Ġakbu Chetcuti
| Ġakbu Chetcuti | |
|---|---|
| Ħajja | |
| Twelid | 1624 |
| Nazzjonalità | storja ta' Malta taħt l-Ordni ta' San Ġwann |
| Mewt | 12 Settembru 1678 |
| Okkupazzjoni | |
| Okkupazzjoni | saċerdot Kattoliku |
Ġakbu Chetcuti, magħruf aħjar bħala Dun Ġakbu Chetcuti (1624? - 12 ta' Settembru 1678)[1], kien qassis Mosti. Huwa l-iktar magħruf għall-kwadru titulari tal-Assunta li jinstab fir-Bażilika ta' Santa Marija Assunta, Mosta, li kien sar b'legat tiegħu u li ġie inkurunat sollennement fl-10 ta' Awwissu 1975 mill-arċisqof ta' dak iż-żmien Bartolomeo Bezzina.
Il-kwadru tal-Assunta
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kwadru titulari tal-Assunta kien oriġinarjament magħmul fl-1678 mill-pittur Pasquale Buhagiar u kien grazzi għal-legat ta' Dun Ġakbu Chetcuti li seta jinħadem dan il-kwadru. Dan huwa ftit inqas minn 200 sena qabel ma nbniet ir-Rotunda tal-Mosta li nsibu fiċ-ċentru tar-raħal illum il-ġurnata. Minħabba f'hemm, huwa magħruf li l-pittura kienet saret għall-knisja parrokkjali l-qadima tal-Mosta (jiġifieri dik ta' Tumas Dingli li kienet fuq l-istess sit fejn hemm ir-Rotunda llum) biex jieħu post kwadru ieħor eqdem minnu.[1]
Fl-1827, il-kwadru kien ġie rrestawrat mill-pittur Giuseppe Hyzler. Imbagħad, wara li nbniet il-knisja l-ġdida tar-Rotunda (jiġifieri fl-1860), il-kwadru ġie mkabbar u rrestawrat mill-ġdid mill-pittur Salvatore Barbara. Il-kwadru kien reġa ġie rrestawrat lejn il-bidu tas-seklu 20 u għal darb'oħra lejn il-bidu tal-1975, ftit xhur qabel l-Inkurunazzjoni. Dan l-aħħar restawr sar minn Maurice Cordina.[2]
Il-kwadru huwa maqsum f'żewġ partijiet; fil-parti ta' fuq hemm Santa Marija mtellgħa s-Sema mdawra bl-anġli, filwaqt li fil-parti t'isfel naraw lill-Appostli, b'mod partikolari San Pietru u San Pawl, mdawrin mal-qabar vojt.[3]
Il-kwadru kien ġie inkurunat fl-10 ta' Awwissu 1975[1] mill-Arċipriet Dun Bartolomeo Bezzina billi tpoġġew kuruna tad-deheb u set lampieri tal-fidda madwar il-kwadru.[2] Bħala kommemorazzjoni ta' 25 sena mill-inkurunazzjoni, tpoġġew ukoll tnax-il kewkba madwar ir-ras inkurunata tal-Assunta.[1]
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Dun Ġakbu Chetcuti bla dubju jibqa magħruf għall-kwadru titulari. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta' 50 sena mill-Inkurunazzjoni, jiġifieri fis-sena 2025, issemmiet triq residenzjali ġdida fil-Mosta għalih.[4]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 4 Borg, Joseph G. M. (2009). "lt-tifkira tagħhom fostna tibqa'". Festa Santa Marija Mosta (bil-Malti). Mosta: Soċjetà Filarmonika Nicoló Isouard: 39–43.Manutenzjoni CS1: data u sena (link)
- 1 2 Camilleri, Ang (1986). "Storja tal-Mosta bil-Knisja Tagħha: Żieda XVI: L-Inkurunazzjoni ta' l-Assunta 10 ta' Awissu, 1975". The Mosta Archives (bil-Malti). Miġbur 2025-11-25.
- ↑ Tifkira tal-festi tal-Inkurunazzjoni tal-Assunta, Il-Mosta, 10 t'Awissu, 1975 (bil-Malti). Mosta. 1976-08-05. p. 2.
- ↑ "Minuti - Laqgħa tal-Kunsill Lokali Mosta - Disa' Leġislatura - Laqgħa Numru 10" (PDF). Kunsill Lokali Mosta (bil-Malti). 2025-01-21. Miġbur 2025-11-25.