Ajruport
- Għal użi oħra, ara Ajruport (diżambigwazzjoni)
Ajruport huwa ajrudrom b’faċilitajiet estiżi, l-iktar għat-trasport kummerċjali bl-ajru. Normalment dawn jikkonsistu minn żona għall-inżul fuq l-art, li tiġbor fiha spazju miftuħ aċċessibbli mill-ajru li mill-inqas jinkludi wiċċ wieħed operattiv attiv bħal runway biex ajruplan jinqata’ mill-art u jinżel fiha, jew ħelipad, u spiss jinkludi binjiet qribu bħal torrijiet tal-kontroll, ħangars u terminals biex isostnu u jħarsu l-inġenju tal-ajru. L-ajruporti kbar għandu mnejn ikollhom rampi, pontijiet tax-taxiway, ċentri tat-traffiku tal-ajru, faċilitajiet għall-passiġġieri bħal restoranti u swali għar-rikreazzjoni, u servizzi tal-emerġenza. F’xi pajjiżi, partikolarment l-Istati Uniti, tipikament l-ajruporti jkollhom operaturi b’bażi fissa, li jservu l-avjazzjoni ġenerali.
L-operati tal-ajruporti huma tabilħaqq kumplessi, b’sistema kkumplikata ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-inġenji tal-ajru, servizzi għall-passiġġieri, u servizzi għall-kontroll tal-inġenji tal-ajru fi ħdan l-operat. Għalhekk, l-ajruporti jistgħu jkunu impjegaturi kbar, kif ukoll ċentri importanti għat-turiżmu u tipi oħra ta’ transiti. Minħabba li huma siti tal-operat għal makkinarji tqal, ġew implimentati għadd ta’ regolamenti u miżuri ta’ sigurtà fl-ajruporti sabiex jitnaqqsu r-riskji. Barra minn hekk, l-ajruporti jħallu impatti ambjentali lokali maġġuri peress li huma kemm sorsi kbar ta’ tniġġis tal-arja kif ukoll ta’ tniġġis akustiku u impatti ambjentali oħra, li jagħmilhom siti li b’mod akut jesperjenzaw l-effetti ambjentali tal-avjazzjoni. L-ajruporti huma wkoll infrastruttura vulnerabbli għat-temp estrem, għall-bidla fil-klima li twassal għal żieda fil-livell tal-baħar u diżastri oħra.