Ħaġar Megalitiku ta' Carnac

Il-Ħaġar Megalitiku ta' Carnac (bil-Breton: Steudadoù Karnag) huma ġabra tassew densa ta' siti megalitiċi qrib il-kosta tan-Nofsinhar tal-Bretanja fil-Majjistral ta' Franza, u jikkonsistu minn allinjamenti (ringieli) tal-ħaġar, dolmens (oqbra tal-ħaġar), tumbati funebri u menħir (ħaġriet weqfin) waħedhom. Iktar minn 3,000 ħaġra wieqfa preistorika tnaqqxu mill-granit lokali u twaqqfu mill-poplu ta' qabel iċ-Ċeltiċi tal-Bretanja u jiffurmaw l-ikbar ġabra ta' din ix-xorta fid-dinja. Il-biċċa l-kbira tal-ħaġar jinsab fi ħdan il-muniċipalità ta' Carnac fil-Bretanja, iżda wħud fil-Lvant jinsabu fi ħdan il-muniċipalità fil-qrib ta' La Trinité-sur-Mer. Il-ħaġar twaqqaf f'xi żmien matul in-Neolitiku, x'aktarx għall-ħabta tat-3300 Q.K., iżda wħud jaf imorru lura saħansitra għall-4500 Q.K.[1]

Għalkemm il-ħaġar imur lura għall-4500–3300 Q.K., it-twemmin modern jassoċjahom mal-okkupazzjonijiet Rumani u iktar 'il quddiem Kristjani tas-seklu 1 W.K. Leġġenda Kristjana assoċjata mal-ħaġar kienet issostni li kienu suldati pagani kontra l-Papa Kornelju li mbagħad bidilhom f'ħaġar. Il-Bretanja għandha l-verżjonijiet lokali tagħha stess marbuta maċ-ċiklu ta' Arthur. B'mod simili t-tradizzjoni lokali ssostni li r-raġuni wara li joqogħdu daqstant weqfin puliti hi li huma leġjun Ruman li nbidel f'ħaġar mis-Saħħar Merlin.
Fl-aħħar sekli, bosta mis-siti ġew mitluqa, u kien hemm rapporti ta' dolmens li kienu qed jintużaw bħala postijiet tal-kenn għan-nagħaġ u għat-tiġieġ jew saħansitra bħala fran.[2] Xi ħaġa ferm iktar komuni kienet li l-ħaġar kemm-il darba tneħħa biex jinbnew it-toroq jew intużaw bħala materjali tal-bini. Il-ġestjoni kontinwa tas-siti għadha suġġett kontroversjali.[3][4]
Skont id-dokumentarju tal-BBC ta' Neil Oliver A History of Ancient Britain (Storja tal-Brittanja tal-Qedem),[5] l-allinjamenti nbnew minn poplu ta' kaċċaturi-ġemmiegħa ("Dawn il-ħaġriet ma twaqqfux minn bdiewa Neolitiċi, iżda minn bdiewa Mesolitiċi"). B'hekk jistgħu jiġu kkategorizzati b'mod differenti meta mqabbla ma' Stonehenge fl-Ingilterra, li ġie sostnut li kienet frott il-ħidma tal-bdiewa Ewropej bikrin.[6] Il-kwistjoni ta' liema poplu għandu jiġi attribwit bit-twaqqif tal-ħaġar megalitiku ta' Carnac għadha dibattitu miftuħ.[7]
Allinjamenti
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm tliet gruppi ewlenin ta' ringieli tal-ħaġar – Ménec, Kermario u Kerlescan. Jaf fl-imgħoddi kienu jiffurmaw grupp uniku iżda mbagħad ġew isseparati minn xulxin x'aktarx għax tneħħew xi ħaġriet għal skopijiet oħra.
Il-ħaġriet weqfin huma magħmula mill-granit espost għall-elementi miksub minn siti lokali li fl-imgħoddi kienu preżenti b'mod estensiv fl-inħawi.[8]
Allinjamenti ta' Ménec
[immodifika | immodifika s-sors]Ħdax-il ringiela konverġenti ta' menħir huma estiżi fuq 1,165 metru b'100 metru (3,822 pied bi 328 pied). Hemm ukoll dak li Alexander Thom kien iqis li huma l-fdalijiet ta' ċrieki tal-ġebel fuq kull tarf. Skont l-uffiċċju turistiku hemm "cromlech li fih 71 blokka tal-ġebel" fin-naħa tal-Punent u cromlech fi stat ta' fdalijiet fin-naħa tal-Lvant. L-ikbar ħaġriet, għoljin madwar 4 metri (13-il pied), jinsabu fin-naħa usa' tal-Punent; imbagħad il-ħaġriet jiċkienu sa għoli ta' 0.6 metri (2 piedi) għat-tul tal-allinjament qabel ma jerġgħu jogħlew lejn it-tarf tal-Lvant.
Allinjamenti ta' Kermario
[immodifika | immodifika s-sors]Din il-konfigurazzjoni b'għamla ta' mrewħa tirrikorri ftit iktar 'il quddiem lejn il-Lvant fl-allinjamenti ta' Kermario (Dar tal-Mejtin).[9] Tikkonsisti minn 1,029 ħaġra f'għaxar kolonni b'tul ta' madwar 1,300 metru (4,300 pied). Permezz tal-fotografija mill-ajru ġie żvelat ċirku tal-ġebel lejn in-naħa tal-Lvant fejn il-ħaġriet huma iqsar.[10]
Allinjamenti ta' Kerlescan
[immodifika | immodifika s-sors]Dawn huma grupp iżgħar ta' 555 ħaġra, iktar lejn il-Lvant taż-żewġ siti l-oħra. Huma magħmula minn 13-il ringiela b'tul totali ta' madwar 800 metru (2,600 pied), b'għoli li jvarja minn 80 ċentimetru (2 piedi u 7 pulzieri) sa 4 metri (13-il pied). Lejn it-tarf tal-Punent, fejn il-ħaġriet huma l-ogħla, hemm ċirku tal-ġebel bi 39 ġebla b'kollox. Jaf hemm ukoll ċirku tal-ġebel ieħor lejn it-Tramuntana.
Allinjamenti ta' Petit-Ménec
[immodifika | immodifika s-sors]Dawn huma grupp ferm iżgħar, iktar lejn il-Lvant ta' Kerlescan, li jinsab fi ħdan il-muniċipalità ta' La Trinité-sur-Mer. Issa dawn huma ambjentati fil-boskijiet, u l-biċċa l-kbira minnhom huma miksijin bil-muski u bil-liedna.[11]
Tumbati funebri
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm diversi tumbati funebri (magħrufa wkoll bħala tumuli) li nbnew fuq xi oqbra. F'dawn l-inħawi, ġeneralment jinkludu passaġġ li jagħti għal kompartiment ċentrali li kien ikun fih artefatti Neolitiċi.

Tliet tumbati funebri tassew kbar u magħrufa fl-inħawi ta' Carnac u ta' Morbihan, imorru lura għal nofs il-ħames millenju Q.K., u kollettivament huma magħrufa bħala t-tumbati funebri ta' Carnac: Saint-Michel, Tumiac u Mané-er-Hroëk. Kull waħda minn dawn it-tumbati funebri kien fihom kompartiment funebri megalitiku, li kien ikun fih il-qabar ta' individwu wieħed biss, flimkien ma' bosta xfafar kbar ta' mnanar illostrati tal-ġebel, anelli tal-ġebel tad-dirgħajn, u ġojjellerija magħmula mill-callaïs (varixit u turkważ). L-analiżijiet xjentifiċi wrew li bosta mix-xfafar tal-imnanar huma tal-ġada mill-Alpi Taljani, filwaqt li l-callaïs kienet tiġi importata mil-Lbiċ tal-Iberja. L-evidenza arkeoloġika tindika li l-callaïs kien jiġi ttrasportat mill-Iberja bid-dgħajsa, minn naħa għall-oħra tal-Bajja ta' Biskajja, minflok tul il-kosta jew bl-art. Uħud mix-xfafar tal-imnanar tal-ġada ta' Carnac huma twal sa 46 ċentimetru u jaf ħadu iktar minn elf siegħa biex jiġu prodotti, apparti ż-żmien meħtieġ biex jinkiseb il-materjal u jiġi ttrasportat lejn Carnac. In-natura straordinarja ta' dawn id-difniet, l-iskala tat-tumbati funebri, il-loġistika u l-isforz meħtieġ, kollha jindikaw li dawn intużaw għad-difniet ta' individwi tassew importanti tal-elit, li xi riċerkaturi ddeskrivew bħala "rejiet divini". L-isforz fuq skala kbira u l-organizzazzjoni involuti fil-kostruzzjoni ta' dawn il-monumenti megalitiċi, bħall-Menħir il-Kbir ta' Er Grah għoli 20.6 metru, jissuġġerixxi wkoll l-eżistenza ta' mexxejja jew rejiet fl-inħawi ta' Carnac u Morbihan. Sitwazzjoni simili ġiet deskritta għall-kultura megalitika li ġiet wara fl-Irlanda, li tixbaħ sew il-kultura megalitika fil-Bretanja. Abbażi tal-evidenza arkeoloġika, tad-DNA u etnografika ġie ssuġġerit li raġel tal-elit midfun fil-qabar bil-passaġġ ta' Newgrange, għall-ħabta tat-3200 Q.K., jaf kien "re divin" u parti minn "elit dinastiku". Ġew innutati wkoll similaritajiet mal-kultura ta' Michelsberg fil-Grigal ta' Franza u l-Ġermanja (għall-ħabta tal-4200 Q.K.), li kellha tumbati funebri kbar fi ħdan insedjamenti ffortifikati u kienet tuża l-imnanar Alpini tal-ġada, kollha assoċjati mat-tfaċċar ta' "eliti ta' grad għoli". Xi tinqix fuq il-monumenti megalitiċi f'Carnac jinkludi bosta xbihat ta' oġġetti li ġew interpretati bħala simboli ta' awtorità u ta' poter, fosthom armi kurvi tat-twaddib, imnanar u xettri.

It-tumbati funebri ta' Carnac kienu kontemporanji tad-difniet rikki tal-kultura ta' Varna fil-Bulgarija (għall-ħabta tal-4500 Q.K.), li kien fihom iktar deheb mis-siti kollha skavati fil-bqija tad-dinja fil-ħames millenju Q.K. Id-difniet ta' Varna juru l-eżistenza ta' eliti setgħana fix-Xlokk tal-Ewropa fl-istess żmien li tfaċċaw f'Carnac. Il-qabar nru 43 tan-nekropoli ta' Varna necropolis, li kien fih raġel wieħed midfun b'xettru u b'bosta ornamenti tad-deheb, kien fih xafra ta' mannara Alpina tal-ġada wkoll.[12]
Saint-Michel
[immodifika | immodifika s-sors]
It-tumbata funebri ta' Saint-Michel inbniet bejn il-5000 Q.K. u t-3400 Q.K. Fil-bażi tagħha tkopri erja ta' 125 metru b'60 metru (410 piedi b'197 pied), u hija għolja 12-il metru (39 pied). Kien tirrikjedi 35,000 metru kubu (46,000 jarda kuba) ta' ġenel u ta' ħamrija. Il-funzjoni tagħha kienet ta' qabar għall-membri tal-klassi tat-tmexxija. Kien fiha diversi oġġetti funebri, fosthom 15-il senduq tal-ġebel, imnanar kbar tal-ġada, bċejjeċ tal-fuħħar, u ġojjellerija tal-callaïs, li l-biċċa l-kbira minnhom attwalment jinsabu fil-Mużew tal-Preistorja ta' Carnac. It-tumbata funebri ġiet skavata fl-1862 minn René Galles b'sensiela ta' fosos vertikali, li tħaffru sa fond ta' 8 metri (26 pied). Le Rouzic wettaq skavi wkoll fiha bejn l-1900 u l-1907, u skopra l-qabar u s-sniedaq tal-ġebel.
Fl-1663 inbniet kappella fuqha li ġiet rikostruwita fl-1813, qabel ma nqerdet fl-1923. Il-binja attwali hi rikostruzzjoni identika tal-kappella tal-1663, li nbniet fl-1926.
Tumiac
[immodifika | immodifika s-sors]
It-tumbata funebri ta' Tumiac tinsab f'Arzon, fil-peniżola ta' Rhuys, fin-Nofsinhar tal-Golf ta' Morbihan. Hija magħrufa wkoll bħala t-"tumbata funebri ta' Ċesri" peress li skont leġġenda lokali, intużat bħala osservatorju għal Ġulju Ċesri matul il-gwerra tiegħu kontra l-Veneti fis-56 Q.K.
Is-sit ġie skavat fl-1853. Il-krater viżibbli fil-quċċata tat-tumbata funebri jikkorrispondi għat-toqba vertikali li tħaffret għall-esplorazzjoni tas-sit. Saru skavi ġodda u xi xogħol fl-1934, li wasslu għall-iskoperta ta' diversi difniet sekondarji.
It-tumbata funebri, li għandha għamla ċirkolari/ellittika, hija magħmula minn saffi tat-tafal u fiha dijametru ta' 50 metru u għoli ta' 15-il metru. Fiha kompartiment funebri rettangolari ċentrali twil 4.40 metri, wiesa' 2.40 metri u għoli 1.75 metru. Dan il-kompartiment huwa magħmul minn tliet riffieda monolitiċi u huwa msaqqaf b'ħaġra tal-kwarz twila 4.80 metri. Kellha art tal-injam u żewġ ħaġriet laterali mnaqqxin. Il-kompartiment funebri kien mgħammar b'mod rikk u kien jikkonsisti minn 11-il mannara tal-ġadeit, 26 mannara tal-fibrolit u 249 żibġa tal-callaïs. Dawn l-oġġetti jinsabu fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Vannes. Skont id-datazzjoni bir-radjokarbonju-14, it-tumbata funebri ta' Tumiac inbniet bejn l-4790 u l-4530 Q.K.
It-tumbata funebri ta' Tumiac ġiet ikklassifikata bħala monument storiku fl-1923.
Mané-er-Hroëk
[immodifika | immodifika s-sors]It-tumbata funebri ta' Mané-er-Hroëk (magħrufa wkoll bħala t-tumbata funebri ta' Ruyk) tinsab f'Locmariaquer, Morbihan, eżatt fil-Punent tar-raħal ta' Er-Hroueg u madwar kilometru fil-Grigal tad-dolmen ta' Pierres Plates.
It-tumbata funebri fiha volta funebri rettangolari ta' madwar 5 metri bi 3 metri, imsaqqfa b'żewġ ħaġriet, li jirfdu tumbata twila madwar 100 metru u wiesgħa madwar 60 metru. It-tumbata funebri togħla sa madwar 15-il metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, jew kważi 8 metri 'l fuq mill-art naturali. Id-daħla attwali, b'taraġ, żdiedet dan l-aħħar. Maġenb id-daħla hemm stele mnaqqxa, li nstabet miksura fi tliet biċċiet.
It-tumbata funebri ġiet skavata fl-1863 mis-Soċjetà Polimatika ta' Morbihan. Dawn l-iskavi wasslu għall-iskoperta tal-volta u tal-istele, kif ukoll għall-iskoperta ta' 106 mannara prezzjużi tal-ġebel (l-ikbar waħda minnhom fiha 46 ċentimetru), 49 żibġa tal-callaïs u 9 pendenti tal-callaïs. Sussegwentement, dawn l-oġġetti ġew depożitati fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Vannes. It-tumbata funebri ġiet ikklassifikata bħala monument storiku fl-1889.
Moustoir
[immodifika | immodifika s-sors]Magħruf ukoll bħala Er Mané (koordinati: 47.6119°N 3.0608°W), dan huwa qabar b'kompartiment twil 85 metru (279 pied), wiesa' 35 metru (115 pied), u għoli 5 metri (16-il pied). Għandu dolmen fin-naħa tal-Punent, u żewġ oqbra fin-naħa tal-Lvant. Fil-qrib hemm ukoll menħir żgħir li huwa għoli madwar 3 metri (10 piedi).
Oġġetti funebri
[immodifika | immodifika s-sors]- Callaïs from Saint-Michel
- Callaïs from Tumiac
- Tumiac
- Tumiac
- Mané-er-Hroëck
- Mané-er-Hroëck
- Jadeitite axes
- Jadeitite and eclogite axes from the Saint-Michel tumulus
- Stone rings
- Jade axes
- Broken stone axes
- Polished stone axes
- Documentation of the Saint-Michel excavations, and finds from the tumulus
Dolmens
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm diversi dolmens sparpaljati fl-inħawi. Dawn id-dolmens ġeneralment jitqiesu li kienu oqbra; madankollu, l-għadam ittiekel mill-ħamrija aċidika tal-Bretanja. Dawn inbnew b'bosta ħaġriet kbar weqfin li jirfdu ħaġra orizzontali, imbagħad kienu jiġu midfuna taħt tumbata tal-ħamrija. F'bosta każijiet, it-tumbata ma għadhiex preżenti, xi kultant minħabba l-iskavi arkeoloġiċi, u għad fadal fiss il-ħaġriet kbar, f'diversi kundizzjonijiet ta' fdalijiet.
Er-Roc'h-Feutet
[immodifika | immodifika s-sors]Din id-dolmen tinsab fit-Tramuntana, qrib il-kappella ta' La Madeleine, u hija msaqqfa għalkollox.
La Madeleine
[immodifika | immodifika s-sors]Din id-dolmen kbira 12-il metru b'5 metri (39 pied b'16-il pied; koordinati: 47.6208°N 3.0482°W), u għandha ħaġra orizzontali twila 5 metri (16-il pied). Ingħatat isem il-kappella fil-qrib ta' La Madeleine, li għadha tintuża.
Kercado
[immodifika | immodifika s-sors]
Din hija dolmen rari li għadha msaqqfa bil-"girna" oriġinali tagħha. Tinsab fin-Nofsinhar tal-allinjamenti ta' Kermario, u hija wiesgħa bejn 25 u 30 metru (82–98 pied), għolja 5 metri (16-il pied), u għandha menħir żgħir fil-quċċata. Qabel kienet imdawra b'ċirku ta' menħir żgħar xi 4 metri (13-il pied) 'il barra, u l-passaġġ prinċipali twil 6.5 metri (21 pied) u jagħti għal kompartiment kbir fejn instabu bosta artefatti, fosthom imnanar, ponot tal-vleġeġ, xi snien tal-annimali u tal-bnedmin, xi perli u xi frammenti, u 26 żibġa ta' ħaġra prezzjuża unika ta' lewn blu, tan-nefrit. Fiha xi arti megalitika mnaqqxa fuq l-uċuħ ta' ġewwa tagħha f'għamla ta' serpentini u simbolu ta' mannara doppja b'daqs ta' bniedem imnaqqax fin-naħa t'isfel tal-ħaġra orizzontali prinċipali tas-saqaf tagħha. Fil-kulturi tal-qedem, il-mannara u b'mod partikolari l-mannara doppja kienet tirrappreżenta s-setgħat divini tas-sajjetti. Id-dolmen inbniet għall-ħabta tal-4600 Q.K. u baqgħet tintuża għal madwar 3,000 sena.
Mané Brizil
[immodifika | immodifika s-sors]Kerlescan
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn wieħed u ieħor fadal minnha tumbata pjuttost regolari biss, b'ħaġra orizzontali waħda għas-saqaf. Hija allinjata mil-Lvant għall-Punent, b'passaġġ b'daħla lejn in-Nofsinhar.
Kermarquer
[immodifika | immodifika s-sors]Din tinsab fuq għolja żgħira u għandha żewġ kompartimenti separati.
Mané-Kerioned
[immodifika | immodifika s-sors]Dawn id-dolmens huma magħrufa wkoll bħala t-tumbata tal-pixies jew bħala Grotte de Grionnec u huma grupp ta' tliet dolmens b'konfigurazzjoni unika fil-Bretanja, li fl-imgħoddi kienu miksijin b'tumbata. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tad-dolmens huma paralleli, dawn huma rranġati f'għamla ta' nagħla. L-ikbar dolmen minnhom tinsab fil-Lvant u hija għolja 11-il metru (36 pied).

Crucuno
[immodifika | immodifika s-sors]Din hija dolmen "klassika", b'ħaġra orizzontali tiżen 40 tunnellata u twila 7.6 metri (24 pied u 11-il pulzier) mirfuda fuq pilastri għoljin bejn wieħed u ieħor 1.8 metru (5 piedi u 11-il pulzier). Qabel l-1900, din kienet ikkollegata b'passaġġ u b'hekk b'kollox kienet twila 24 metru (79 pied).
Rettangolu tal-ġebel ta' Crucuno
[immodifika | immodifika s-sors]Dan huwa rettangolu klassiku tat-tip 3, 4, 5 magħmul minn 21 menħir b'għoli li jvarja minn 0.91 metri (3 piedi) sa 2.4 metri (7.9 piedi; koordinati: 47.625°N 3.122°W) u huwa allinjat tul il-linja dijagonali tiegħu maż-żerniq ta' nofs is-sajf. Alexander Thom issuġġerixxa li kien ikopri 40 jarda bi 30 jarda megalitika.

Formazzjonijiet oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm ukoll xi menħir individwali u mill-inqas formazzjoni waħda oħra li ma toqgħodx fil-kategoriji ta' hawn fuq.
Kwadrilateru ta' Manio
[immodifika | immodifika s-sors]Dan huwa arranġament tal-ġebel li jifforma l-perimetru ta' rettangolu kbir. Oriġinarjament kien tumbata funebri "tertre" b'tumbata ċentrali, b'tul ta' 37 metru (121 pied), u allinjat lejn il-Lvant il-Grigal. Il-kwadrilateru huwa wiesa' 10 metri (33 pied) lejn il-Lvant, iżda wiesa' 7 metri (23 pied) biss lejn il-Punent.
Ġgant ta' Manio
[immodifika | immodifika s-sors]Qrib il-kwadrilateru hem menħir individwali enormi (koordinati: 47.603°N 3.056°W), issa magħruf bħala l-"Ġgant". Huwa għoli iktar minn 6.5 metri (21 pied), u reġa' twaqqaf għall-ħabta tal-1900 minn Zacharie Le Rouzic, u jħares lejn l-allinjament ta' Kerlescan fil-qrib.
Skavi u analiżi
[immodifika | immodifika s-sors]Mis-snin 20 tas-seklu 18 żdied l-interess f'dawn il-formazzjonijiet. Pereżempju fl-1796, La Tour d'Auvergne attribwiet magħhom ġemgħat ta' druwidi. Fl-1805, A. Maudet de Penhoët sostna li kienu jirrappreżentaw l-istilel fis-sema.
L-Ingliżi Francis Ronalds u Alexander Blair wettqu stħarriġ tal-ħaġar fl-1834. Ronalds għamel l-ewwel tpinġijiet akkurati ta' bosta minnhom bl-istrument bil-privattiva tiegħu tat-traċċar b'perspettiva, u dawn ġew stampati fil-ktieb Sketches at Carnac (Brittany) in 1834.
Miln u Le Rouzic
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel skavi estensivi saru fis-snin 60 tas-seklu 19 mill-antikwarju Skoċċiż James Miln (1819–1881), li rrapporta li sa dak iż-żmien kien hemm inqas minn 700 mit-3,000 ħaġra li kien għadhom weqfin. Lejn l-1875, Miln qabbad tifel lokali, Zacharie Le Rouzic (1864–1939) bħala l-assistent tiegħu, u Zacharie tgħallem l-arkeoloġija bil-prattika. Wara l-mewt ta' Miln, huwa ħalla r-riżultati tal-iskavi tiegħu lir-raħal ta' Carnac, u il-Mużew ta' James Miln ġie stabbilit hemmhekk minn ħuh Robert biex jospita l-artefatti. Zacharie sar id-direttur tal-mużew u għalkemm kien awtodidatta, sar espert magħruf fuq livell internazzjonali rigward il-ħaġar megalitiku fl-inħawi. Huwa wkoll ħalla r-riżultati tax-xogħol tiegħu lir-raħal, u issa l-mużew jismu l-Mużew tal-Preistorja ta' James Miln – Zacharie le Rouzic.
Teoriji oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1887, H. de Cleuziou sostna li kien hemm rabta bejn ir-ringieli tal-ġebel u d-direzzjonijiet ta' nżul ix-xemx fis-solstizji.
Fost studji iktar reċenti, Alexander Thom ħadem flimkien ma' ibnu Archie mill-1970 sal-1974 biex iwettaq stħarriġ dettaljat tal-allinjamenti ta' Carnac, u pproduċa sensiela ta' dokumenti dwar l-allinjamenti astronomiċi tal-ħaġar kif ukoll analiżi statistika li tappoġġa l-kunċett tiegħu tal-jarda megalitika. Madankollu, il-jarda megalitika ta' Thom ġiet ikkontestata.
Hemm ukoll teoriji ġenerali dwar l-użu tal-ħaġar bħala osservatorji astronomiċi, kif kien ġie sostnut għal Stonehenge. Skont waħda minn dawn it-teoriji, il-menħir ġgantesk qrib Locmariaquer kien ikkollegat mal-allinjamenti għal dan l-iskop.
Ġestjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Mużew tal-Preistorja ta' James Miln – Zacharie le Rouzic jikkonserva u jospita l-artefatti li nstabu fl-inħawi. Fih ukoll "l-ikbar kollezzjoni fid-dinja ta' eżibiti preistoriċi", b'iktar minn 6,600 oġġett preistoriku minn 136 sit differenti.
Il-monumenti nfushom ġew elenkati u nxtraw mill-istat fil-bidu tas-seklu 20 biex jiġu protetti mill-użu bħala materjali tal-bini, u filwaqt li dan kien suċċess dak iż-żmien, f'nofs is-seklu, l-iżvilupp mill-ġdid, il-bidliet fil-prattiki agrikoli u ż-żieda tat-turiżmu li wasslet għal iktar viżitaturi tal-ħaġar wasslu għal deterjorament rapidu. Il-Ministeru għall-Kultura u l-Komunikazzjoni) eżaminat il-kwistjoni mill-ġdid fl-1984, u sussegwentement stabbiliet il-"Missjoni ta' Carnac" fl-1991 bl-għan li l-allinjamenti jiġu riabilitati u żviluppati. Dan kien jinvolvi r-restrizzjoni tal-aċċess pubbliku, it-tnedija ta' sensiela ta' studji xjentifiċi u tekniċi, u l-produzzjoni ta' pjan għall-konservazzjoni u għall-iżvilupp fl-inħawi.
Bħal fil-każ tal-istruttura megalitika ta' Stonehenge fl-Ingilterra, il-ġestjoni tal-ħaġar tista' tkun pjuttost kontroversjali. Mill-1991, il-gruppi prinċipali ta' ringieli tal-ġebel ġew protetti mill-pubbliku permezz ta' xatbiet u ċnut "bħala għajnuna biex il-veġetazzjoni tikber", u ż-żjarat jistgħu jsiru biss permezz ta' mawriet organizzati. Madankollu, il-ħaġar huwa miftuħ għall-pubbliku anke fix-xitwa. Meta James Miln studja l-ħaġar fis-snin 60 tas-seklu 19, huwa rrapporta li inqas minn 700 ħaġra mit-3,000 ħaġra ta' Carnac kienu għadhom weqfin, u b'hekk sar xogħol sussegwenti matul is-snin 30 u 80 tas-seklu 20 (bl-użu ta' gafef) biex il-ħaġar jiġi rranġat mill-ġdid, jerġa' jitwaqqaf f'xi każijiet, biex ikun hemm spazju għat-toroq u għal strutturi oħra.
Fl-2002, xi dimostranti ħarġu jipprotestaw u invadew is-sit, wara li fetħu s-sokra tas-sit u ħallew lit-turisti jidħlu mingħajr ħlas. B'mod partikolari, il-grupp Collectif Holl a gevred (li bil-Franċiż u bil-Breton tfisser il-grupp "kollettiv kulħadd flimkien") okkupa ċ-ċentru tal-viżitaturi tal-allinjamenti ta' Kermario, u talab li jieqfu b'mod immedjat il-pjanijiet attwali tal-ġestjoni u biex ikun hemm is-sehem lokali fil-pjanijiet tal-ġejjieni.
F'dawn l-aħħar snin, il-ġestjoni tas-sit esperimentat ukoll bir-ragħa tan-nagħaġ qalb il-ħaġar, sabiex il-ħaxix ħażin jinżamm taħt kontroll.
F'Ġunju 2023, 39 menħir li kienu għadhom mingħajr il-protezzjoni tal-UNESCO nqerdu biex jinbeda ħanut tad-DIY tal-impriża Mr. Bricolage, li kisbet permess tal-bini mill-muniċipju lokali f'Awwissu 2022. Il-ħaġriet affettwati kienu jinsabu fir-raħal ta' Montaubin, lil hinn mill-postijiet turisitiċi primarji ta' Ménec u Kermario, li jinsabu ftit iktar minn 1.5 kilometru (1 mil) 'il bogħod. Is-sindku tar-raħal, Olivier Lepick, qal lil AFP li hu kien "mexa mal-liġi" u indika li kien instab li l-oġġetti kellhom "valur arkeoloġiku baxx" waqt il-kontrolli li saru qabel beda l-proċess tal-kostruzzjoni. Huwa ammetta wkoll li ma kienx jaf li s-sit kien elenkat fl-Atlas tal-Wirt, għalkemm jingħad li ppresjeda l-grupp li applika għall-għoti tal-istatus ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Filwaqt li Lepick xeħet il-ħtija fuq is-sitwazzjoni taż-żoni tal-kumpless tal-inħawi, ir-riċerkatur Christian Obeltz sostna li "l-uffiċjali eletti fl-inħawi u d-dipartiment għandhom għaġġla biex jibnu li hemm bżonn peress li ladarba s-sit jiġi kklassifikat bħala sit tal-UNESCO, dan ma jkunx possibbli iktar". L-assoċjazzjoni lokali Koun Breizh ressqet ilment mal-prosekutur pubbliku ta' Vannes għall-qerda intenzjonata tas-siti b'rabta mal-wirt arkeoloġiku.
Fl-2025, il-ħaġar, flimkien ma' 550 monument fi 28 raħal u villaġġ f'Morbihan, tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[13]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Ħaġar Megalitiku ta' Carnac u tal-kosta ta' Morbihan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[13]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[13]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Carnac Stones - Carnac, France". www.sacred-destinations.com. Miġbur 2025-07-16.
- ↑ The Megalithic Portal and Megalith Map. "La Madeleine (Carnac)". The Megalithic Portal. Miġbur 2025-07-16.
- ↑ "Megaliths of Carnac: Introduction". menhirs.tripod.com. Miġbur 2025-07-16.
- ↑ "Megaliths of Carnac: Standing Stones / Menhirs". megaliths.sherwoodonline.de. Miġbur 2025-07-16.
- ↑ "BBC Two - A History of Ancient Britain, Series 1, Age of Ancestors". BBC (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-16.
- ↑ "Stonehenge built by descendants of early immigrants, study finds". The Independent (bl-Ingliż). 2019-04-16. Miġbur 2025-07-16.
- ↑ Laporte, Luc; Roux, Charles-Tanguy Le (2005). Bâtisseurs du Néolithique (bil-Franċiż). Maison des Roches.
- ↑ Mens, Emmanuel (2015). "Refitting megaliths in western France". Antiquity. 82 (315): 25–36. doi:10.1017/S0003598X00096411. S2CID 163056484. ProQuest 217542367.
- ↑ "Mané Kermario". myweb.tiscali.co.uk. Miġbur 2025-07-16.
- ↑ "Kermario". myweb.tiscali.co.uk. Miġbur 2025-07-16.
- ↑ "Petit Ménec". myweb.tiscali.co.uk. Miġbur 2025-07-16.
- ↑ Petrequin, Pierre; Cassen, Serge; Errera, Michel; Klassen, Lutz; Pétrequin, Anne−Marie; Sheridan, Alison (2013). "The value of things : the production and circulation of alpine jade axes during the 5th – 4th millenia [sic] in a European perspective". In Kerig, T; Zimmermann, A (eds.). Economic archaeology: from structure to performance in European archaeology. Habelt. pp. 65−82.
- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Megaliths of Carnac and of the shores of Morbihan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-15.