Aqbeż għall-kontentut

Ċentru Storiku ta' Rauma

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Pjazza Hauenguano.

Iċ-Ċentru Storiku ta' Rauma (bil-Finlandiż: Vanha Rauma, bl-Iżvediż: Gamla Raumo) hija ċ-ċentru storiku tal-injam tar-raħal ta' Rauma, il-Finlandja. Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991 minħabba l-arkitettura unika tal-injam tiegħu kif ukoll minħabba l-konfigurazzjoni Medjevali ppreservata sew tar-raħal. Huwa wieħed mill-uniċi rħula Medjevali fil-Finlandja.[1]

L-erja taċ-Ċentru Storiku ta' Rauma hija ta' madwar 0.3 km2, b'bejn wieħed u ieħor 600 binja (jekk wieħed jgħodd id-djar u l-binjiet iżgħar) u madwar 800 ruħ li jgħixu fl-inħawi. L-eqdem binjiet imorru lura għas-seklu 18, peress li żewġ nirien fl-1640 u fl-1682 qerdu l-biċċa l-kbira tar-raħal. Madankollu, il-konfigurazzjoni taċ-ċentru tar-raħal għad għandu l-istruttura Medjevali tiegħu. Il-binjiet tal-injam huma kważi esklużivament għoljin sular wieħed, għalkemm diversi binjiet oħra għandhom kantina wkoll. Il-binjiet residenzjali jinsabu tul it-triq prinċipali, filwaqt li l-binjiet sekondarji (pereżempju l-imħażen tal-qmuħ u l-għorfiet) inbnew tul sqaqien dojoq. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet attwalment huma abitati u s-sjieda tagħhom hija f'idejn individwi privati, għalkemm tul iż-żewġ toroq prinċipali u madwar il-pjazza tar-raħal jintużaw l-iktar għal skopijiet kummerċjali. Fis-seklu 18, ir-raħal ta' Rauma tkabbar lil hinn miċ-Ċentru Storiku ta' Rauma, u ż-żieda fil-kummerċ marittimu wassal għall-immodernizzar tar-raħal.[1]

Għalkemm iċ-Ċentru Storiku ta' Rauma kważi nqered għalkollox min-nirien, għad fadal xi ftit binjiet u fdalijiet mill-Medju Evu. Il-Knisja tas-Salib Imqaddes, knisja ta' monasteru Franġiskan inawgurata fl-1512, fiha diversi pitturi Medjevali u hija waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin fiċ-Ċentru Storiku ta' Rauma. Knisja oħra fiċ-Ċentru Storiku ta' Rauma, il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa, li tmur lura wkoll għas-seklu 15, ħadet in-nar fl-1640. L-unika binja oħra tal-qedem magħmula bil-ġebel hija l-Muniċipju taċ-Ċentru Storiku ta' Rauma li nbena fl-1776.[2]

Postijiet oħra ta' interess speċjali jinkludu d-dar ta' Kirsti, li hija d-dar ta' baħri tas-sekli 18 u 19, u d-dar ta' Marela, li hija d-dar ta' sid tal-bastimenti li tmur lura għas-seklu 18 iżda li għandha faċċata tas-seklu 19. Attwalment iż-żewġt idjar huma mużewijiet.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċentru Storiku ta' Rauma ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

  1. 1 2 3 4 "Old Rauma - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-06-23.
  2. 1 2 "Places to Visit in Old Rauma - Visit Rauma" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2024-04-15. Miġbur 2025-06-23.