiet folkloristiċi u l-ġeneri ta' awturi oħra: Leskov, Yesenin u Gorky. L-użu tiegħu tar-Russu fforma l-bażi tal-istil tar-rumanziera Ivan Turgenev, Ivan Goncharov u Leo Tolstoy, kif ukoll dak ta' poeti liriċi sussegwenti bħal Mikhail Lermontov. Pushkin ġie analizzat minn Nikolai Gogol, is-suċċessur u l-istudent tiegħu, u mill-kritiku Russu kbir Vissarion Belinsky, li pproduċa l-iżjed studju sħiħ u ddettaljat tax-xogħol ta' Pushkin, li għad għandu rilevanza kbira.
Ċelebrazzjonijiet ċentenarji Sovjetiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Fiċ-ċentenarju tal-mewt ta' Pushkin fl-1937, tismija tal-massa ta' toroq madwar l-Unjoni Sovjetika kollha seħħet biex jingħata ġieħ. Qabel l-2022, Pushkin kien it-tielet l-iżjed figura storika komuni rrappreżentata fit-toroq tal-Ukrajna; madankollu, il-monumenti tiegħu tneħħew u t-toroq f'ismu ngħataw tismija ġdida wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Dawn il-monumenti, flimkien ma' kull toponimija relatata miegħu, issa huma illegali fl-Ukrajna wara l-implimentazzjoni ta' liġi li tipprojbixxi s-simboli "ddedikati lil persuni li pubblikament, inkluż … f'xogħlijiet letterarji u artistiċi oħra, appoġġaw, igglorifikaw jew iġġustifikaw il-politika imperjali Russa".
Iċ-ċentenarju tal-mewt ta' Pushkin's death fl-1937 kien waħda mill-iżjed kommemorazzjonijiet letterarji sinifikanti tal-era Sovjetika, li x'aktarx li nstebqet biss miċ-ċentenarju tal-1928 tat-twelid ta' Leo Tolstoy. Għalkemm l-immaġni ta' Pushkin intweriet b'mod prominenti fil-propaganda Sovjetika, mill-billboards għat-tqartis tal-ħelu, daħlet f'kunflitt mal-persuna Sovjetika ideali. Pushkin kien reputat bħala libertin b'tendenzi aristokratiċi, li kienu f'kunflitt mal-valuri Sovjetiċi u wasslu għal forma ta' reviżjoniżmu repressiv, simili għal dak li wettaq Stalin fir-rigward tal-anarkiżmu Kristjan ta' Tolstoy.
Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]- Ftit wara l-mewt ta' Pushkin, il-poeta Romantiku Russu kontemporanju, Mikhail Lermontov, kiteb Mewt tal-Poeta. Il-poeżija, li kienet tintemm b'silta li tixħet il-ħtija fuq l-aristokrazija (bħala l-oppressuri tal-libertà) li wasslet għall-mewt reali ta' Pushkin, ma ġietx ippubblikata (u lanqas setgħet tiġi ppubblikata) iżda tqassmet b'mod informali f'San Pietruburgu. Lermontov ġie arrestat u eżiljat lejn riġment fil-Kawkasu.
- Il-poeta u l-mexxej Montenegrin Petar II Petrović-Njegoš inkluda fil-kollezzjoni ta' poeżiji tiegħu tal-1846 Ogledalo srpsko (Il-Mera Serba) bħala ġieħ poetiku lil Pushkin, bit-titlu Sjeni Aleksandra Puškina.
- Fl-1929, il-kittieb Sovjetiku Leonid Grossman, ippubblika rumanz, Id-Dokumenti ta' d'Archiac, fejn irrakkonta l-ġrajja tal-mewt ta' Pushkin mill-perspettiva ta' diplomatiku Franċiż, bħala parteċipant u xhud tal-ġlieda fatali. Il-ktieb jiddeskrivih bħala liberali u vittma tar-reġim Ksarist. Fil-Polonja l-ktieb ġie ppubblikat bit-titlu Mewt tal-Poeta.
- Fl-1937, ir-raħal ta' Tsarskoye Selo ssejjaħ Pushkin biex il-kittieb jingħata ġieħ.
- Hemm diversi mużewijiet fir-Russja ddedikati lil Pushkin, inkluż tnejn f'Moska, wieħed f'San Pietruburgu, u kumpless kbir f'Mikhaylovskoye.
- Il-mewt ta' Pushkin ġiet irrakkontata fil-film bijografiku tal-2006 Pushkin: The Last Duel. Ir-reġista tal-film kienet Natalya Bondarchuk. Pushkin inħadem mill-attur Sergei Bezrukov.
- Ħajtu ġiet drammatizzata fid-dramm tar-radju Awstraljan tal-1951 imsejjaħ Is-Serduq tad-Deheb
- Fis-sena 2000, l-Istatwa ta' Alexander Pushkin (Washington, D.C.) inbniet bħala parti minn skambju kulturali bejn il-bliet ta' Moska u ta' Washington. Min-naħa l-oħra, inbniet statwa tal-poeta Amerikan Walt Whitman f'Moska.
- Il-Fond Fiduċjarju ta' Pushkin ġie stabbilit fl-1987 mid-Dukessa ta' Abercorn biex jitfakkar il-legat kreattiv u l-ispirtu tal-antenat tagħha u biex jitqanqlu l-kreattività u l-immaġinazzjoni tat-tfal tal-Irlanda billi jingħataw opportunitajiet biex jikkomunikaw il-ħsibijiet, l-emozzjonijiet u l-esperjenzi tagħhom.
- Pjaneta minuri, 2208 Pushkin, skoperta fl-1977 mill-astronomu Sovjetiku Nikolai Chernykh, issemmiet għal Pushkin. Krater fuq Merkurju ssemma għalih ukoll.
- L-MS Aleksandr Pushkin, it-tieni vapur tal-klassi Russa ta' Ivan Franko.
- Stazzjon tal-metro f'Tashkent issemmiet għalih.
- L-Għoljiet ta' Pushkin u l-Lag ta' Pushkin issemmew għalih f'Ben Nevis, id-Distrett ta' Cochrane, f'Ontario, il-Kanada.
- Jum il-Lingwa Russa tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbilit min-Nazzjonijiet Uniti fl-2010 u ċċelebrat kull sena fis-6 ta' Ġunju, ġie skedat biex jaħbat ma' jum it-twelid ta' Pushkin.
- Statwa ta' Pushkin ġiet żvelata fil-Ġnien ta' Mehan f'Manila, il-Filippini biex jitfakkru r-relazzjonijiet bejn il-Filippini u r-Russja fl-2010.
- Id-djamant Alexander Pushkin, it-tieni l-ikbar li qatt instab fir-Russja (dak iż-żmien ir-Russja kienet tagħmel parti mill-Unjoni Sovjetika), ingħata ismu.
- Fit-28 ta' Novembru 2009, Monument għal Pushkin inbena f'Asmara, il-belt kapitali tal-Eritrea.
- Fl-2005 ġie kkummissjonat monument għal Pushkin u n-nanna tiegħu Maria Hannibal minn Just Rugel f'Zakharovo, ir-Russja u dan ġie skolpit mill-iskultur V. Kozinin.
- Fl-2019, l-Ajruport Internazzjonali ta' Sheremetyevo f'Moska ngħata isem Pushkin f'konformità mal-kompetizzjoni tal-Ismijiet il-Kbar tar-Russja.
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Poeżiji narrattivi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1820 – Ruslan i Ludmila (Руслан и Людмила); traduzzjoni bil-Malti: Ruslan u Ludmila
- 1820–1821 – Kavkazskiy plennik (Кавказский пленник); traduzzjoni bil-Malti: Il-Priġunier tal-Kawkasu
- 1821 – Gavriiliada (Гавриилиада)
- 1821–1822 – Bratia razboyniki (Братья разбойники); traduzzjoni bil-Malti: L-Aħwa Ħallelin
- 1823 – Bakhchisarayskiy fontan (Бахчисарайский фонтан); traduzzjoni bil-Malti: Il-Funtana ta' Bakhchisaray
- 1824 – Tsygany (Цыганы); traduzzjoni bil-Malti: Iż-Żingari
- 1825 – Graf Nulin (Граф Нулин); traduzzjoni bil-Malti: Il-Konti Nulin
- 1829 – Poltava (Полтава)
- 1830 – Domik v Kolomne (Домик в Коломне); traduzzjoni bil-Malti: Id-Dar Żgħira f'Kolomna
- 1833 – Andzhelo (Анджело); traduzzjoni bil-Malti: Angelo
- 1833 – Medny vsadnik (Медный всадник); traduzzjoni bil-Malti: Ir-Rikkieb tal-Bronż
- 1825–1832 (1833) – Evgeniy Onegin (Евгений Онегин)
Drammi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1825 – Boris Godunov (Борис Годунов)
- 1830 – Malenkie tragedii (Маленькие трагедии); traduzzjoni bil-Malti: Traġedji Żgħar
- Kamenny gost (Каменный гость); traduzzjoni bil-Malti: Il-Mistieden tal-Ġebel
- Motsart i Salieri (Моцарт и Сальери); traduzzjoni bil-Malti: Mozart u Salieri
- Skupoy rytsar (Скупой рыцарь); traduzzjoni bil-Malti: Il-Kavallier Xeħħieħ
- Pir vo vremya chumy (Пир во время чумы); traduzzjoni bil-Malti: Festa fi Żmien il-Pesta
Ħrejjef f'versi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1822 – Царь Никита и сорок его дочерей; traduzzjoni bil-Malti: Il-Ksar Nikita u l-Erbgħin Ulied Bniet Tiegħu
- 1825 – Жених; traduzzjoni bil-Malti: L-Għarus
- 1830 – Сказка о попе и о работнике его Балде; traduzzjoni bil-Malti: Il-Ġrajja tal-Patri u tal-Ħaddiem Tiegħu Balda
- 1830 – Сказка о медведихе; traduzzjoni bil-Malti: Il-Ġrajja tal-Ors Femminili, jew Il-Ġrajja tal-Ors (mhux kompluta)
- 1831 – Сказка о царе Салтане; traduzzjoni bil-Malti: Il-Ġrajja tal-Ksar Saltan
- 1833 – Сказка о рыбаке и рыбке; traduzzjoni bil-Malti: Il-Ġrajja tas-Sajjied u tal-Ħuta
- 1833 – Сказка о мертвой царевне; traduzzjoni bil-Malti: Il-Ġrajja tal-Prinċipessa Mejta
- 1834 – Сказка о золотом петушке; traduzzjoni bil-Malti: Il-Ġrajja tas-Serduq tad-Deheb
Poeżiji qosra
[immodifika | immodifika s-sors]- 1817 – Tribut għal-Libertà
- 1829 – Ħabbejtek
- 1831 – Lil Dawk li Għamlu Kalunnji Kontra r-Russja
Rumanzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1828 – Arap Petra Velikogo (Арап Петра Великого); traduzzjoni bil-Malti: L-Għarbi Iberiku ta' Pietru l-Kbir, rumanz mhux komplut
- 1829 – Roman v pis'makh (Роман в письмах); traduzzjoni bil-Malti: Rumanz f'Ittri, rumanz mhux komplut
- 1836 – Kapitanskaya dochka (Капитанская дочка); traduzzjoni bil-Malti: Bint il-Kaptan, rumanz
- 1836 – Roslavlev (Рославлев); rumanz mhux komplut
- 1841 – Dubrovsky (Дубровский); rumanz mhux komplut
Stejjer qosra
[immodifika | immodifika s-sors]- 1831 – Povesti pokoynogo Ivana Petrovicha Belkina (Повести покойного Ивана Петровича Белкина); traduzzjoni bil-Malti: Il-Ġrajjiet ta' Ivan Petrovich Belkin
- Vystrel (Выстрел); traduzzjoni bil-Malti: It-Tir, storja qasira
- Metel (Метель); traduzzjoni bil-Malti: Is-Sirda, storja qasira
- Grobovschik (Гробовщик); traduzzjoni bil-Malti: Id-Deffien, storja qasira
- Stantsionny smotritel (Станционный смотритель); traduzzjoni bil-Malti: Il-Kap tal-Istazzjon, storja qasira
- Baryshnya-krestianka (Барышня-крестьянка); traduzzjoni bil-Malti: Bint il-Kavallier, storja qasira
- 1834 – Pikovaya dama (Пиковая дама); traduzzjoni bil-Malti: Ir-Reġina tal-Ispati, storja qasira
- 1834 – Kirjali (Кирджали); traduzzjoni bil-Malti: Kirdzhali, storja qasira
- 1837 – Istoria sela Goryuhina (История села Горюхина); traduzzjoni bil-Malti: Il-Ġrajja tal-Villaġġ ta' Goryukhino, storja qasira mhux kompluta
- 1837 – Egypetskie nochi (Египетские ночи); traduzzjoni bil-Malti: L-Iljieli Eġizzjani
Nonfizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]- 1834 – Istoria Pugachyova (История Пугачева); traduzzjoni bil-Malti: Storja ta' Pugachev, studju tar-Ribelljoni ta' Pugachev
- 1836 – Puteshestvie v Arzrum (Путешествие в Арзрум); traduzzjoni bil-Malti: Vjaġġ lejn Arzrum, noti tal-ivvjaġġar
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Basker, Michael. Pushkin and Romanticism. In Ferber, Michael, ed., A Companion to European Romanticism. Oxford: Blackwell, 2005.
- ^ "Maxim Gorky essay on Pushkin". www.marxists.org. Miġbur 2025-05-27.