Żona ta' Konservazzjoni ta' Pantanal

Iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Pantanal, fil-qosor Pantanal (pronunzja bil-Portugiż: [pɐ̃taˈnaw]) hija reġjun naturali li jinkludi fih l-ikbar art mistagħdra tropikali fid-dinja kif ukoll l-ikbar bwar tal-ħaxix fid-dinja li jesperjenzaw l-għargħar mix-xmajjar. Il-biċċa l-kbira taż-żona tinsab fi ħdan l-istat Brażiljan ta' Mato Grosso do Sul, iżda hija estiża f'Mato Grosso u f'partijiet mill-Bolivja u mill-Paragwaj. Tkopri erja ta' bejn 140,000 u 195,000 km2 (54,000 u 75,000 mil kwadru). Jeżistu diversi ekosistemi sottoreġjonali, kull waħda b'karatteristiċi idroloġiċi, ġeoloġiċi u ekoloġiċi distinti; b'kollox ġew definiti 12-il ekosistema sottoreġjonali.
Bejn wieħed u ieħor 80 % tal-pjanuri tal-għargħar ta' Pantanal ikunu taħt l-ilma matul l-istaġun tax-xita, u jsostnu bijodiversità rikka ta' pjanti akkwatiċi u firxa wiesgħa ta' speċijiet ta' annimali.
L-isem "Pantanal" ġej mill-kelma Portugiża pântano u mill-kelma Spanjola pantano li jfissru "art mistagħdra", "art bassasa", "torbiera mistagħdra", "torbiera", jew "marġ" flimkien mas-suffiss -al, li jfisser "abbundanza, agglomerazzjoni, ġabra".
Ġeografija u ġeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]
Iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Pantanal tkopri erja ta' madwar 140,000–160,000 km2 (54,000–62,000 mil kwadru) ta' baċir b'pendil ħafif li fih jiskula l-ilma mill-artijiet għoljin (l-artijiet għoljin ta' Planalto) u li bil-mod il-mod minnu l-ilma jitbattal fix-xmara Paragwaj u fit-tributarji tagħha. Il-formazzjoni hija r-riżultat ta' depressjoni kbira, konkava ta' qabel l-Andes fil-qoxra tad-Dinja, marbuta mal-oroġenija tal-Andes tal-perjodu Terzjarju. Tikkostitwixxi minn delta enormi ta' xmara interna, li jnixxu fiha diversi xmajjar mill-promontorju tal-madwar, li jiddepożitaw is-sedimenti u r-residwi tal-erożjoni tagħhom, u bil-mod il-mod qed jimlew iż-żona tad-depressjoni kbira ta' Pantanal. Din iż-żona hija wkoll waħda mill-provinċji fiżjografiċi distinti taż-żona usa' tal-Pjanura ta' Parana-Paragwaj, b'erja totali ta' 1.5×106 km2 (580,000 mil kwadru).
Pantanal hija kkonfinata mill-foresti nexfin ta' Chiquitano lejn il-Punent u l-Majjistral, mill-foresti nexfin u aridi ta' Chaco lejn il-Lbiċ, u mill-foresti umdużi ta' Chaco lejn in-Nofsinhar. Is-savanna ta' Cerrado tinsab lejn it-Tramuntana, il-Lvant u x-Xlokk.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Pantanal hija reġjun tropikali b'irqajja' nexfin u b'irqajja' bix-xita b'temperatura annwali medja ta' 24 °C (75 °F) u bi preċipitazzjoni ta' bejn 1,000 u 1,250 millimetru (39 u 49 pulzier) fis-sena. It-temperaturi estremi jistgħu jlaħħqu massimu ta' 41 °C (106 °F) jew jinżlu sa −1 °C (30 °F). Matul is-sena, it-temperatura tvarja għal madwar 6.0 °C (10.8 °F) u l-iktar xahar sħun ikun Novembru (b'temperatura medja ta' 26 °C jew 79 °F) u l-iksaħ xahar ikun Ġunju (b'temperatura medja ta' 20 °C jew 68 °F). L-iktar xahar li tinżel xita jkun Jannar (b'medja ta' 340 millimetru jew 13-il pulzier) u l-iżjed xahar niexef ikun Ġunju (b'medja ta' 3 millimetri jew 0.12 pulzieri).
Idrodinamika
[immodifika | immodifika s-sors]L-ekosistemi tal-pjanuri tal-għargħar bħal Pantanal huma ddefiniti mill-għargħar u mit-tnixxif staġonali tagħhom. Ivarjaw bejn fażijiet ta' ilma staġnat u fażijiet ta' ħamrija niexfa, meta l-ilma tal-pjan jaf ikun ferm taħt is-saff tal-għeruq. Il-ħamrija tvarja minn livelli għoljin ta' ramel fiż-żoni iktar għoljin għal ammonti ikbar ta' tafal u ta' sedimenti fiż-żoni ta' max-xmara.
L-elevazzjoni ta' Pantanal tvarja bejn 80 u 150 metru (260 u 490 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Ix-xitwa annwali fil-baċir tal-għargħar tammonta għal bejn 1,000 u 1,500 millimetru (39 u 59 pulzier), bl-ikbar ammont ta' xita tinżel bejn Novembru u Marzu. Il-preċipitazzjoni medja annwali varjat bejn 920 u 1,540 millimetru fl-1968–2000. Fil-parti tax-xmara Paragwaj ta' Pantanal, il-livelli tal-ilma jgħolew bejn żewġ u ħames metri staġonalment; il-fluttwazzjonijiet tal-ilma f'partijiet oħra ta' Pantanal huma ferm inqas minn hekk. L-ilmijiet tal-għargħar normalment inixxu bil-mod (2 sa 10 ċentimetri (0.79 sa 3.94) pulzieri kull sekonda) minħabba l-pendil baxx u r-reżistenza għolja offruta mid-densità tal-veġetazzjoni.
Meta l-ilmijiet tax-xmara jibdew jgħolew u jagħmlu l-ewwel kuntatt mal-ħamrija niexfa, l-ilmijiet jonqsilhom l-livell ta' ossiġenu, u b'hekk l-ambjenti tal-ilma jsiru anossiċi. Bosta ħut imut mewta naturali jekk ma jkunx hemm ilma ossiġenat disponibbli. Ir-raġuni wara dan għadha waħda spekulattiva: dan jaf jiġri minħabba t-tkabbir ta' batterji li jipproduċu t-tossini fl-ilma deossiġenat iktar milli riżultat dirett ta' nuqqas ta' ossiġenu.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Il-veġetazzjoni ta' Pantanal, spiss imsejħa l-"kumpless ta' Pantanal", hija taħlita ta' komunitajiet ta' pjanti tipiċi ta' varjetà ta' bijomi tal-madwar: dawn jinkludu pjanti tal-foresti pluvjali tropikali bl-indewwa tal-Amażonja, pjanti tal-boskijiet semiaridi tipiċi tal-Grigal tal-Brażil, pjanti tas-savanna ta' Cerrado tal-Brażil, u pjanti tas-savanna ta' Chaco tal-Bolivja u tal-Paragwaj. Il-foresti normalment jokkorru f'altitudnijiet ogħla tar-reġjun, filwaqt li l-bwar tal-ħaxix jiksu ż-żoni tal-għargħar staġonalment. Il-fatturi ewlenin ta' limitazzjoni għat-tkabbir huma l-għargħar u, ferm iktar importanti, l-istress tal-ilma matul l-istaġun tan-nixfa.
Skont Embrapa, madwar 2,000 pjanta differenti ġew identifikati fil-bijoma ta' Pantanal u ġew ikklassifikati skont il-potenzjal tagħhom; uħud minnhom x'aktarx li għandhom proprjetajiet mediċinali sinifikanti.
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]L-ekosistema ta' Pantanal tospita xi 463 speċi ta' għasafar, 269 speċi ta' ħut, iktar minn 236 speċi ta' mammiferi, 141 speċi ta' rettili u anfibji, u iktar minn 9,000 sottospeċi ta' invertebrati.
Il-bebbuxu tat-tuffieħ (Pomacea lineata) huwa speċi ewlenija fl-ekosistema ta' Pantanal. Meta jseħħ l-għargħar tal-artijiet mistagħdra darba fis-sena, il-ħaxix u pjanti oħra eventwalment imutu u jibdew jispiċċaw fix-xejn. Matul dan il-proċess, mikrobi tad-dekompożizzjoni jnaqqsu l-livell ta' ossiġenu tal-ilmijiet baxxi, u jivgaw lid-dekompożituri l-kbar. Għad-differenza ta' annimali dekompożituri oħrajn, il-bebbux tat-tuffieħ għandhom kemm il-garġi kif ukoll il-pulmuni, u b'hekk jirnexxilhom joktru fl-ilmijiet anossiċi fejn jirriċiklaw in-nutrijenti. Sabiex jiksbu l-ossiġenu, huma jestendu qisu pajp twil minn ġisimhom lejn wiċċ l-ilma, u jippumpjaw l-arja fil-pulmuni tagħhom. Din il-ħila tippermettilhom jikkonsmaw il-materja kollha tal-pjanti mejtin u jikkonvertuha f'fertilizzant importanti għall-għajxien tal-pjanti l-oħra fl-inħawi. Il-bebbux stess huma sors ta' ikel ukoll għal varjetà ta' annimali.
Fl-art mistagħdra jgħixu fost l-iżjed annimali rari ta' Pantanal bħaċ-ċriev tal-imraġ (Blastocerus dichotomus) u l-lontra ġganteska tax-xmara (Pteronura brasiliensis). Partijiet minn Pantanal jospitaw ukoll l-ispeċijiet mhedda jew fil-periklu ta' estinzjoni li ġejjin: il-makaw vjola (Anodorhyncus hyacinthinus; għasfur fil-periklu ta' estinzjoni minħabba l-kuntrabandu), l-ajkla solitarja tat-toppu (Buteogallus coronatus), il-lupu tal-kriniera (Chrysocyon brachyurus), il-kelb selvaġġ (Speothos venaticus), it-tapir tal-Amerka t'Isfel (Tapirus terrestris), u l-wikkiel tan-nemel ġgantesk (Myrmecophaga tridactyla). Speċijiet komuni li jgħixu f'Pantanal jinkludu l-kapibara (Hydrochoerus hydrochaeris), l-ocelot (Leopardus pardalis) u l-kajman yacare (Caiman yacare). Skont id-data tal-1996, kien hemm 10 miljun kajman f'Pantanal, u din kienet l-ikbar konċentrazzjoni ta' speċijiet ta' kukkudrilli fid-dinja. Pantanal tospita waħda mill-ikbar popolazzjonijiet ta' ġagwari (Panthera onca) fid-dinja.
Hemm tlettax-il speċi ta' russetti u ta' agretti, sitt speċijiet ta' vellerani u ta' paletti, u ħames speċijiet ta' għasafar ta' San Martin li jużaw Pantanal bħala l-post tat-tnissil u tal-ikel tagħhom. Hemm dsatax-il speċi ta' pappagalli f'Pantanal, inkluż ħames speċijiet ta' makaw. Fost l-għasafar tal-passa hemm il-pluviera tal-Amerki, il-bies u l-bobolink.
Il-biċċa l-kbira tal-ħut huma detritivori, u primarjament jieklu partikli fini mis-sedimenti u mill-wiċċ tal-pjanti. Din hija karatteristika tal-ħut li jgħix fil-pjanuri tal-għargħar tal-Amerka t'Isfel inġenerali. Il-migrazzjoni tal-ħut bejn il-kanali tax-xmajjar u l-pjanuri tal-għargħar isseħħ staġonalment. Dan il-ħut fih bosta adattamenti li bis-saħħa tagħhom jirnexxilu jgħix fl-ilmijiet tal-pjanuri tal-għargħar neqsin mill-ossiġenu.
Minbarra l-kajman, uħud mir-rettili li jgħixu f'Pantanal huma l-anakonda safra (Eunectes notaeus), it-tegu dehbi (Tupinambis teguixin), il-fekruna tal-art ta' saqajha ħomor (Geochelone carbonaria) u l-igwana ħadra (Iguana iguana).
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Pantanal ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Il-valur universali straordinarju ta' dan is-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Theddidiet
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-reġjun ta' Pantanal jinkludi santwarji essenzjali għall-għasafar tal-passa, postijiet kritiċi għar-riproduzzjoni tal-ħajja akkwatika, u refuġji għal ħlejqiet bħall-kajman yacare, iċ-ċriev u l-ġagwari ta' Pantanal. Il-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet mhumiex mhedda iktar minħabba r-rati baxxi ta' deforestazzjoni (inqas minn 17 %) tal-veġetazzjoni nattiva fl-inħawi bis-saħħa ta' regolamenti ġodda.
Uħud mill-kawżi li jheddu l-ekosistemi ta' Pantanal huma:
- is-sajd:
- is-sajd kummerċjali huwa ffukat fuq ftit speċijiet biss u x'aktarx li mhuwiex sostenibbli. Is-sajd sportiv nazzjonali u internazzjonali fix-xmara Paragwaj u fit-tributarji tagħha huwa l-attività ewlenija tas-sajd fl-inħawi. Il-komunitajiet tas-sajjieda lokali ilhom jiġu osservati mill-qrib ukoll mill-ambjentalisti.
- it-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat:
- bejn wieħed u ieħor 99 % tal-art f'Pantanal hija ta' sjieda privata u tintuża għall-agrikoltura u għat-trobbija tal-bhejjem, minkejja li hemm xi regolamenti dwar l-art disponibbli abbażi tal-livell ta' għargħar matul kull staġun tax-xita;
- hemm 2,500 fazenda fir-reġjun u sa tmien miljun bhima tal-ifrat;
- l-erożjoni u s-sedimentazzjoni kkawżati minn din l-attività jalteraw il-karatteristiċi tal-ħamrija u idroloġiċi tal-ekosistemi tal-pjanuri tal-għargħar ta' Pantanal; minħabba f'hekk, l-ispeċijiet nattivi jiġu mhedda mit-tibdil fil-varjabbli tal-ekosistema.
- il-kaċċa, l-insib u l-kuntrabandu ta' speċijiet fil-periklu ta' estinzjoni: ir-rettili, il-qtates selvaġġi u l-pappagalli huma partikolarment f'riskju minħabba l-industrija tal-kuntrabandu peress li jiswew ħafna flus fis-suq illegali.
- it-turiżmu mhux ikkontrollat u l-użu eċċessiv tar-riżorsi naturali.
- id-deforestazzjoni:
- l-istabbiliment ta' kumpanija tal-qtugħ tas-siġar matul it-taqbid politiku fir-reġjun irriżulta f'rati għoljin ta' deforestazzjoni bejn l-1978 u l-1989. L-għajxien ta' bosta familji kien jiddependi fuq il-ħsad tas-siġar tal-lastiku, u waslu mewġiet ġodda ta' migranti li għadhom jgħixu hemmhekk sal-lum.
- is-sedimenti li jiskulaw mill-artijiet għoljin deforestati jalteraw l-idroloġija tal-ħamrija u huma theddida għal Pantanal.
- it-tniġġis mill-operazzjonijiet tal-estrazzjoni tad-deheb u mill-industrija agrikola:
- Pantanal hija sistema naturali tat-trattament tal-ilma peress li tneħħi l-kimiki, inkluż is-sustanzi niġġiesa, mill-ilma. It-tniġġis mill-iżvilupp industrijali (speċjalment l-estrazzjoni tad-deheb) jista' jikkawża ħsara lill-flora u lill-fawna nattivi.
- Madankollu, il-kwalità tal-ilma f'Pantanal ma tantx kienet batuta meta saru l-kontrolli fl-2002.
- it-tniġġis mis-sistema tad-dranaġġ u mill-pestiċidi:
- it-tranżizzjoni lejn l-agrikoltura fuq skala kbira ta' għelejjel tal-ikel, b'mod prinċipali tal-fażola tas-sojja, wasslet għall-użu ta' kwantitajiet kbar ta' pestiċidi u fertilizzanti kimiċi li jlissu fil-ħamrija jew jiskulaw fil-pjanuri tal-għargħar ta' Pantanal.
- l-iżvilupp infrastrutturali (kanali tat-trasport tal-merkanzija, toroq olzati, pipelines):
- il-pjan propost tat-tħammil tax-xmajjar Paragwaj u Paraná biex il-bastimenti li jbaħħru fl-oċeani jkunu jistgħu jbaħħru 3,442 kilometru (2,139 mil) qalb l-artijiet interni huwa ta' tħassib partikolari u jista' jaffettwa l-idroloġija (iċ-ċikli tal-għargħar u tad-drenaġġ) tar-reġjun, u għaldaqstant ikollu impatt fuq l-ekosistema.
- in-nirien forestali:
- fl-aħħar tal-2020, kwart tal-artijiet mistagħdra nqerdu minn nirien bla preċedent x'aktarx minħabba t-tibdil fil-klima. Erja ta' madwar 19,890 kilometru kwadru (7,681 mil kwadru) inqerdet min-nirien, u nqatlu miljuni ta' vertebrati. L-esperti jsostnu li l-2020 kienet l-iżjed sena attiva f'termini ta' nirien forestali. Sa Novembru 2020, l-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka Spazjali tal-Brażil (INPE) kien individwa iktar minn 21,200 nar forestali fil-bijoma ta' Pantanal, ċifra li kienet 69 % ogħla mill-2005, meta l-INPE rreġistra madwar 12,500 nar forestali. Kien hemm 8,106 nirien forestali f'Settembru 2020 biss — iktar minn erba' darbiet mill-medja storika għal dak ix-xahar.
- it-tibdil fil-klima:
- il-mudelli attwali tat-tbassir klimatiku jindikaw żieda progressiva fil-frekwenza ta' avvenimenti estremi (pereżempju xita estrema u nixfiet estiżi). Dawn l-avvenimenti jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tal-ekosistema ta' Pantanal, u jżidu jew jaggravaw il-modifiki umani tal-kundizzjonijiet idroloġiċi u ambjentali fil-baċir.
Żoni protetti
[immodifika | immodifika s-sors]
Parti minn Pantanal fil-Brażil ġiet protetta bħala l-Park Nazzjonali ta' Pantanal Matogrossense. Dan il-park b'erja ta' 1,350 km2 (520 mil kwadru), stabbilit f'Settembru 1981, jinsab fil-muniċipalità ta' Poconé fl-istat ta' Mato Grosso, bejn il-bokki tax-xmajjar Baía de São Marcos u Gurupi. Il-park ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Ramsar ta' Importanza Internazzjonali skont il-Konvenzjoni ta' Ramsar tal-24 ta' Mejju 1993.
Il-Park Statali ta' Encontro das Águas u l-Park Statali ta' Guirá huma parks statali fl-istat ta' Mato Grosso f'Pantanal.
Ir-Riżerva Privata tal-Wirt Naturali SESC ta' Pantanal (bil-Portugiż: Reserva Particular do Patrimonio Natural SESC Pantanal) hija riżerva b'sjieda privata fil-Brażil, li ġiet stabbilita fl-1998 b'erja ta' 878.7 km2 (339.3 mil kwadru). Tinsab fin-naħa tal-Grigal ta' Pantanal, magħrufa bħala "Poconé" Pantanal, mhux wisq 'il bogħod mill-Park Nazzjonali ta' Pantanal. Hija taħlita ta' xmajjar permanenti, nixxigħat staġonali u lagi staġonali tal-ilma ħelu tal-pjanura tal-għargħar, artijiet mistagħdra ddominati mill-arbuxxelli u foresti b'għargħar staġonali, kollha ddedikati għall-preservazzjoni tan-natura, u ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Ramsar ta' Importanza Internazzjonali skont il-Konvenzjoni ta' Ramsar.
Il-Park Nazzjonali u ż-Żona Naturali ta' Ġestjoni Integrata ta' Otuquis u ż-Żona Naturali ta' Ġestjoni Integrata ta' San Matías huma żoni protetti tal-Bolivja f'Pantanal. Id-dħul tal-Park Nazzjonali u ż-Żona Naturali ta' Ġestjoni Integrata ta' Otuquis huwa mir-raħal ta' Puerto Suarez.
Bliet prinċipali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Brażil:
- Miranda, Mato Grosso do Sul;
- Aquidauana, Mato Grosso do Sul;
- Barão de Melgaço, Mato Grosso;
- Bodoquena, Mato Grosso do Sul;
- Bonito, Mato Grosso do Sul;
- Cáceres, Mato Grosso;
- Corumbá, Mato Grosso do Sul;
- Coxim, Mato Grosso do Sul;
- Ladário, Mato Grosso do Sul;
- Poconé, Mato Grosso.
Il-Bolivja:
- Puerto Quijarro, Santa Cruz;
- Puerto Suárez, Santa Cruz.
Il-Paragwaj:
- Bahía Negra, Alto Paraguay;
- Fuerte Olimpo, Alto Paraguay.
Fizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]- Pantanal tidher bħal waħda mill-għeġubijiet naturali fil-logħba elettronika ta' strateġija, Civilization VI.
- Ir-rumanz ta' John Grisham, The Testament, fil-biċċa l-kbira huwa ambjentat f'Pantanal.
- Pantanal huwa t-titlu ta' telenovela prodotta fil-Brażil ambjentata f'Pantanal.
- Ir-rumanz ta' Jack McKinney Robotech, Before the Invid Storm, jagħmel referenza għal eks suldati tal-Armata tas-Salib tan-Nofsinhar imsejħa l-Brigata ta' Pantanal mill-karattru l-Maġġur Alice Harper Argus.
- F'The Twilight Saga: The Amazon Coven: l-coven tal-Amażon jikkonsistu minn tliet aħwa, Kachiri, Zafrina u Senna, kollha nattivi tal-artijiet mistagħdra ta' Pantanal.
- Pantanal tidher f'Ghost Recon: Wildlands ta' Tom Clancy bħala reġjun imsejjaħ Caimanes.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- Lowland tapir
- Hyacinth macaws
- Giant anteater
- Pantanal jaguar
- Capybaras
- Marsh deer
- Black howler monkeys
- Southern tamandua
- Crested caracara
- Lesser yellow-headed vulture
- Yacare caiman