Aqbeż għall-kontentut

Agrikultura

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Agrikoltura moderna: sistema ta' irrigazzjoni b'pern ċentrali f'għalqa

L-agrikultura hija l-prattika tal-kultivazzjoni tal-ħamrija, it-tħawwil, it-tbarriġ, u l-ħsad kemm tal-għelejjel tal-ikel u anke dawk mhux tal-ikel, kif ukoll il-produzzjoni tal-bhejjem. Definizzjonijiet usa’ jinkludu wkoll il-forestrija u l-akkwakultura. L-agrikultura kienet fattur prinċipali fl-avvanz taċ-ċivilizzazzjoni umana sedentarja, fejn it-tkabbir tal-pjanti domestikati u t-trobbija tal-annimali ħolqu eċċessi tal-ikel li ppermettew lin-nies jgħixu fl-ibliet. Filwaqt li l-bnedmin bdew jiġbru ż-żrieragħ mill-inqas 105,000 sena ilu, il-bdiewa bikrin bdew jiżirgħuhom madwar 11,500 sena ilu biss. In-nagħaġ, il-mogħoż, il-ħnieżer, u l-baqar ġew domestikati madwar 10,000 sena ilu. Il-pjanti ġew ikkultivati b’mod indipendenti f’minn tal-anqas 11-il reġjun tad-dinja. Fis-seklu 20, l-agrikultura industrijali bbażata fuq monokulturi ta’ skala mdaqqsa spiċċat tiddomina l-produzzjoni agrikola.

Sa mill-2021, irziezet żgħar, li l-maġġoranza assoluta tagħhom kulma fihom ettaru (madwar 2.5 ejkers) jew anqas, jipproduċu madwar terz tal-ikel tad-dinja. Barra minn hekk, ħamsa minn kull sitt irziezet fid-dinja fihom anqas minn 2 ettari (4.9 ejkers) u jieħdu biss madwar 12% tal-art kollha agrikola. Fir-rigward tal-użu totali tal-art, l-irziezet il-kbar jiddominaw. Filwaqt li 1% tal-irziezet kollha globali huma akbar minn 50 ettaru (120 ejkers), dawn ikopru aktar minn 70% tal-art agrikola fid-dinja. Aktar minn hekk, kważi 40% tal-art kollha agrikola globali tinsab fl-irziezet akbar minn 1,000 ettaru (2,500 ejkers).

L-irziezet u l-biedja jinfluwenzaw ħafna l-ekonomiji rurali u jsawru b’mod qawwi s-soċjetà rurali, waqt li jaffettwaw kemm il-ħaddiema fil-qasam tal-agrikoltura b’mod dirett u anke n-negozji usa’ li jappoġġjaw l-irziezet u l-popolazzjonijiet tal-biedja.

Il-prodotti agrikoli prinċipali jistgħu jinġabru b’mod ġenerali f’ikel, fibri, fjuwils u materja prima (bħal-lasktu u l-injam). Il-kategoriji tal-ikel jinkludu ċereali (ħbub), ħaxix, frott, żjut tas-tisjir, laħam, ħalib, bajd u fungi. Il-produzzjoni globali tal-agrikultura tammonta għal madwar 11-il biljun tunnellata ta’ ikel, 32 miljun tunnellata ta’ fibra naturali u 4 biljun metru kubu ta’ injam. Madanakollu, madwar 14% tal-ikel fid-dinja jintilef mill-produzzjoni qabel ma jilħaq il-livell tal-bejgħ bl-imnut.

L-agronomija moderna, it-tnissil tal-pjanti, l-agrokimiċi bħall-pestiċidi u l-fertilizzanti, u żviluppi teknoloġiċi żiedu r-rendimenti tal-għelejjel drastikament, imma kkontribwew ukoll għall-ħsara ekoloġika u ambjentali. B’mod simili, it-tgħammir selettiv u l-prattiki moderni fit-trobbija tal-annimali żiedu l-produzzjoni tal-laħam, imma qajmu tħassib dwar il-benesseri tal-annimali u l-ħsara ambjentali. Il-kwistjonijiet ambjentali jinkludu l-kontribut għat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tal-akwifers, id-deforestazzjoni, ir-reżistenza għall-antibajotiċi, u tniġġis agrikolu ieħor. L-agrikultura hija kemm kawża ta’ kif ukoll sensittiva għad-degradazzjoni ambjentali, bħat-telf tal-bijodiversità, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-ħamrija, u t-tibdil fil-klima, li kollha kemm huma jistgħu jikkawżaw tnaqqis fir-rendiment tal-għelejjel. Organiżmi li jkunu ġenetikament modifikati jintużaw b’mod mifrux, għalkemm xi pajjiżi jipprojbixxuhom.