Aqbeż għall-kontentut

Ġonna ta' Shalimar

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Rifless tal-binja prinċipali fl-ilmijiet tal-Ġonna ta' Shalimar.

Il-Ġonna ta' Shalimar jew il-Ġonna ta' Shalamar (bil-Punjabi: شالمار باغ, b'ittri Rumani: Śālamār Bāġ; bl-Urdu: شالیمار باغات, b'ittri Rumani: Śālīmār Bāġāt) huma kumpless ta' ġonna tad-dinastija Mugal biswit Baghbanpura, u jinsabu f'Lahore, Punjab, il-Pakistan. Il-ġonna jmorru lura għall-perjodu meta l-Imperu Mugal kien laħaq il-quċċata tiegħu fl-oqsma tal-arti u tal-estetika, u issa huma fost l-iżjed destinazzjonijiet turistiċi popolari tal-Pakistan.

Il-Ġonna ta' Shalamar ġew stabbiliti bħala ġonna tad-divertiment Persjani bil-ħsieb li joħolqu rappreżentazzjoni utopika tad-dinja li fiha l-bniedem jista' jeżisti f'armonija sħiħa mal-elementi kollha tan-natura. Il-kostruzzjoni tal-ġonna bdiet fl-1641 matul ir-renju tal-Imperatur Shah Jahan,[1] u tlestiet fl-1642.[2] Fl-1981. il-Ġonna ta' Shalamar tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO peress li jirrappreżentaw id-disinn tal-ġonna tad-dinastija Mugal fil-quċċata tal-iżvilupp tiegħu.[3]

Il-ġonna huma post ta' rikreazzjoni popolari fost l-irġiel ta' Lahore.
Veduta mill-medda ta' Farah Baksh.

Il-qaddejja tal-qort qalu lill-Maharaja Ranjit Singh "li Shala kienet kelma Torka li tfisser "divertiment" u mar tfisser "residenza".[4] "L-argumenti tal-qaddejja favur it-tifsira Torka tal-kelma ma impressjonawx lil Ranjit Singh, u b'hekk huwa ta isem ieħor lill-ġonna, "Shahla Bagh" (bl-Urdu: شهلا باغ); fejn Shahla bil-Persjan tfisser "qalbi" b'għajnejn griżi skuri u sfumatura ta' aħmar, u Bagh tfisser "ġnien".[5]

Il-qaddejja tal-qorti faħħru l-inġenjożità tal-Maharájá fl-għażla tal-isem tal-ġonna famużi ta' Láhore, u b'hekk ġie ordnat li minn dak iż-żmien 'il quddiem il-ġonna jissejħu b'dak l-isem bil-fomm u bil-miktub fil-korrispondenzi pubbliċi kollha.[5]

Madankollu, il-ġonna għadhom magħrufa bħala l-"Ġonna ta' Shalimar" sal-lum. Skont Muhammad Ishtiaq Khan,

Madankollu, l-iżjed interpretazzjoni plawżibbli milli jidher hi li l-kelma "Shalamar" hija varjant ta' "Shalimar" [...].[6]

Il-Ġonna ta' Shalimar jinsabu qrib ir-Rotta l-Kbira tas-Sniedaq, madwar 5 kilometri (3.1 mili) fil-Lvant tad-Daħla ta' Delhi tal-Belt Iffortifikata ta' Lahore, qrib Bhaghbanpura.

Il-Ġonna ta' Shalimar minn ġewwa.

Il-Ġonna ta' Shalimar f'Lahore nbnew mill-familja rjali tad-dinastija Mugal primarjament bħala post għad-divertiment tagħhom u tal-mistednin tagħhom, għalkemm parti kbira minnhom kienet miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Id-disinn tal-ġonna kien influwenzat mill-Ġonna ta' Shalimar iktar antiki f'Kashmir li nbnew minn missier Shah Jahan, l-Imperatur Jahangir.[7] Għad-differenza tal-ġonna f'Kashmir li kienu jiddependu fuq il-pajsaġġi b'xaqlibiet naturali, il-karatteristiċi tal-ilma f'Lahore kienu jeħtieġu inġinerija estensiva biex jinħolqu l-kaskati u l-artijiet imtarrġa artifiċjali.[8]

Il-Ġonna ta' Shalimar ġew iddisinjati bħala ġonna tad-divertiment Charbagh bi stil Persjan; mikrokożmu ta' utopija dinjija. Għalkemm il-kelma Bagh tiġi tradotta bħala "ġnien", bagh tirrappreżenta l-eżistenza armonjuża bejn il-bnedmin u n-natura, u tirrappreżenta rabta poetika bejn is-smewwiet u l-art. L-elementi naturali kollha tal-bagh jiġu apprezzati, inkluż ix-xemx, il-qamar u l-arja. Muhammad Saleh Kamboh, storiku ta' Shah Jahan, irrapporta li l-ġonna ta' Kashmir ispiraw id-disinn għall-Ġonna ta' Shalimar f'Lahore, u li varjetà wiesgħa ta' siġar u fjuri tkabbru flimkien fil-ġonna.

Il-Ġonna ta' Shalimar fl-1895.

Is-sit intgħażel għall-provvista stabbli tal-ilma tiegħu. Il-proġett ġie ġestit minn Khalilullah Khan, nobbli tal-qorti ta' Shah Jahan, f'kooperazzjoni ma' Mulla Alaul Maulk Tuni. Ali Mardan Khan kien responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-kostruzzjoni, u ordna li jinbena kanal twil 100 mil biex l-ilma jitwassal mill-għoljiet ta' qabel il-muntanji ta' Kashmir lejn is-sit.

Oriġinarjament is-sit tal-Ġonna ta' Shalimar kien proprjetà tal-familja Arain Mian ta' Baghbanpura. Mian Muhammad Yusuf, li dak iż-żmien kien il-kap tal-familja Arain Mian, ċeda s-sit ta' Ishaq Pura lill-Imperatur Shah Jahan sabiex ikunu jistgħu jinbnew il-ġonna. Biex jikkumpensa lill-familja Arain Mian, Shah Jahan taha l-governanza tal-Ġonna ta' Shalimar, u l-ġonna baqgħu taħt il-kustodja tagħha għal iktar minn 350 sena.

Il-ġonna matul it-tmexxija Sikh. Litografija tal-Ġonna ta' Shalimar, Lahore, minn 'The Court and Camp of Runjeet Sing' ta' William Godolphin Osborne, għall-ħabta tal-1840.

Il-kostruzzjoni tal-ġonna bdiet fit-12 ta' Ġunju 1641, u kienu meħtieġa 18-il xahar biex jitlestew. Matul l-Imperu Sikh, il-biċċa l-kbira tal-irħam tal-ġonna nsteraq u ntuża biex jiżżejjen it-Tempju tad-Deheb u l-Palazz ta' Ram Bagh f'Amritsar fil-qrib,[9] filwaqt li d-daħla għalja tal-agata tal-ġonna nqalgħet u nbigħet minn Lehna Singh Majithia.[10]

Fl-1806 il-Maharaja Ranjit Singh ordna t-tiswija tal-Ġonna ta' Shalimar.[11]

Il-ġonna ġew nazzjonalizzati fl-1962 mill-Ġeneral Ayub Khan peress li membri ewlenin tal-familja Arain Mian opponew l-impożizzjoni tal-liġi marzjali tiegħu fil-Pakistan.[12]

Il-festival annwali ta' Mela Chiraghan kien isir fil-ġonna sal-1958, meta l-Ġeneral Ayub Khan ipprojbih.

Disinn u konfigurazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-medda nofsanija tal-ġonna, magħrufa bħala Faiz Bakhsh, kien fiha l-ġnien tal-imperatur.

Il-ġonna tal-Mugal kienu bbażati fuq il-ġonna Timuridi li nbnew fl-Asja Ċentrali u fl-Iran bejn is-sekli 14 u 16.[13] Ħajt għoli tal-brikks imżejjen b'mod rikk b'lavur mirqum inbena madwar is-sit sabiex fi ħdanu jinħoloq ġnien tad-divertiment Charbagh bħala mikrokożmu ta' utopija dinjija.

Il-Ġonna ta' Shalimar għandhom konfigurazzjoni f'għamla ta' rettangolu allinjat tul l-assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, fihom 658 metru b'258 metru, u jkopru erja ta' 16-il ettaru. Kull medda tal-art imtarrġa hija 4–5 metri (13–15-il pied) ogħla mill-medda ta' qabel.

L-ogħla medda tal-artijiet imtarrġa tal-ġonna tissejjaħ Bagh-e-Farah Baksh, li litteralment tfisser Post li Jagħtik Pjaċir. It-tieni u t-tielet meded huma magħrufa flimkien bħala Bagh-e-Faiz Baksh, jiġifieri Postijiet tat-Tjubija. L-ewwel u t-tielet meded tal-artijiet imtarrġa t-tnejn li huma għandhom għamla kwadra, filwaqt li t-tieni medda għandha għamla rettangolari dejqa.

Bieb impitter fil-Ġonna ta' Shalimar.

Id-daħla prinċipali tal-Ġonna ta' Shalimar kienet tagħti għall-iżjed medda baxxa mill-artijiet imtarrġa, u din kienet miftuħa għan-nobbli, u qajla għall-pubbliku. Il-medda nofsanija kienet il-Ġnien tal-Imperatur, u kien fiha l-iżjed karatteristiċi elaborati tal-ilma ta' kwalunkwe ġnien tad-dinastija Mugal. L-ogħla medda kienet riżervata għall-ħarem tal-imperatur.

Il-meded kwadri kienu maqsumin f'erba' kwadri ekwivalenti iżgħar permezz ta' funtani twal u biswithom mogħdijiet khayaban tal-brikks għall-mixi li kienu ddisinjati biex ikunu olzati sabiex jipprovdu veduti aħjar tal-ġonna. Il-fluss tal-kaskati kien inixxi fuq mogħdijiet tal-irħam fl-hekk imsejħa chadors jew "purtieri" fil-medda nofsanija. L-ilma kien jinġabar f'vaska kbira, magħrufa bħala haūz, u fuqha nbena paviljun fejn wieħed seta' joqgħod bilqiegħda.

Karatteristiċi tal-ilma

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Ġonna ta' Shalimar fihom l-ikbar ammont ta' karatteristiċi tal-ilma fost kwalunkwe ġnien tad-dinastija Mugal. B'kollox fihom 410 funtani, li jnixxu f'vaski wesgħin tal-irħam, magħrufa bħala haūz. Il-ġonna mdawra b'ħajt kienu jkunu iktar friski mill-inħawi tal-madwar permezz tad-dell tas-siġar folti tal-ġonna u permezz tal-karatteristiċi tal-ilma;[14] pjaċir kbir speċjalment fil-qilla tas-sajf ta' Lahore, b'temperaturi li kultant jaqbżu l-120 °F (49 °C). Id-distribuzzjoni tal-funtani hija kif ġej:

  • L-ogħla medda tal-artijiet imtarrġa fiha 105 funtani;
  • il-medda nofsanija fiha 152 funtana;
  • il-medda l-iktar baxxa fiha 153 funtana;
  • b'kollox il-Ġonna ta' Shalimar fihom 410 funtani.

Il-ġonna fihom ħames kaskati tal-ilma, fosthom il-kaskata l-kbira tal-irħam u s-Sawan Bhadoon.

Il-ġonna jinkludu l-binjiet li ġejjin:

  • il-paviljuni ta' Sawan Bhadun
  • Naqar Khana u l-binjiet relatati
  • Khwabgah jew il-kompartimenti tal-irqad
  • Hammam jew il-banjijiet irjali
  • Aiwan jew is-Sala l-Kbira
  • Aramgah jew il-post tal-mistrieħ
  • Khawabgah ta' Begum Sahib jew il-post tal-ħolm tal-mara tal-imperatur
  • Baradaries jew paviljuni tas-sajf biex wieħed jitpaxxa bil-frisk iġġenerat mill-funtani tal-ġonna
  • Diwan-e-Khas-o-Aam jew is-Sala tal-Udjenzi Speċjali jew Ordinarji mal-Imperatur
  • Żewġ daħliet u minareti fl-irkejjen tal-ġonna

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Ġonna ta' Shalimar u l-Forti ta' Lahore ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[3]

  1. ^ REHMAN, A. (2009). "Changing Concepts of Garden Design in Lahore from Mughal to Contemporary Times". Garden History. 37 (2): 205–217. JSTOR 27821596.
  2. ^ "Gardens of the Mughal Empire - Shalamar Garden". mughalgardens.org. Miġbur 2025-02-08.
  3. ^ a b ċ "Fort and Shalamar Gardens in Lahore - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-07.
  4. ^ Nazir Ahmad Chaudhry (1998). Lahore: Glimpses of a Glorious Heritage. p. 279. ISBN 9789693509441.
  5. ^ a b Latif, Syad Muhammad (1984). History of the Panjáb from the Remotest Antiquity to the Present Time. p. 361.
  6. ^ Khan, Muhammad Ishtiaq (2000). World heritage: sites in Pakistan. p. 88.
  7. ^ Clark, Emma (2004). The Art of the Islamic Garden. Crowood. ISBN 186126609X.
  8. ^ Schimmel, Annemarie (2004). The Empire of the Great Mughals: History, Art and Culture. Reaktion Books. p. 295. ISBN 1861891857.
  9. ^ Turner, Tom (2005). Garden History: Philosophy and Design 2000 BC – 2000 AD. Routledge. ISBN 9781134370825.
  10. ^ Latif, Syad Muhammad (1892). Lahore: Its History, Architectural Remains and Antiquities. Oxford University: New Imperial Press.
  11. ^ Hari Ram Gupta (1991). History of the Sikhs. ISBN 9788121505154.
  12. ^ Upon A Trailing Edge: Risk, the Heart and the Air Pilot. Troubador Publishing Ltd. 2015. p. 268.
  13. ^ "Gardens of the Mughal Empire - Shalamar Garden". mughalgardens.org. Miġbur 2025-02-08.
  14. ^ Hann, Michael (2013). Symbol, Pattern and Symmetry: The Cultural Significance of Structure. A&C Black. ISBN 978-1472539007.