Aqbeż għall-kontentut

Ġwanni Debono

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ġwanni Debono
Ħajja
Twelid 1911
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Malta
L-ewwel lingwa Malti (mul) Translate
Ingliż
Mewt 1979
Edukazzjoni
Lingwi Malti (mul) Translate
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku
poeta

Ġwanni Debono, magħruf ukoll bħala Dun Ġwann Debono jew Giovanni Debono (15 ta' Awwissu 1911[1] - 1979), kien saċerdot u poeta Mosti. Huwa baqa' magħruf l-iktar għax kiteb il-versi għall-Innu tal-Inkurunazzjoni tal-kwadru titulari li jinstab fil-Bażilika ta' Santa Marija Assunta fil-Mosta. Dan il-kwadru kien ġie nkurunat nhar l-10 ta' Awwissu 1975 mill-arċipriet ta' dak iż-żmien, jiġifieri Bartolomeo Bezzina.

Ġwanni Debono twieled nhar il-festa tal-Assunta (15 ta' Awwissu) tas-sena 1911, bin Gio Maria u Reġina. Huwa kien l-iżgħar minn fost ħutu. Ta' età żgħira, missieru marru jgħix l-Istati Uniti u sab xogħol fil-belt ta' New Orleans. Ħutu marru jgħixu ma missierhom, iżda Ġwanni baqa' Malta flimkien ma ommu.[1]

Huwa minn dejjem iħoss ġibda li jsir qassis, u ta' età żgħira daħal novizz mal-patrijiet Dumnikani fejn iltaqa' mal-patri (iktar tard Monsinjur) Alan Fenech. Bħala novizz, huwa għażel l-isem "Reġinaldu" wara San Reġinald. Huwa laħaq patri fl-1933 u qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu nhar il-15 ta' Awwissu 1933, u ftit wara kompla jistudja t-teoloġija u l-filosofija f'Ruma.[1] Dakinhar kien ukoll iltaqa' ma missieru għall-ewwel darba; dan għaliex hu kien ġie lura Malta wara żmienu fl-Amerka.

Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, huwa, flimkien mal-patri Ambroġ Darmanin, laqa' t-talba tal-kappillan Ġużeppi Debono ta' Ħal Luqa biex jgħin fis-servizzi li toffri din il-parroċċa. Iż-żewġ patrijiet għamlu din il-ħidma b'sogru kbir għaliex Ħal Luqa spiss kienet fil-mira tal-bombi tal-għadu.[1]

Lejn l-aħħar tal-1947, oħtu Rose kellha wild iżda ftit wara mardet u mietet. Din l-aħbar affetwat sew lil Dun Ġwann, tant li hu stess kien marad bil-pnewmonja u dam iktar minn xahar fis-sodda. Huwa imbagħad ried jieħu ħsieb lil ħutu u ommu wara li dawn avvanzaw fl-età, tant li fl-1961 ġab permess speċjali minn Ruma biex ikun jista' jgħix barra mill-kunvent tad-Dumnikani għal żmien indefinit. F'dan iż-żmien, beda jservi ukoll bħala qassis fil-Knisja tal-Erwieħ, il-Belt Valletta.[1]

L-Inkurunazzjoni tal-Kwadru

[immodifika | immodifika s-sors]

Dun Ġwann kien preżenti fi Pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan dakinhar li l-Papa Piju XII iddikjara d-Domma tal-Assunzjoni ta' Santa Marija, jiġifieri nhar l-1 ta' Novembru 1950. Miegħu kien hemm diversi pellegrini Maltin u Għawdxin, fosthom l-Isqof ta' Għawdex il-Monsinjur Ġużeppi Pace.

Qabel l-okkażjoni tal-inkurunazzjoni tal-Kwadru titulari tal-Bażilika ta' Santa Marija Assunta, Mosta, Dun Ġwann kien ġie avviċinat biex jikteb il-lirika għal innu biex jikkommemora din l-okkażjoni. F'Ġunju tal-1974, Dun Ġwann għadda l-lirika tal-innu lill-Maestro Anthony Sammut tal-Banda Nicolò Isouard tal-Mosta.[1] Dan l-innu, imsejjaħ "Lill-Assunta Inkurunata", indaqq għall-ewwel darba fit-8 ta' Awwissu 1975, u jibqa jindaqq kull sena bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tar-raħal.[2]

Il-lirika tal-innu hija riprodotta hawn taħt:[2][3][4]

    Xerrdu ħienja ward u fjuri
    Lir-Reġina tas-Smewwiet
    F'Jum it-Tlugħ glorjuż fis-Sema,
    F'damma ħelwa ta' għanjiet.
    Inti l-Omm t'Alla waħdieni;
    Inti verġni dejjem bqajt;
    B'ruħ u ġisem minn did-dinja
    Ġewwa s-Sema ħajja tlajt.
        Dir-Reġina Nkurunata,
        Ġawhra sbejħa għall-Mostin,
        Irriduha wkoll Reġina
        Tagħna lkoll, tagħna l-Maltin.

    L-anġli stagħġbet tħares lejh
    Tiela' sbejħa minn din l-art,
    Fuq il-mewt u d-dnub rebbieħa,
    Tfewwaħ aktar minn kull ward.
    Inti l-Omm ta' Kristu, Sidna,
    Bniedem-Alla għall-bnedmin;
    Inti l-Omm tal-Feddej tagħna,
    Inti Ommna midinbin.
        Dir-Reġina Nkurunata ...

    Ġewwa s-Sema b'qalb ħanina
    Tħares lejna midinbin;
    Inti tgħinna biex immorru
    Nieħdu seh'm mal-magħżulin.
    Fil-Kuruna ta' fuq rasha
    Ġieħ inroddu bnin u kbir
    W imħabbitna fiha nuru
    Lil Marija, b'kull tifħir.
        Dir-Reġina Nkurunata ...

Mewt u Legazija

[immodifika | immodifika s-sors]

Dun Ġwann bla dubju jibqa' mfakkar talli kiteb il-lirika għall-innu tal-inkurunazzjoni. Iżda tajjeb li nsemmu wkoll li huwa grazzi għal Dun Ġwann li għandna l-istatwa ta' San Ġwann Appostlu li llum il-ġurnata tinsab fil-portiku tal-Bażilika.[1]

Triq residenzjali ġdida fil-Mosta ssemmiet għalih fl-2025, bħala parti mill-kommemorazzjoni ta' ħamsin sena mill-inkurunazzjoni.[5]

  1. 1 2 3 4 5 6 7 Cilia Debono, Emanuel; Cilia Debono, Keith (2024-09-22). "Lenti fuq il-protagonisti [7]: Dun Ġwann Debono (1911-1979)". 50 Sena Inkurunata 1975 - 2025 (bil-Malti). Grupp Armar Marija Assunta, Mosta A.D. 1996. Miġbur 2025-11-27.
  2. 1 2 "L-innu marċ 'Lill-Assunta Inkurunata' (1975) u s-surmast Mro Anthony Sammut". Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard Mosta (bil-Malti). 2021-02-04. Miġbur 2025-11-27.
  3. Camilleri, Ang (1986). "Storja tal-Mosta bil-Knisja Tagħha: Żieda XVI: L-Inkurunazzjoni ta' L-Assunta 10 ta' Awissu, 1975". The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-11-27.
  4. "Tifkira tal-festi tal-Inkurunazzjoni tal-Assunta, il-Mosta, 10 ta' Awissu 1975". Parroċċa Santa Marija (bil-Malti). Mosta: Parroċċa Santa Marija: 36. 1975.Manutenzjoni CS1: data u sena (link)
  5. "Minuti - Laqgħa tal-Kunsill Lokali Mosta - Disa' Leġislatura - Laqgħa Numru 10" (PDF). Kunsill Lokali Mosta (bil-Malti). 2025-01-21. Miġbur 2025-11-25.