Acre
| Acre | ||
|---|---|---|
|
| ||
|
| ||
|
| ||
| Amministrazzjoni | ||
| Mediterranean country | Iżrael | |
| Districts of Israel | Distrett tat-Tramuntana | |
| Subdistrict of Israel | Sottodistrett ta' Acre | |
| Isem uffiċjali | عكّا | |
| Ismijiet oriġinali |
עַכּוֹ عكّا | |
| Kodiċi postali |
24038 – 24812 | |
| Ġeografija | ||
| Koordinati | 32°55′34″N 35°05′02″E / 32.9261°N 35.0839°EKoordinati: 32°55′34″N 35°05′02″E / 32.9261°N 35.0839°E | |
![]() | ||
| Superfiċjenti | 13.533 kilometru kwadru, 63.3 ha, 22.99 ha | |
| Għoli | 10 m | |
| Demografija | ||
| Popolazzjoni | 48,900 abitanti (31 Diċembru 2018) | |
| Informazzjoni oħra | ||
| Fondazzjoni | 1500 "BCE" | |
| Kodiċi tat-telefon |
972 4 | |
| bliet ġemellati | Pisa, Bielsko-Biała, Bregenz, Deerfield Beach, La Rochelle, Recklinghausen, Nagykanizsa, Saint-Mandéu Trakai | |
| akko.muni.il | ||
Acre (pronunzja: /ˈɑːkər, ˈeɪkər/ AH-kər, AY-kər), magħrufa bl-Ebrajk bħala Akko (bl-Ebrajk: עַכּוֹ, ʻAkkō, IPA: [ˈako]) u bl-Għarbi bħala Akka (bl-Għarbi: عكّا, ʻAkkā, IPA: [ˈʕak.ka]), hija belt fir-reġjun tal-pjanura kostali tad-Distrett tat-Tramuntana ta' Iżrael.
Il-belt tokkupa pożizzjoni strateġika u tinsab f'port naturali fit-tarf tal-Bajja ta' Haifa mal-kosta tal-Baħar tal-Lvant tal-Mediterran. Apparti l-kummerċ kostali, kienet punt importanti tul it-triq kostali tar-reġjun u tul it-triq 'il ġewwa tul il-Wied ta' Jezreel. L-ewwel insedjament matul Żmien il-Bronż Bikri ġie abbandunat wara ftit sekli iżda ġie stabbilit raħal kbir matul Żmien il-Bronż Nofsani. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-belt baqgħet abitata b'mod kontinwu, u hija fost l-iżjed insedjamenti qodma li ilhom abitati b'mod kontinwu fid-dinja. Madankollu, ġiet soġġetta għal ħakmiet u għal qerda kemm-il darba, u kien hemm żmien li baqgħet teżisti biss bħala xejn iktar minn villaġġ kbir tul sekli sħaħ.
Acre kienet belt tassew importanti matul il-Kruċjati bħala fortizza marittima mal-kosta tal-Mediterran tan-Nofsinhar tal-Baħar tal-Lvant, u fiha saru diversi battalji, inkluż l-Assedju ta' Acre tal-1189–1191 u l-Assedju ta' Acre tal-1291. Acre kienet l-aħħar fortizza tal-ġellieda tal-Kruċjati fl-Art Imqaddsa qabel il-battalja finali fl-1291. Fl-aħħar ta' Żmien il-Kruċjati, il-belt inqerdet mill-Mamluk, u mbagħad baqgħet teżisti bħala villaġġ mudest tas-sajd sa żmien it-tmexxija ta' Daher al-Umar fis-seklu 18.
Fl-1947, Acre ffurmat parti mill-Mandat tal-Palestina u kellha popolazzjoni ta' 13,665 ruħ, li minnhom 10,930 ruħ kienu Musulmani u 2,490 ruħ kienu Kristjani, filwaqt li 105 persuni kienu Lhud. Bħala konsegwenza tal-Pjan Diviżorju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Palestina u l-gwerra sussegwenti bejn l-Għarab u Iżrael tal-1948, il-popolazzjoni tar-raħal inbidlet b'mod drammatiku peress li l-popolazzjoni Palestinjana-Għarbija tkeċċiet jew ġiet obbligata taħrab; imbagħad ir-raħal ġie insedjat mill-ġdid mill-immigranti Lhud. F'Iżrael modern, il-popolazzjoni kienet tammonta għal 53,422 ruħ fl-2023, magħmula minn Lhud, Musulmani, Kristjani, Drużi u Baháʼí. B'mod partikolari, Acre hija l-iżjed belt sagra tal-Fidi Baháʼí f'Iżrael u tilqa' bosta pellegrini ta' dik il-fidi kull sena. Acre hija waħda mill-bliet imħallta ta' Iżrael; 32 % tal-popolazzjoni tal-belt huma Għarab. Iċ-Ċentru Storiku ta' Acre huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Ismijiet
[immodifika | immodifika s-sors]L-etimoloġija ċerta tal-isem mhix magħrufa, għalkemm jidher li għandu oriġini Semitika tat-tip biz-[zokk] + -ō.
Acre ġiet irreġistrata għall-ewwel darba bil-ġeroglifiċi Eġizzjani bl-isem ta'ʿky fit-testi tas-seħta tal-ħabta tal-1800 Q.K. L-ittri ta' Amarna jsemmu wkoll Akka f'nofs is-seklu 14 Q.K. Fil-Bibbja bl-Ebrajk, l-isem li jissemma huwa עַכּוֹ ʻAkkō. Shmuel Aḥituv interpreta l-forma Kananita bħala *ʿAkā filwaqt li Anson F. Rainey wettaq rikostruzzjoni tal-forma tal-lista tad-dokumenti tas-seħta bħala *ʿ-k-ya > *ʿAkkâ-ya.
Acre kienet magħrufa fost il-Griegi bħala Ákē (bil-Grieg Antik: Ἄκη), li hija omonimu tal-kelma Griega li tfisser "fejqan". Skont leġġenda Griega l-etimoloġija folkloristika hi li Erkole kien sab ħxejjex aromatiċi li jfejqu fis-sit wara waħda mill-bosta ġlidiet tiegħu. Dan l-isem imbagħad ġie Latinizzat bħala Ace.
Taħt id-Dijadoki, ir-Renju Tolomajku biddel isem il-belt għal Ptolemajs u l-Imperu tas-Selewċidi biddlu għal Antjokja. Peress li ż-żewġ ismijiet kienu jintużaw ukoll għal bosta bliet jew irħula oħra, kienu jintużaw ismijiet oħra wkoll. Is-Sirjani kienu jsejħulha "Antjokja f'Ptolemajs" (Ἀντιόχεια τῆς ἐν Πτολεμαΐδι, Antiókheia tês en Ptolemaΐdi).
Taħt Klawdju, il-belt kienet magħrufa għal żmien qasir bħala Germanicia f'Ptolemajs (Γερμανίκεια τῆς ἐν Πτολεμαΐδι, Germaníkeia tês en Ptolemaΐdi). Bħala kolonja Rumana, ġiet stabbilita mill-ġdid u bdiet tissemma bħala Colonia Claudii Caesaris Ptolemais jew Colonia Claudia Felix Ptolemais Garmanica Stabilis f'ġieħ l-isponsor imperjali tagħha Klawdju; għal żmien qasir kienet magħrufa wkoll fil-qosor bħala Colonia Ptolemais.
Matul il-Kruċjati, il-belt kienet magħrufa uffiċjalment bħala Sainct-Jehan-d'Acre jew sempliċement bħala Acre (bil-Franċiż Modern: Saint-Jean-d'Acre [sɛ̃ ʒɑ̃ dakʁ]), f'ġieħ il-Kavallieri Ospedalieri li kellhom il-kwartieri ġenerali hemmhekk u li l-qaddis patrun tagħhom kien San Ġwann Battista. Dan l-isem baqa' pjuttost popolari fid-dinja Kristjana saż-żminijiet moderni, u spiss jiġi tradott bħala Saint John of Acre (bl-Ingliż), San Juan de Acre (bl-Ispanjol), Sant Joan d'Acre (bil-Katalan), San Giovanni d'Acri (bit-Taljan), San Ġwann ta' Acre (bil-Malti), eċċ.

Acre tinsab fit-tarf tat-Tramuntana ta' bajja wiesgħa, bl-Għolja tal-Karmnu fin-Nofsinhar. Hija l-aqwa triq naturali tul in-Nofsinhar tal-kosta Feniċja u toffri aċċess faċli għall-Wied ta' Jezreel. Ġiet insedjata minn kmieni u dejjem kienet importanti għall-flotot tar-renji u tal-imperi li kienu jitqabdu għall-inħawi. Kienet isservi bħala l-port prinċipali għan-Nofsinhar tal-inħawi kollha tal-Lvant u għadha l-port prinċipali tar-reġjun fiż-żminijiet moderni.
Iċ-ċentru storiku tal-belt kien jinsab fil-quċċata ta' Tel ʿAkkō (bl-Ebrajk) jew Tell al-Fuḫḫār (bl-Għarbi), 1.5 kilometru (0.93 mili) fil-Lvant tal-belt attwali u 800 metru (2,600 pied) fit-Tramuntana tax-xmara Na'aman. Madankollu, fil-qedem kienet tifforma peniżola protetta faċilment eżatt maġenb il-bokka preċedenti tax-xmara Na'aman jew Belus.

Żmien il-Bronż Bikri
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed insedjament bikri li ġie skopert imur lura għall-ħabta tat-3000 Q.K. matul Żmien il-Bronż Bikri, iżda milli jidher kien ġie abbandunat wara ftit sekli, x'aktarx minħabba l-għargħar tar-raba' agrikolu tal-madwar mill-Mediterran.
Żmien il-Bronż Nofsani
[immodifika | immodifika s-sors]Acre ġiet insedjata mill-ġdid bħala ċentru urban matul Żmien il-Bronż Nofsani (għall-ħabta tal-2000–1550 Q.K.) u baqgħet abitata b'mod kontinwu minn dak iż-żmien. It-testi tas-seħta Eġizzjani jsemmu mexxej tas-seklu 18 imsejjaħ Tūra-ʿAmmu (Tꜣʿmw). Iktar lejn it-Tramuntana nstab is-sit importanti ta' Żmien il-Bronż Nofsani magħruf bħala Tel Kabri li jiddomina l-pjanura ta' Akko.
Żmien il-Bronż Aħħari
[immodifika | immodifika s-sors]Acre ġiet elenkata bħala "Aak" fost il-ħakmiet tal-faragħun Eġizzjan Thutmose III.
Fil-Perjodu ta' Amarna (għall-ħabta tal-1350 Q.K.), kien hemm l-inkwiet fil-provinċji tal-Lvant tal-Eġittu. L-Arkivju ta' Amarna fih ittri dwar il-mexxej(ja) ta' Akko. F'ittra minnhom, ir-Re Biridiya ta' Megiddo jilmenta ma' Amenhotep III jew Akhenaten dwar ir-re ta' Acre, u jakkużah ta' tradiment talli ħeles lir-re Hapiru maqbud, Labaya ta' Shechem, minflok ikkonsenjah lill-Eġittu. L-iskavi ta' Tel ʿAkkō wrew li dan il-perjodu ta' Acre kien jinvolvi l-produzzjoni industrijali tal-bċejjeċ tal-fuħħar, tal-metall u ta' oġġetti kummerċjali oħra.
Żmien il-Ħadid
[immodifika | immodifika s-sors]Acre baqgħet tintuża bħala belt tal-Feniċi u ġiet imsejħa bħala l-belt tal-Feniċi mill-Assirjani. Madankollu, Josephus ħatafha bħala provinċja tar-Renju ta' Iżrael taħt Salamun.
Għall-ħabta tas-725 Q.K., Acre ngħaqdet ma' Sidon u Tyre f'rewwixta kontra l-imperatur Neo-Assirjan Shalmaneser V. Fil-fdalijiet hemm saff ċar ta' qerda, li x'aktarx imur lura għas-seklu 7 Q.K.
Żmien il-Persjani u l-Antikità Griega Klassika
[immodifika | immodifika s-sors]
Acre ntużat bħala port ewlieni tal-Imperu Persjan, u Strabo kiteb dwar l-importanza tal-port fil-kampanji militari kontra l-Eġizzjani. Skont Strabo u Diodurus Siculus, Cambyses II attakka l-Eġittu wara li ġabar armata enormi fil-pjanuri qrib il-belt ta' Acre. Il-Persjani kabbru l-belt lejn il-Punent u x'aktarx li tejbu l-port u d-difiżi tagħha. F'Diċembru 2018, l-arkeologi li ħaffru s-sit ta' Tell Keisan f'Acre sabu l-fdalijiet ta' postazzjoni militari Persjana li jaf kellha rwol fl-invażjoni tal-Eġittu li rnexxielhom jagħmlu l-Akemenidi fil-525 Q.K. Il-produzzjoni industrijali tal-belt baqgħet sejra sal-aħħar ta' Żmien il-Persjani, b'impjanti tal-ħadid kbar sew.
Il-fortifikazzjonijiet ta' Żmien il-Persjani f'Tell Keisan iktar 'il quddiem ġarrbu ħsarat estensivi matul il-kampanja militari ta' Alessandru Manju fis-seklu 4 Q.K. biex ikeċċi lill-Akemenidi mil-Lvant.
Wara l-mewt ta' Alessandru, il-ġenerali prinċipali tiegħu qasmu l-imperu bejniethom. Għall-ewwel, it-Tolomej Eġizzjani żammew f'idejhom l-art ta' madwar Acre. Tolomew II bidel isem il-belt għal Ptolemajs f'ġieħu u f'ġieħ missieru għall-ħabta tal-260 Q.K.
Antjokju III ħakem il-belt għas-Selewċidi Sirjani fil-200 Q.K. Fl-aħħar tal-170 jew fil-bidu tal-160 Q.K., Antjokju IV stabbilixxa kolonja Griega fil-belt u semmiha Antjokja f'ġieħu.
Għall-ħabta tal-165 Q.K., Ġuda l-Makkabew għeleb is-Selewċidi f'diversi battalji fil-Galilea, u wassal biex imorru lejn Ptolemajs. Għall-ħabta tal-153 Q.K., Alessandru Balas, iben Antjojku IV Epifanu, ikkontesta l-kuruna tas-Selewċidi ma' Demetrius, u ħataf il-belt wara li fetħulu d-daħliet għaliha. Demetrius offra ħafna tixħim lill-Makkabej biex jikseb l-appoġġ tal-Lhud kontra r-rivali tiegħu, inkluż id-dħul ta' Ptolemajs għall-benefiċċju tat-Tempju ta' Ġerusalemm, iżda dan ma wassal għal xejn. Jonathan Apphus ingħaqad ma' Alessandru; Alessandru u Demetrius daħlu f'battalja u dan tal-aħħar inqatel. Fil-150 Q.K. Alessandru laqa' lil Jonathan bl-unuri f'Ptolemajs. Madankollu, xi snin wara, Tryphon, uffiċjali tal-Imperu tas-Selewċidi, li beda jissuspetta fil-Makkabej, ħeġġeġ lil Jonathan iżur Ptolemajs u hemmhekk ħatfu bħala priġunier.
Il-belt inħatfet minn Alessandru Jannaeus (li rrenja għall-ħabta tal-103–76 Q.K.), Tigranes il-Kbir (li rrenja għall-ħabta tal-95–55 Q.K.), u Kleopatra (li rrenjat fil-51–30 Q.K.). Erodi l-Kbir (li rrenja fis-37–4 Q.K.) bena gymnasium fil-belt.
Kolonja Rumana
[immodifika | immodifika s-sors]
Għall-ħabta tas-37 Q.K., ir-Rumani ħakmu l-belt portwali Feniċja Ellenizzata msejħa Akko. Din saret kolonja fin-Nofsinhar tal-Feniċja Rumana, imsejħa Colonia Claudia Felix Ptolemais Garmanica Stabilis. Ptolemajs baqgħet Rumana għal kważi 7 sekli sas-636 W.K., meta nħakmet mill-Għarab Musulmani. Taħt Awgustu nbena gymnasium fil-belt. Fl-4 Q.K., il-prokonslu Ruman Publiju Kwintilju Varus ġabar l-armata tiegħu hemmhekk sabiex jgħakkes ir-rewwixti li faqqgħu fir-reġjun wara l-mewt ta' Erodi l-Kbir.
Ir-Rumani bnew diga u kabbru l-port sal-punt fejn illum il-ġurnata jasal il-port....Fi Żmien ir-Rumani/il-Biżantini, Acre-Ptolemajs kienet belt portwali importanti. Kienet tizzekka l-muniti tagħha stess, u l-port tagħha kien waħda mid-daħliet prinċipali għall-art. Minn dan il-port il-Leġjuni Rumani kienu waslu bl-iġfna biex jgħakksu r-rewwixti tal-Lhud fis-67 W.K. Il-port intuża wkoll bħala kollegament ma' portijiet oħra (pereżempju Ċesarija u Jaffa)....Il-port ta' Acre (Ptolemajs) kien waqfa tul il-miġja bil-baħar ta' San Pawl, kif deskritt fl-Atti tal-Appostli (21, 6-7): "...sellimna lil xulxin, aħna tlajna fuq il-ġifen, u huma reġgħu lura lejn djarhom. Komplejna l-vjaġġ bil-baħar u minn Tir (Tyre) wasalna Ptolemajs; sellimna lill-aħwa u għaddejna ġurnata magħhom".
Matul ir-renju tal-imperatur Klawdju kien hemm imbottatura għall-kostruzzjoni f'Ptolemajs u l-veterani tal-leġjuni marru jgħixu hemmhekk. Il-belt kienet waħda minn erba' kolonji (flimkien ma' Berytus, Aelia Capitolina u Caesarea Maritima) li nħolqu fil-Lvant tal-qedem mill-imperaturi Rumani għall-veterani Rumani. Matul ir-Rewwixta l-Kbira tal-Lhud (66–73 W.K.), Acre ffunzjonat bħala punt ta' tluq għall-kampanji militari ta' Ċestju u ta' Vespażjanu biex jgħakksu r-rewwixti fil-Ġudea.
Il-belt kienet ċentru tar-Rumanizzazzjoni fir-reġjun, iżda l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni kienet magħmula minn Feniċji u Lhud lokali: b'hekk wara żmien Adrijanu, id-dixxendenti tal-kolonjalisti Rumani inizjali ma baqgħux jitkellmu bil-Latin u ġew assimilati għalkollox f'inqas minn żewġ sekli (madankollu d-drawwiet tas-soċjetà lokali kienu Rumani). Kolonja (colonia) Rumana importanti ġiet stabbilita fil-belt u din żiedet il-kontroll tar-reġjun mir-Rumani matul is-seklu ta' wara meta l-kolonjalisti Rumani ġew ittrasferiti hemmhekk mill-Italja. Ir-Rumani kabbru l-port u l-belt kibret biex tilqa' iktar minn 20,000 abitant fis-seklu 2 W.K. taħt l-imperatur Adrijanu. Ptolemajs iffjorixxiet bil-kbir għal xi żewġ sekli oħra.
Żmien il-Biżantini
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-qsim permanenti tal-Imperu Ruman fit-395 W.K., Ptolemajs ġiet amministrata mill-istat suċċessur, l-Imperu Biżantin. Il-belt bdiet titlef l-importanza u fis-seklu 7 W.K. spiċċat sempliċi insedjament żgħir ta' inqas minn elf abitant.
Żmien Iżlamiku Bikri
[immodifika | immodifika s-sors]Wara t-telfa li ġarrbet l-armata Biżantina ta' Erakliju mill-armata Raxidun ta' Khalid ibn al-Walid fil-Battalja ta' Yarmouk, u l-waqgħa tal-belt Kristjana ta' Ġerusalemm f'idejn il-Kaliff Umar, Acre sfat taħt it-tmexxija tal-Kaliffat Rashidun mis-638. Skont il-kronista Musulman bikri al-Baladhuri, il-ħakma reali ta' Acre tmexxiet minn Shurahbil ibn Hasana, u x'aktarx li l-belt arrendiet mingħajr reżistenza. Il-ħakma Għarbija ġabet magħha tiġdid tal-belt ta' Acre, u ntużat bħala l-port prinċipali tal-Palestina matul il-Kaliffati tal-Umajjad u tal-Abbasidi li ġew wara, u matul it-tmexxija tal-ġellieda tal-Kruċjati fis-seklu 13.
L-ewwel kaliff tal-Umajjad caliph, Muawiyah I (li rrenja fis-661–680), qies il-bliet kostali tal-Lvant bħala importanti mill-puntdivista strateġiku. B'hekk, saħħaħ il-fortifikazzjonijiet ta' Acre u ġew jgħixu fil-belt il-Persjani minn partijiet oħra tas-Sirja Musulmana. Minn Acre, li saret waħda mit-tarzniet l-iktar importanti fir-reġjun flimkien ma' Tyre, Mu'awiyah wettaq attakk kontra Ċipru li kien f'idejn il-Biżantini. Il-Biżantini assedjaw il-bliet kostali fis-669, u b'hekk Mu'awiyah bagħat il-bennejja tal-bastimenti u l-mastrudaxxi lejn Acre. Il-belt baqgħet tintuża bħala bażi navali prinċipali tal-Jund al-Urdunn ("Distrett Militari tal-Ġordan") sar-renju tal-Kaliff Hisham ibn Abd al-Malik (723–743), li ttrasferixxa l-biċċa l-kbira tat-tarzniet lejn it-Tramuntana f'Tyre. Minkejja dan, Acre baqgħet importanti militarment sal-bidu ta' Żmien l-Abbasidi, u l-Kaliff al-Mutawakkil ħareġ ordni biex Acre ssir bażi navali ewlenija fit-861, u għammar il-belt bil-bastimenti militari u bit-truppi militari.
Matul is-seklu 10, Acre kienet għadha tagħmel parti mill-Jund al-Urdunn. Il-ġeografu Għarbi lokali al-Muqaddasi żar Acre matul il-bidu tal-Kaliffat Fatimid fid-985, u ddeskriviha bħala belt kostali ffortifikata b'moskea kbira u b'għalqa sostanzjali tas-siġar taż-żebbuġ. Il-fortifikazzjonijiet kienu nbnew qabel mill-emir awtonomu Ibn Tulun tal-Eġittu, li annetta l-belt għall-ħabta tat-870, u pprovda sikurezza relattiva għall-bastimenti merkantili li kienu jaslu fil-port tal-belt. Meta l-vjaġġatur Persjan Nasir Khusraw żar Acre fl-1047, huwa nnota li l-Moskea l-Kbira tal-Ġimgħa kienet inbniet bl-irħam, u kienet tinsab fiċ-ċentru tal-belt, u ftit iktar fin-Nofsinhar minnha kien hemm il-"qabar tal-Profeta Salih". Khusraw ipprovda deskrizzjoni tad-daqs tal-belt, li bejn wieħed u ieħor kienet twila 1.24 kilometru (0.77 mil) u wiesgħa 300 metru (984 pied). Dan id-daqs juri li Acre f'dak iż-żmien kienet ikbar miċ-ċentru storiku attwali tagħha, u li l-biċċa l-kbira tal-kostruzzjoni saret bejn is-sekli 18 u 19.
Żmien il-Kruċjati u l-Ajjubidi
[immodifika | immodifika s-sors]
Wara 4 snin, l-assedju ta' Acre tlesta għalkollox fl-1104, u l-belt kellha ċċedi quddiem il-qawwiet tar-Re Baldwin I ta' Ġerusalemm wara l-Ewwel Kruċjata. Il-ġellieda tal-Kruċjati għamlu l-belt bħala l-port ewlieni tagħhom fir-Renju ta' Ġerusalemm. Fl-Ewwel Kruċjata, Fulcher jirrakkonta dwar il-vjaġġi tiegħu mal-armati tal-Kruċjati tar-Re Baldwin, inkluż is-soġġorn inizjali f'Acre qabel ma l-armata avvanzat lejn Ġerusalemm. Dan juri li saħansitra fil-bidu, Acre kienet ħolqa importanti bejn il-ġellieda tal-Kruċjati u l-avvanz tagħhom fil-Lvant. Il-funzjoni tagħha kienet li tipprovdi lill-ġellieda tal-Kruċjati b'fortizza fir-reġjun kif ukoll li tipprovdi aċċess għall-kummerċ vibranti li permezz tiegħu stagħnaw; tathom ukoll aċċess speċjali għall-kummerċ Asjatiku tal-ħwawar. Sas-snin 30 tas-seklu 12, Acre kellha popolazzjoni ta' madwar 25,000 ruħ u fir-renju tal-ġellieda tal-Kruċjati daqsha kien hemm biss il-belt ta' Ġerusalemm. Għall-ħabta tal-1170 saret il-port prinċipali tal-Lvant tal-Mediterran, u r-Renju ta' Ġerusalemm kien meqjus fil-Punent bħala għani sew bis-saħħa l-ewwel u qabel kollox ta' Acre. Skont kontemporanju Ingliż, kienet tipprovdi iktar dħul għall-ġellieda tal-Kruċjati mid-dħul totali tar-Re tal-Ingilterra.

Fl-aħħar tas-seklu 12, l-esploratur Lhudi Benjamin ta' Tudela rreġistra li kien hemm madwar 200 familja Lhudija f'Acre. Il-prominenza kummerċjali tagħha fi żmien il-Kruċjati milli jidher attirat lill-immigranti Lhud, inkluż l-istudjużi mill-Ewropa. Sal-aħħar tas-seklu 13, xi sorsi jissuġġerixxu li l-komunità Lhudija f'Acre jaf akkumulat tant ġid li setgħet tipposjedi l-iskjavi. Il-migranti Lhud minn Acre li marru jgħixu fl-Eġittu fi Żmien il-Fatimidi baqgħu jidentifikaw ruħhom għal ġenerazzjonijiet sħaħ bħala l-"poplu ta' Akko".
Il-ġeografu mill-Andalusija Ibn Jubayr kiteb li fl-1185 kien għad hemm komunità Musulmana fil-belt li kienet tqim lill-Alla f'moskea żgħira. Acre, flimkien ma' Bejrut u Sidon, ċediet mingħajr ġlied kontra s-sultan tal-Ajjubidi Saladin fl-1187, wara r-rebħa deċiżiva tiegħu f'Hattin u l-ħakma Musulmana sussegwenti ta' Ġerusalemm.
Acre baqgħet f'idejn il-Musulmani sal-assedju mhux mistenni mir-Re Guy ta' Lusignan — imsaħħaħ permezz tal-qawwiet navali u tal-art minn Pisa — f'Awwissu 1189. L-assedju kien uniku fl-istorja tal-Kruċjati peress li l-assedjaturi Franki stess ġew assedjati mit-truppi ta' Saladin. Il-belt baqgħet ma nħakmitx qabel Lulju 1191 meta l-qawwiet tat-Tielet Kruċjata, immexxijin mir-Re Rikkardu I tal-Ingilterra u mir-Re Filippu II ta' Franza, li għenu lir-Re Guy. Acre mbagħad saret il-belt kapitali de facto tal-kumplament tar-Renju ta' Ġerusalemm fl-1192. Matul l-assedju, il-merkanti Ġermaniżi minn Lübeck u minn Bremen stabbilew sptar fil-post, li sar in-nukleu tal-Ordni tal-Kavallieri Tewtoniċi. Mas-Sitt Kruċjata, il-belt tpoġġiet taħt l-amministrazzjoni tal-ordni militari tal-Kavallieri Ospedalieri. Acre baqgħet tistagħna bħala ċentru kummerċjali ewlieni tal-Lvant tal-Mediterran, iżda għaddiet ukoll minn żminijiet turbolenti minħabba l-ġlied qalil intern fost il-fazzjonijiet tal-ġellieda tal-Kruċjati li okkażjonalment irriżultaw f'gwerer ċivili.

Fl-1232, bħala riżultat tal-Gwerra inter-Kristjana tal-Lombardi bejn il-barunijiet lokali u l-Imperatur Federiku II, Acre organizzat ruħha bħala komun taħt it-tmexxija ta' Ġwanni ta' Ibelin. Iċ-ċentru storiku tal-belt, fejn kienu jinsabu l-port u l-belt iffortifikata, huwa sporġut mill-kosta, u b'hekk iż-żewġ naħat tal-biċċa art dejqa huma esposti għall-baħar. B'hekk l-effiċjenza tal-belt bħala port setgħet tiġi massimizzata, u d-daħla dejqa għal din il-biċċa art serviet bħala difiża naturali u faċli għall-belt. Kemm ir-rekords arkeoloġiċi u t-testi tal-ġellieda tal-Kruċjati jenfasizzaw l-importanza strateġika ta' Acre — belt li kien kruċjali li tkun aċċessibbli, ikkontrollata u protetta, kif joħroġ fid-dieher mis-swar enormi tagħha.
Acre kienet il-fortizza ewlenija finali tal-istati tal-Kruċjati meta l-biċċa l-kbira tal-kosta tal-Lvant inħakmet mill-qawwiet Mamluk. Acre stess spiċċat f'idejn is-Sultan Al-Ashraf Khalil fl-1291.
Żmien il-Mamluk (1291–1517)
[immodifika | immodifika s-sors]
Acre, wara li ġiet iżolata u abbandunata għalkollox mill-Ewropa, inħakmet mis-sultan Mamluk al-Ashraf Khalil f'assedju mdemmi fl-1291. Skont il-politika Mamluk rigward il-bliet kostali (jiġifieri li jiġi evitat l-użu futur mill-qawwiet tal-Kruċjati), Acre nqerdet għalkollox, bl-eċċezzjoni ta' ftit binjiet reliġjużi meqjusa sagri mill-Musulmani, jiġifieri l-qabar ta' Nabi Salih u l-fawwara ta' Ayn Bakar. Il-qerda tal-belt wasslet għal qwiel Għarab popolari fir-reġjun li jħaddnu l-glorja li kellha fl-imgħoddi.
Fl-1321, il-ġeografu Sirjan Abu'l-Fida kiteb li Acre kienet "belt sabiħa" iżda xorta waħda kienet għadha fi stat ta' fdalijiet wara li nħakmet mill-Mamluk. Minkejja dan, il-port "spazjuż" baqa' jintuża u l-belt kienet mimlija artiġjani. Matul Żmien il-Mamluk (1260–1517), minflok Acre l-belt prinċipali tal-provinċja tagħha saret Safed.
Żmien l-Ottomani
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-belt ġiet inkorporata fl-Imperu Ottoman fl-1517 u dehret fiċ-ċensiment tal-1596, ippożizzjonata fin-Nahiya ta' Acca tal-Liwa ta' Safad. Il-popolazzjoni kienet magħmula minn 81 familja u 15-il għażeb, kollha Musulmani. Dawn kienu jħallsu rata fissa ta' taxxi ta' 25 % fuq il-prodotti agrikoli, inkluż il-qamħ, ix-xgħir, il-qoton, il-mogħoż, id-doqqajs, il-bufli tal-ilma, minbarra d-dħul okkażjonali u l-miżata tas-suq, għal total ta' 20,500 Akçe. Nofs id-dħul kien imur għand Waqf. L-akkademiku Ingliż Henry Maundrell fl-1697 semma li kienet fi stat ta' fdalijiet, għajr għal khan (karavanseraj) li nbena u ġie okkupat mill-merkanti Franċiżi għall-użu tagħhom, moskea u ftit djar tal-foqra. Il-khan kien imsejjaħ Khan al-Ilfranj f'ġieħ il-fundaturi Franċiżi tiegħu.

Matul it-tmexxija Ottomana, Acre baqgħet taqdi rwol importanti fir-reġjun permezz ta' entitajiet awtonomi iżgħar immexxijin minn xejikki. Lejn l-aħħar tas-seklu 18, Acre ġiet rinnovata taħt it-tmexxija ta' Daher al-Umar, il-mexxej Għarbi tal-Galilea, li għamel il-belt bħala l-belt kapitali tal-entità awtonoma tiegħu ġestita minn xejikk. Daher reġa' bena l-fortifikazzjonijiet ta' Acre, billi uża materjali mill-fdalijiet Medjevali tal-belt. Huwa miet 'il barra mis-swar tal-belt matul attakk kontrih mill-istat Ottoman fl-1775.
Is-suċċessur ta' Umar, Jazzar Pasha, kompla jiffortifika s-swar tal-belt iktar meta ttrasferixxa l-belt kapitali tal-Provinċja ta' Saida ("Provinċja ta' Sidon") lejn Acre fejn kien jirresjedi. It-titjib ta' Jazzar tħejja permezz ta' imposti kbar li kien kiseb u b'hekk seta' jgawdi l-benefiċċji kollha tagħhom. Għall-ħabta tal-1780, Jazzar qabad u keċċa l-kolonja kummerċjali Franċiża, minkejja l-protesti mingħand il-gvern Franċiż, u rrifjuta li jilqa' lil konslu. Kemm Daher kif ukoll Jazzar wettqu proġetti arkitettoniċi ambizzjużi fil-belt, u bnew diversi karavanseraj, moskej, banjijiet pubbliċi u strutturi oħra. Uħud mill-opri notevoli kienu jinkludu l-Moskea ta' Al-Jazzar, li nbniet mill-ġebel tal-fdalijiet tal-qedem ta' Ċesarija u Atlit, u l-Khan al-Umdan; it-tnejn li huma nbnew skont l-ordnijiet ta' Jazzar. Taħt Jazzar, Acre stagħnat u saret it-tielet l-ikbar belt fis-Sirja Ottomana. Huwa stmat li l-popolazzjoni tagħha, li dak iż-żmien kienet fil-biċċa l-kbira magħmula minn migranti li ġew attirati mill-iżvilupp kbir tagħha, kienet tlaħħaq l-għoxrin elf ruħ.
Fl-1799, Napuljun li kien qed jipprova jwettaq l-iskema tiegħu biex iqajjem ribelljoni Sirjana kontra d-dominju Tork, tfaċċa f'Acre, iżda wara assedju li dam xahrejn (Marzu–Mejju) u li sab reżistenza mit-Torok, bl-għajnuna ta' Sir Sidney Smith u qawwa ta' baħrin Brittaniċi. Wara li tilef il-kanuni tal-assedju tiegħu kontra Smith, Napuljun pprova jassedja l-belt iffortifikata difiża mit-truppi Ottomani fl-20 ta' Marzu 1799, bl-użu tal-fanterija u kanuni żgħar biss; din l-istrateġija falliet, u wasslet biex ikollu jirtira xahrejn wara fil-21 ta' Mejju 1799.

Wara mewtu, Jazzar ħadlu postu l-mamluk tiegħu, Sulayman Pasha al-Adil, u taħt it-tmexxija inqas qalila tiegħu l-belt stagħnat iktar sa mewtu fl-1819. Wara mewtu, Haim Farhi, li kien il-konsulent tiegħu, ħallas somma kbira ta' flus bħala tixħim biex jiżgura li Abdullah Pasha (iben Ali Pasha, il-viċi ta' Sulayman Pasha), li kien ilu jafu minn żogħżitu, jinħatar bħala l-mexxej — iżda dan ma waqqafx lill-mexxej il-ġdid milli joqtol lil Farhi. Abdullah Pasha mexxa f'Acre sal-1831, meta Ibrahim Pasha assedja l-belt u qered il-binjiet tagħha. Matul il-Kriżi Orjentali tal-1840, il-belt ġiet ibbumbardjata fl-4 ta' Novembru 1840 mill-gruppi alleati Brittaniċi, Awstrijaċi u Franċiżi, u fis-sena ta' wara, reġgħet sfat taħt it-tmexxija Torka. Il-belt reġgħet kiseb ftit mill-prosperità tagħha tal-imgħoddi wara li ġiet ikkollegata mal-Linja Ferrovjarja ta' Hejaz permezz ta' fergħa minn Haifa fl-1913. Skont l-istatistika tal-popolazzjoni Ottomana tal-1914, Akka kellha popolazzjoni totali ta' 40,852 ruħ, li kienu jikkonsistu minn 31,800 Musulman, 4,316-il Grieg Kattoliku, 3,959 Grieg Ortodoss, 332 Protestant, 268 Latin, 106 Lhudi, 67 Maronit u 4 Armeni.
Acre kienet ukoll il-belt kapitali tas-Sanjak ta' Akka fil-Vilayet ta' Bejrut sal-ħakma Brittanika tal-belt fit-23 ta' Settembru 1918 matul l-Ewwel Gwerra Dinjija.
Mandat tal-Palestina
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-bidu tal-perjodu tal-Mandat, fiċ-ċensiment tal-Palestina tal-1922, Acre kellha 6,420 resident: 4,883 Musulman; 1,344 Kristjan; 102 Baháʼí; 78 Lhudi u 13-il Drużi. Fiċ-ċensiment tal-1931 Acre kellha 7,897 ruħ: 6,076 Musulman, 1,523 Kristjan, 237 Lhudi, 51 Baháʼí u 10 Drużi. Fiċ-ċensiment tal-1945 Acre kellha popolazzjoni ta' 12,360 ruħ; 9,890 Musulman, 2,330 Kristjan, 50 Lhudi u 90 ikklassifikati bħala "oħrajn".
Il-forti ta' Acre ġie kkonvertit f'ħabs, fejn membri sovversivi Lhud kienu jinżammu fit-taqbida tagħhom kontra l-awtoritajiet tal-Mandat, fosthom Ze'ev Jabotinsky, Shlomo Ben-Yosef u Dov Gruner. Gruner u Ben-Yosef ġew iġġustizzjati hemmhekk. Ħabsin Lhud oħra nħelsu mill-membri tal-Irgun, li daħlu fil-ħabs fl-4 ta' Mejju 1947 u rnexxielhom jeħilsu lill-attivisti sovversivi Lhud. Iktar minn 200 ħabsi Għarbi rnexxielhom jaħarbu wkoll.
Gwerra tal-Palestina tal-1948
[immodifika | immodifika s-sors]
Fil-Pjan Diviżorju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Palestina tal-1947, Acre ġiet iddeżinjata parti minn stat Għarbi futur. Fit-18 ta' Marzu, erba' tekniċi mill-Kumpanija tal-Elettriku tal-Palestina u ħames suldati Brittaniċi bħala skorta tagħhom inqatlu huma u jivvjaġġaw biex isewwu kejbil f'kamp militari tal-Forzi tal-Ajru Rjali, meta attakk mill-Għarab wassal għall-isplużjoni ta' mina tul ir-rotta tagħhom ftit 'il barra miċ-ċimiterju Musulman fil-Lvant ta' Acre. Il-Haganah wieġbu bl-isplużjoni ta' pont 'il barra mill-belt u b'attakk fuq tren. Qabel ma faqqgħet il-Gwerra bejn l-Għarab u Iżrael tal-1948, il-kmandant tal-21 Battaljun tal-Brigata tal-Karmnu kien ikkawża ħsarat ripetuti fl-akkwedott ta' Al-Kabri li kien iforni lil Acre bl-ilma, u meta l-Għarab irnexxielhom isewwu l-ħsarat biex jerġa' jkun hemm provvista tal-ilma, tefa' kontenituri bil-batterji tat-tifu u tad-diżenterija fl-akkwedott, bħala parti minn programm ta' gwerra bijoloġika msejjaħ Operazzjoni Xħit tal-Ħobż. Għall-ħabta tal-aħħar ta' April jew il-bidu ta' Mejju 1948, il-qawwiet Lhud qatgħu l-provvista tal-elettriku tal-belt li kienet meħtieġa għall-ippompjar tal-ilma, u faqqgħet epidemija tat-tifu. Iktar 'il quddiem uffiċjali ta' Iżrael semmew li din il-faċilità kienet strumentali biex jaħkmu l-belt u bis-saħħa wkoll tad-demoralizzazzjoni li ġabet magħha l-epidemija.
Il-qawwiet tal-Karmnu ta' Iżrael attakkaw fis-16 ta' Mejju, u wara nħareġ ultimatum li jekk l-abitanti ma jarrendux, "se neqirdukom sal-aħħar bniedem u bil-qawwa". In-nies notevoli tal-belt iffirmaw mezz biex jarrendu fil-lejla bejn is-17 u t-18 ta' Mejju 1948. Instabu 60 ġisem u madwar tliet kwarti tal-popolazzjoni Għarbija tal-belt (13,510 ruħ minn 17,395 ruħ) ġew spostati.
Iżrael
[immodifika | immodifika s-sors]
Matul is-snin 50 tas-seklu 20, bosta kwartieri Lhud ġew stabbiliti fit-Tramuntana u fil-Lvant tal-belt, u saret belt ta' żvilupp, bil-ħsieb li tassorbi bosta immigranti Lhud, fil-biċċa l-kbira Lhud mill-Marokk. L-ewwel sindku Lhudi ta' Akko kien Baruch Noy. Huwa ddedika ruħu biex jorganizza s-servizzi muniċipali u ħadem biex itejjeb il-qagħda tal-immigranti l-ġodda u tar-residenti Għarab. Sabiex jippromwovi l-koeżistenza fil-belt, Noy ħeġġeġ lill-Għarab biex jikkontestaw l-elezzjonijiet għall-kunsill muniċipali u stabbilixxa l-prattika tal-elezzjoni ta' viċi sindku mill-abitanti Għarab. Matul il-mandat tiegħu ġew stabbiliti l-ewwel kwartieri ġodda, u witta t-triq għall-iżvilupp ta' Kfar Ata.
Iċ-ċentru storiku ta' Akko baqa' fil-biċċa l-kbira Għarbi Musulman (inkluż b'diversi familji Bedwini), b'kwartier Għarbi Kristjan fil-qrib ħafna. Il-belt attirat ukoll persuni tat-twemmen tal-Fidi tal-Baháʼí, u wħud minnhom saru residenti permanenti fil-belt, fejn tinsab il-Villa ta' Bahjí tal-Baháʼí. Acre ntużat ukoll bħala bażi għal avvenimenti importanti fl-istorja tal-Baháʼí, fosthom kien il-post tat-twelid ta' Shoghi Effendi, u l-post fejn seħħet ix-xiżma ta' għomorha qasir bejn il-Baháʼí li ngħatat bidu bl-attakki ta' Mírzá Muhammad ʻAlí kontra ʻAbdu'l-Bahá. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Baháʼí fakkru diversi avvenimenti li seħħew fil-belt, inkluż it-tfigħ il-ħabs ta' Baháʼu'lláh.
Fis-snin 90 tas-seklu 20, il-belt assorbiet eluf ta' Lhud li ġew mill-eks Unjoni Sovjetika. Madankollu, fi żmien diversi snin, il-bilanċ fil-popolazzjoni bejn il-Lhud u l-Għarab marret lura, peress li l-kwartieri tat-Tramuntana ġew abbandunati minn bosta residenti Lhud favur proġetti ġodda ta' akkomodazzjoni f'Nahariya fil-qrib, filwaqt li bosta Għarab Musulmani bdew jgħixu hemmhekk (il-biċċa l-kbira ġew minn villaġġi Għarab fil-qrib). Minkejja dan, il-belt għad għandha maġġoranza ċara ta' Lhud; fl-2011, il-popolazzjoni ta' 46,000 ruħ kienet tinkludi 30,000 Lhudi u 14,000 Għarbi.
Fit-8 ta' Ottubru 2008 faqqgħu tensjonijiet etniċi fil-belt wara li ċittadin Għarbi saq f'kwartier b'maġġoranza ta' Lhud waqt il-Yom Kippur, u dan wassal għal ħamest ijiem ta' vjolenza bejn l-Għarab u l-Lhud.
Fl-2009, il-popolazzjoni ta' Acre laħqet is-46,300 ruħ. Fl-2018 Shimon Lankri ġie elett mill-ġdid bħala sindku b'85 % tal-voti.
Arkeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]
L-iskavi f'Tell Akko bdew fl-1973. Fl-2012, l-arkeologi li kienu qed iwettqu skavi fil-bażi tal-ħajt marittimu tan-Nofsinhar tal-belt sabu moll u evidenza oħra ta' port antik ta' 2,300 sena ilu. Ġebliet użati bħala rmiġġi, li jiżnu xi 250–300 kilogramma kull waħda, instabu fit-tarf ta' pjattaforma tal-ġebel twila 5 metri mnaqqxa bi stil Feniċju, u huwa maħsub li kienet installazzjoni li għenet biex il-bastimenti militari setgħu jittellgħu mill-ilma għal fuq l-art.
Fdalijiet ta' Żmien il-Kruċjati
[immodifika | immodifika s-sors]Taħt iċ-ċittadella u l-ħabs ta' Acre, l-iskavi arkeoloġiċi ħarġu fid-dieher kumpless ta' swali li nbnew u ntużaw mill-Kavallieri Ospedalieri. Il-livell attwali tal-belt huwa ta' 8 metri 'l fuq minn dak ta' Żmien il-Kruċjati, b'hekk il-fortizza tinsab fil-fond taħt l-art. Dan il-kumpless kien parti miċ-ċittadella tal-Kavallieri Ospedalieri, li kienet magħquda fi ħdan is-swar tat-Tramuntana ta' Acre. Il-kumpless jinkludi sitt swali nofshom magħqudin ma' xulxin, u sala kbira skavata reċentement, kantina, refettorju (sala tal-ikel) u fdalijiet ta' knisja Gotika tal-qedem. Il-fortizza tinkludi wkoll erba' sezzjonijiet madwar spazju fil-beraħ b'erja ta' 1,200 m². Fil-parti tat-Tramuntana hemm bir fond 4 metri. Żewġ vaski mkaħħlin, x'aktarx għall-ilma tax-xorb (fit-Tramuntana) u għall-ħasil (fin-Nofsinhar) huma preżenti wkoll. L-ispazju fil-beraħ huwa mdawwar bil-ħnejjiet li jirfdu t-taraġ li jagħti għas-sular ta' fuq. Is-sezzjoni tat-Tramuntana, b'mod parallel mas-swar tat-Tramuntana tal-belt, qdiet rwol difensiv prinċipali u tinkludi disa' swali twal imqassma fuq żewġ sulari, li kienu jintużaw bħala mħażen, u ġibjun tal-ilma tax-xita mill-bejt tal-fortizza. Dawn is-swali fihom volti b'għamla ta' btieti għoljin 10 metri, b'ħitan esterni tal-ġebel ħoxnin 3.5 metri. Is-Sala tar-Raffinerija taz-Zokkor kienet binja ta' tliet sulari, b'ġibjun kbir tal-ilma tax-xita fis-sular t'isfel li kien fih żewġ vaski kkollegati ma' xulxin u għoljin 7.5 metri. Is-sala prinċipali ta' fuq, għolja 7 metri, kien fiha mijiet ta' reċipjenti tat-tafal li kienu jintużaw għall-produzzjoni taz-zokkor. Għad hemm ukoll fdalijiet ta' torri, daħla u kanal tad-dranaġġ fin-naħa tat-Tramuntana. Is-sezzjoni tal-Punent, skavata parzjalment, jidher li għandha żewġ sulari bi 30 kamra residenzjali f'kull sular. Karatteristika partikolari hija s-Sala tal-Kolonni, li hija sala tal-ikel twila 10 metri b'volta mrikkba mirfuda minn kolonni tal-ġebel b'dijametru ta' 3 metri. Is-sezzjoni tal-Lvant tinkludi żoni mhux skavati tal-kċejjen, filwaqt li s-Sala tal-Pilastri, li hija spazju ta' 35 metru b'40 metru u b'erja ta' 1,400 m², fiha saqaf bil-volta b'għamla ta' salib mirfud fuq pilastri kwadri, u din kienet tintuża għal-laqgħat u għaċ-ċerimonji tal-kavallieri. Is-sezzjoni tan-Nofsinhar tifforma triq tal-belt b'daħla tal-ġebel li fiha simboli rari tal-istemmi tal-ġellieda tal-Kruċjati. Fil-qrib hemm ukoll sala bil-volti u bi tliet kolonni ttondjati. Mogħdija mmarkata għat-turisti twassal sad-dar kapitolari tal-Kavallieri Ospedalier, kuritur dejjaq sar-refettorju jew sal-kripta, u taraġ wieqaf sa passaġġ dejjaq u twil bi skop mhux magħruf, li huwa kkollegat mal-isptar tal-ġellieda tal-Kruċjati. Xi żoni ta' taħt l-art jingħalqu perjodikament minħabba x-xogħol arkeoloġiku li għadu qed isir.

Fost il-fdalijiet Medjevali Ewropej hemm il-Knisja ta' San Ġorġ u d-djar ta' biswit fil-Pjazza tal-Ġenoviżi (Kikar ha-Genovezim jew Kikar Genoa bl-Ebrajk). Hemm ukoll kwartieri residenzjali u swieq immexxijin mill-merkanti minn Pisa u minn Amalfi fi Żmien il-Kruċjati u l-Medjuevu f'Acre.
F'Marzu 2017, xi arkeologi tal-baħar mill-Università ta' Haifa ħabbru l-iskoperta ta' relitt ta' bastiment tal-ġellieda tal-Kruċjati b'teżor li jmur lura għall-1062–1250 W.K. It-timijiet li wettqu l-iskavi sabu wkoll skutelli u buqari taċ-ċeramika minn postijiet bħas-Sirja, Ċipru u n-Nofsinhar tal-Italja. Ir-riċerkaturi kienu tal-fehma li l-muniti tad-deheb setgħu ntużaw bħala tixħim lis-sidien tal-bastiment bit-tama li jħallsu biex jitħarrbu. Robert Kool tal-IAA identifika dawn it-30 munita bħala fjorini.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Acre għandha klima Mediterranja (Köppen: Csa).
| Data klimatika Acre (1991–2020) | |||||||||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
| Temp. għolja rekord °C (°F) | 25.9 (78.6) |
29.2 (84.6) |
36.8 (98.2) |
40.3 (104.5) |
42.0 (107.6) |
44.0 (111.2) |
39.9 (103.8) |
34.6 (94.3) |
40.5 (104.9) |
39.9 (103.8) |
34.5 (94.1) |
29.6 (85.3) |
44.0 (111.2) |
| Medja massima kuljum °C (°F) | 17.0 (62.6) |
17.9 (64.2) |
20.2 (68.4) |
23.4 (74.1) |
26.0 (78.8) |
27.9 (82.2) |
29.9 (85.8) |
30.8 (87.4) |
30.0 (86.0) |
28.2 (82.8) |
23.9 (75.0) |
19.0 (66.2) |
24.5 (76.1) |
| Medja kuljum °C (°F) | 12.2 (54.0) |
12.5 (54.5) |
14.2 (57.6) |
17.0 (62.6) |
19.9 (67.8) |
22.7 (72.9) |
25.4 (77.7) |
26.0 (78.8) |
24.5 (76.1) |
21.6 (70.9) |
17.5 (63.5) |
13.8 (56.8) |
18.9 (66.0) |
| Medja minima kuljum °C (°F) | 7.3 (45.1) |
7.1 (44.8) |
8.2 (46.8) |
10.6 (51.1) |
13.7 (56.7) |
17.4 (63.3) |
20.8 (69.4) |
21.2 (70.2) |
18.9 (66.0) |
15.0 (59.0) |
11.1 (52.0) |
8.6 (47.5) |
13.3 (55.9) |
| Temp. baxxa rekord °C (°F) | −2.1 (28.2) |
−4.0 (24.8) |
−0.8 (30.6) |
−0.3 (31.5) |
5.0 (41.0) |
8.6 (47.5) |
12.8 (55.0) |
13.7 (56.7) |
9.5 (49.1) |
5.5 (41.9) |
−2.0 (28.4) |
−2.6 (27.3) |
−4.0 (24.8) |
| Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) | 162.9 (6.41) |
102.0 (4.02) |
53.7 (2.11) |
24.4 (0.96) |
7.4 (0.29) |
0.4 (0.02) |
0.1 (0.00) |
0.0 (0.0) |
2.5 (0.10) |
27.2 (1.07) |
76.5 (3.01) |
133.9 (5.27) |
591.0 (23.27) |
| Medja għall-jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) | 11.2 | 9.3 | 6.1 | 2.9 | 1.2 | 0.1 | 0.1 | 0.0 | 0.5 | 2.7 | 5.5 | 10.0 | 49.6 |
| Sors: NOAA | |||||||||||||
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]
Illum il-ġurnata hemm madwar 48,000 ruħ li jgħix f'Acre. Fost il-bliet ta' Iżrael, Acre għandha proporzjon relattiv kbir ta' residenti mhux Lhud, bi 32 % tal-popolazzjoni huma Għarab. Fis-sena 2000, 95 % tar-residenti taċ-ċentru storiku ta' Acre kienu Għarab. Madwar 15 % biss tal-popolazzjoni Għarbija attwali fil-belt hija mnissla minn familji li għexu hemmhekk qabel l-1948. Fl-2022, 56.5 % tal-popolazzjoni kienu Lhud, 29.5 % kienu Musulmani, 2.7 % kienu Kristjani, 0.2 % kienu Drużi u 11.1 % kienu oħrajn.
Acre tospita wkoll il-Baháʼí. Hija l-iżjed belt sagra tal-Fidi tal-Baháʼí u tilqa' bosta pellegrini kull sena.
Fl-1999 kien hemm 22 skola f'Acre b'madwar 15,000 tifel u tifla.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Il-venda ċentrali tal-karozzi tal-linja ta' Acre, moqdija minn Egged u Nateev Express, toffri rotot tal-karozzi tal-linja fil-belt u mill-belt għal bliet oħra f'Iżrael kollu. Nateev Express attwalment għandha kuntratt biex tipprovdi rotot tal-karozzi tal-linja minn Acre għal bliet oħra u lura. Il-belt hija moqdija wkoll mill-Istazzjon Ferrovjarju ta' Acre, li tinsab tul il-linja ferrovjarja kostali prinċipali lejn Nahariya, b'ferroviji lejn in-Nofsinhar għal Beersheba u Modi'in-Maccabim-Re'ut.
Iċ-Ċentru Komunitarju Lhudi-Għarbi ta' Sir Charles Clore fil-kwartier ta' Kiryat Wolfson jorganizza ċ-ċentri taż-żgħażagħ u programmi għat-tfal Lhud u Għarab. Fl-1990, Mohammed Faheli, resident Għarbi ta' Acre, stabbilixxa l-assoċjazzjoni Lhudija-Għarbija ta' Acre, li oriġinarjament kienet topera minn żewġ xelters kontra l-bombi. Fl-1993, Dame Vivien Duffield tal-Fondazzjoni Clore tat fondi bħala donazzjoni għal binja ġdida. Fost il-programmi offruti hemm Peace Child Israel (Paċi għat-Tfal ta' Iżrael), fejn jintużaw ir-reċtar u l-arti għat-tagħlim tal-koeżistenza. Il-parteċipanti, Lhud u Għarab, iqattgħu xahrejn jistudjaw soluzzjonijiet għall-kunflitti u mbagħad jaħdmu flimkien biex jipproduċu spettaklu teatrali oriġinali li jindirizza l-kwistjonijiet li jkunu esploraw. Programm ieħor huwa Patriots of Acre (Patrijotti ta' Acre), li huwa programm li jrawwem ir-responsabbiltà komunitarja u t-turiżmu taż-żgħażagħ biex jgħallem lit-tfal isiru ambaxxaturi tal-belt tagħhom. Fis-sajf, iċ-ċentru jorganizza kamp tas-sajf għall-Għarab u għal-Lhud għal 120 tifel u tifla inqas ixxurtjati tal-età ta' 5 snin u 11-il sena. Xi 1,000 tifel u tifla jieħdu sehem fil-programmi taċ-ċentri taż-żgħażagħ ta' Acre li jiġu organizzati kull ġimgħa. Il-programmi tal-edukazzjoni għall-adulti ġew żviluppati għan-nisa Għarab interessati fit-tlestija tal-edukazzjoni sekondarja u fil-ksib ta' ħiliet tal-kompjuter biex iħejju ruħhom għad-dinja tax-xogħol. Iċ-ċentru joffri wkoll korsijiet għall-ġenituri, u klassijiet tal-mużika u taż-żfin.
Il-Festival tat-Teatru Alternattiv ta' Acco f'Iżrael huwa avveniment annwali li jsir f'Ottubru għall-ħabta tal-btala ta' Sukkot. Il-festival, li ġie inawgurat fl-1979, jipprovdi forum għat-teatru mhux konvenzjonali, u jattira lill-kumpaniji teatrali lokali u barranin. L-ispettakli teatrali ta' produtturi Lhud u Għarab jittellgħu f'postijiet fuq ġewwa kif ukoll fil-beraħ madwar il-belt.
Sports
[immodifika | immodifika s-sors]
It-tim tal-futbol tal-belt, Hapoel Acre F.C., huwa membru tal-Premier League ta' Iżrael, l-ogħla diviżjoni tal-futbol ta' Iżrael. Jilagħbu fl-Istadium Muniċipali ta' Acre li nfetaħ f'Settembru 2011. Fl-aħħar tal-istaġun 2008–2009, il-klabb spiċċa fl-ogħla ħames pożizzjonijiet tal-klassifika, u ġie promoss biex jilgħab fl-ogħla diviżjoni għat-tieni darba, wara assenza ta' 31 sena.
Fl-imgħoddi, il-belt kellha klabb ieħor jismu Maccabi Acre. Madankollu, il-klabb ġie rilokat lejn Kiryat Ata fil-qrib u sar jismu Maccabi Ironi Kiryat Ata.
Klabbs attivi attwali oħra huma Ahi Acre u Maccabi Ironi Acre, u t-tnejn li huma jilagħbu fil-Liga Bet. Iż-żewġ klabbs jilagħbu fl-Istadium Muniċipali ta' Acre.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċentru Storiku ta' Acre ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Ċentru Storiku
[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-ċentru storiku ta' Acre tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Mis-snin 90 tas-seklu 20 twettqu skavi arkeoloġiċi fuq skala kbira, issorveljati mill-Old Acre Development Company Ltd., li ġiet stabbilita fl-1967, u qed isiru sforzi biex is-siti tal-qedem jiġu ppreservati, b'koordinazzjoni mill-Ministeru għat-Turiżmu ta' Iżrael. Il-kumpanija tikkollabora mal-awtoritajiet muniċipali u taġixxi bħala aġenzija tal-gvern għas-superviżjoni tal-kostruzzjoni pubblika u privata fiċ-ċentru storiku, u toffri konsulenza fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' żvilupp. Fl-2009 kienu ppjanati rinnovazzjonijiet għal Khan al-Umdan, il-"Berġa tal-Kolonni", l-ikbar waħda fost id-diversi bereġ Ottomani li għadhom jeżistu f'Acre. Inbniet qrib il-port fl-aħħar tas-seklu 18 minn Jazzar Pasha. Il-merkanti li kienu jaslu fil-port kienu jħottu l-merkanzija tagħhom fl-ewwel sular u kienu jorqdu fl-akkomodazzjonijiet fit-tieni sular. Fl-1906 żdied torri tal-arloġġ fuq id-daħla prinċipali biex jimmarka l-25 anniversarju tar-renju tas-sultan Tork Abdul Hamid II.
Swar tal-belt
[immodifika | immodifika s-sors]
Is-sistema ta' fortifikazzjonijiet ta' Acre ġiet żviluppata tul sekli sħaħ. Matul il-Kruċjati, iċ-Ċentru Storiku kien akbar, b'allinjamenti ta' swar differenti. Fl-1750, Daher al-Umar, il-mexxej ta' Acre, uża l-fdalijiet tas-swar tal-ġellieda tal-Kruċjati bħala pedamenti għas-swar tiegħu. Żewġ daħliet ġew stabbiliti fis-swar: id-"daħla tal-art" fis-swar tal-Lvant, u d-"daħla tal-baħar" fis-swar tan-Nofsinhar. Is-swar ġew imsaħħa bejn l-1775 u l-1799 minn Jazzar Pasha u baqgħu jeżistu wara l-assedju ta' Napuljun. Is-swar kienu rqaq, bi ħxuna ta' 1.5 metru (4.9 piedi) biss, u kienu għoljin bejn 10 metri (33 pied) u 13-il metru (43 pied).
Fit-Tramuntana u fil-Lvant tal-belt inbnew swar difensivi ħoxnin tal-art fl-1800–1814 minn Jazzar Pasha u mill-konsulent Lhudi tiegħu, Haim Farhi. Dawn jikkonsistu f'fortifikazzjoni moderna kontra l-artillerija u jinkludu ħajt difensiv oħxon, ħandaq niexef, postazzjonijiet għall-kanuni u tliet torrijiet difensivi kbar. Minn dak iż-żmien ma sarux modifiki kbar. Is-swar ta' mal-baħar, li għadhom fil-biċċa l-kbira sħaħ, huma s-swar oriġinali li nbnew minn Daher u ssaħħew minn Jazzar Pasha. Fl-1910 ġew stabbiliti żewġ daħliet addizzjonali fis-swar, waħda fis-swar tat-Tramuntana u l-oħra fil-Majjistral tal-belt.
Is-swar tal-belt jibdew fil-Majjistral taċ-Ċentru Storiku fit-Torri tal-Vinja (bl-Għarbi: Burj al-Kurayim, magħruf ukoll bħala l-Fortizza Brittanika). Fil-Lvant inħoloq passaġġ ġdid għal Triq Hagana. Is-swar jibqgħu sejrin lejn il-Lvant, jgħaddu fit-Tramuntana tal-fortifikazzjonijiet taċ-ċittadella u jaslu sat-tieni passaġġ ġdid għal Triq Haim Weizmann. Lil hinn minn dan il-punt, is-swar jgħaddu fit-Tramuntana tal-arsenal u jaslu sat-Torri tal-Kmandant (bl-Għarbi: Burj al-Kumandar), li huwa bastjun difensiv b'bosta pożizzjonijiet tal-artillerija li jgħassu l-Grigal taċ-Ċentru Storiku ta' Acre. Mill-quċċata tiegħu hemm veduta tal-Bajja ta' Haifa u tal-Għolja tal-Karmnu iktar 'il fuq minn Haifa. Fil-qrib hemm il-Mużew tat-Teżori fis-Swar, li juru l-wirt storiku tal-belt, b'mijiet ta' artefatti, inkluż għamara, tessuti u reċipjenti artistiċi u reliġjużi. Is-swar imbagħad iduru lejn in-Nofsinhar, fejn taraġ jagħti għal xatt bil-kanuni minn żmien Napuljun. It-tielet torri difensiv, magħruf bħala t-Torri tad-Daħla (bl-Għarbi: Kapu Burj), kien jgħasses id-Daħla tal-Art, li issa wieħed jista' jaċċessaha minn Triq Jehonatan HaHashmonai. Is-swar imbagħad iduru lejn il-Punent tul il-bajja tal-belt, u jaslu sal-baħar, imbagħad iduru lejn in-Nofsinhar lejn il-port marittimu u l-marina. Fid-Daħla tal-Baħar preċedenti, li issa saret ir-ristorant ta' Abu Christo, jibda xatt mal-baħar, li jagħti għat-Torri tal-Bandiera (bl-Għarbi: Burj as-Sanjaq), bastjun li jgħasses in-naħa tal-Lbiċ, fejn hemm il-fanal ta' Acre, li nbena fl-1912 fil-Lbiċ tas-swar. Is-swar imbagħad iduru lejn it-Tramuntana, jgħaddu qrib żewġ torrijiet tad-difiża, Burj al-Kishla u Al-Khadid Burj, u jerġgħu lura lejn it-Torri tal-Vinja.
Moskea ta' Al-Jazzar
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Moskea ta' Al-Jazzar inbniet fl-1781. Jazzar Pasha u s-suċċessur tiegħu, Sulayman Pasha al-Adil, it-tnejn indifnu f'ċimiterju żgħir biswit il-moskea. F'santwarju fit-tieni sular tal-moskea tinżamm xagħra waħda mid-daqna ta' Muħammed u din tintwera f'okkażjonijiet ċerimonjali speċjali.
Ħamam ta' Al-Basha
[immodifika | immodifika s-sors]Il-banju Tork ta' Acre, il-Ħamam ta' Al-Basha, inbena fl-1795 minn Jazzar Pasha fin-Nofsinhar taċ-ċittadella. Dan fih sensiela ta' kmamar imsaħħna u kamra eżagonali tal-istim b'funtana tal-irħam. Kien jintuża mill-Irgun bħala pont biex jidħlu fil-ħabs taċ-ċittadella. Il-banju Tork baqa' jiffunzjona sal-1950 u mill-1954 jospita mużew. Il-binja fiha artijiet tal-irħam, ħitan bil-madum u ħġieġ ikkulurit b'koppla fis-saqaf mirfuda minn erba' kolonni tal-irħam.
Ċittadella ta' Acre
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-Tramuntana taċ-Ċentru Storiku ta' Acre hemm iċ-ċittadella, li nbniet bejn l-1775 u l-1805 minn Jazzar Pasha fuq il-pedamenti ta' fortizza tal-qedem tal-ġellieda tal-Kruċjati. Il-binja attwali hija fortifikazzjoni Ottomana, li nbniet fuq il-pedamenti taċ-ċittadella tal-Kavallieri Ospedalieri. Iċ-ċittadella kienet parti mill-formazzjoni difensiva tal-belt li ssaħħaħ is-swar tat-Tramuntana. Hemmhekk, iċ-ċittadella hija integrata mas-swar difensivi fit-Torri tat-Teżor (bl-Għarbi: Burj al-Hazana), b'veduta taċ-Ċentru Storiku u l-Bajja ta' Haifa. Fil-Lvant tat-torri nħoloq mill-ġdid ġnien ta' żmien il-ġellieda tal-Kruċjati, quddiem id-daħla taċ-Ċentru għall-Viżitaturi. Iċ-ċittadella fiha żewġ btieħi interni, ta' 170 metru mil-Lvant għall-Punent u wesgħin madwar 100 metru. Matul is-seklu 20, iċ-ċittadella ntużat l-iktar bħala l-Ħabs ta' Acre u bħala s-sit tal-forka. Matul żmien il-Mandat tal-Palestina, l-attivisti tal-movimenti nazzjonalisti Għarab u taż-Żijoniżmu Lhud inżammew hemmhekk bħala priġunieri filwaqt li wħud ġew ġustizzjati hemmhekk.
Illum il-ġurnata, l-attrazzjoni primarja taċ-ċittadella huwa l-Mużew tal-Priġunieri Sovversi, iddedikat għar-reżistenza Lhudija matul il-Mandat tal-Palestina. Fost l-artefatti għall-wiri hemm l-artefatti ta' disa' ġellieda Lhud li ġew ġustizzjati u l-forka tal-ħabs. Għall-wiri hemm ukoll mudell li juri l-ħarba ta' priġunier fl-1947. Biswit hemm il-Mużew tal-Arti ta' Okashi, li juri x-xogħlijiet tal-pittur Absalom Okashi minn Iżrael.
Fortizza tal-Kavallieri ta' San Ġwann
[immodifika | immodifika s-sors]Taħt iċ-ċittadella u l-ħabs ta' Acre, l-iskavi arkeoloġiċi żvelaw kumpless ta' swali, li nbniet u ntużat mill-Kavallieri Ospedalieri. Dan il-kumpless kien parti miċ-ċittadella tal-Kavallieri Ospedalieri, li kien inkluż fil-fortifikazzjonijiet difensivi tat-Tramuntana ta' Acre. Il-kumpless jinkludi sitt swali nofshom magħqudin ma' xulxin, sala kbira li ġiet skavata dan l-aħħar, kantina, refettorju (sala tal-ikel) u l-fdalijiet ta' knisja Gotika.
Saraya tal-qedem
[immodifika | immodifika s-sors]Is-saraya tal-qedem tinsab fin-Nofsinhar taċ-ċittadella, u hija struttura ta' żewġ sulari b'bitħa rettangolari pavimentata u fil-beraħ. Din l-istruttura nbniet fis-seklu 18 fuq il-fdalijiet tal-Knisja ta' San Ġwann Battista, u ntużat bħala r-residenza privata ta' Jazzar Pasha. Wara li bena palazz ġdid, is-saraya ospitat l-uffiċċji amministrattivi ċivili. Fil-bidu tas-seklu 19, Ibrahim Pasha użaha bħala t-teżor, u iktar 'il quddiem saret ir-residenza tal-gvernatur.
Sinagogi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-komunità Lhudija għandha żewġ sinagogi f'Acre: is-Sinagoga ta' Ramchal u s-Sinagoga ta' Or Torah. Is-Sinagoga ta' Ramchal, li tinsab fil-qalba taċ-Ċentru Storiku, ingħatat isem ir-Rabbi Ramchal, li għex f'Acre mill-1743 sal-1747. Fl-1758, il-mexxej Bedwin Daher al-Umar ħatafha u kkonvertiha fil-Moskea ta' al-Mu'allaq. Bħala kumpens, il-komunità Lhudija ngħatat binja żgħira fit-Tramuntana tal-moskea. Fil-bidu tas-seklu 21, din is-sinagoga ġiet rinnovata u nfetħet għat-turisti. Qrib il-ħitan esterni taċ-Ċentru Storiku hem is-Sinagoga Tuneżina, magħrufa wkoll bħala s-Sinagoga ta' Or Torah. Skont leġġenda jingħad li wara l-qerda tat-Tieni Tempju fis-70 W.K., il-patrijiet waslu f'Acre, stabbilew il-kwartier Lhudi ta' El-Zaira u poġġew bibien li salvaw mit-Tempju fis-sinagoga. Minn ġewwa din is-sinagoga hija mżejna bil-mużajk.
Knejjes Kristjani
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-knejjes Kristjani jinsabu l-iktar fin-naħa tal-Lbiċ taċ-Ċentru Storiku ta' Acre. Ir-rekords storiċi u l-mapep tas-seklu 13 jindikaw li l-Karmelitani kellhom knisja qrib il-baħar. Wara li l-ġellieda tal-Kruċjati telqu fl-1291, il-Karmelitani telqu wkoll, u reġgħu lura fil-bidu tas-seklu 17 biex jistabbilixxu knisja mill-ġdid. Acre għandha importanza partikolari għall-Franġiskani, li jemmnu li l-fundatur tagħhom, San Franġisk ta' Assisi, żar il-belt bejn l-1219 u l-1220. Fl-1217, Fra Elia Da Cortona stabbilixxa l-ewwel monasteru Franġiskan hemmhekk. Wara l-ħakma Musulmana, il-Franġiskani ħarbu, u reġgħu lura fl-1620 biex jistabbilixxu l-Knisja tal-Art Imqaddsa, l-unika knisja fil-Lvant taċ-Ċentru Storiku. Il-Katidral Ortodoss Grieg ta' San Ġorġ, li nbena qabel l-1631 skont it-tradizzjoni Ortodossa Griega, jitqies bħala l-eqdem knisja Kristjana f'Acre. Iktar lejn in-Nofsinhar hemm il-Knisja Maronita, il-monasteru u l-knisja Karmelitani ddedikati lill-Koppla ta' Nażaret, u knisja Ortodossa Griega oħra, il-Knisja ta' San Indrija. Qrib il-fanal hemm il-Knisja ta' San Ġwann Battista, li hija knisja Franġiskana li nbniet fl-1737 u li ġiet rinnovata fl-1947. Din il-knisja hija l-unika knisja Kattolika Rumana attiva f'Acre.
Moskej
[immodifika | immodifika s-sors]Fost is-siti sagri fiċ-Ċentru Storiku ta' Acre, l-iżjed numerużi huma l-moskej Musulmani. L-eqdem waħda, il-Moskea ta' El-Bahr, li nbniet fl-1586, tinsab fin-naħa tax-Xlokk qrib il-port, u storikament tinkludi banjijiet, kafetterija, imħażen u ħwienet. L-iżjed prominenti hija l-Moskea ta' El-Jazzar, li nbniet fl-1781 qrib iċ-ċittadella u s-saraya antika. Il-koppla ħadra u l-minaret twil u rqiq tagħha jidhru minn kullimkien fiċ-Ċentru Storiku. Din hija l-ikbar moskea ta' Iżrael 'il barra minn Ġerusalemm u hija l-ikbar waħda li nbniet fil-Palestina matul it-tmexxija Ottomana. Fin-Nofsinhar taċ-ċittadella, il-Moskea ta' Az-Zaytuna fiha żewġ koppli ħodor u minaret twil, li jingħad li nbnew fuq is-sit tal-Knisja ta' Santa Marija u San Ġużepp ta' żmien il-Kruċjati. Biswit in-naħa tal-Punent taċ-ċittadella hemm il-Moskea ta' Ash-Shadhiliyya, li ġiet rinnovata fil-bidu tas-seklu 21 u tospita fratellanza ta' dervish. Iktar fil-Punent hemm il-Moskea ta' Al-Majadala, li nbniet fl-1809. Fil-qalba taċ-Ċentru Storiku ta' Acre hemm il-Moskea ta' Al-Muallaq, u iktar fil-Lvant hemm il-Moskea ta' Ar-Raml.
Karavanseraj u swieq
[immodifika | immodifika s-sors]Diversi karavanseraj storiċi, li fl-imgħoddi kienu jospitaw l-karovani tal-merkanti, huma ppreservati fiċ-Ċentru Storiku. Il-Khan al-Umdan, li nbniet fl-1785 qrib il-port, kien fiha bitħa għall-ħatt tal-merkanzija, kif ukoll imħażen u berġa fil-pjan terran u lukanda fis-sular ta' fuq. Il-bitħa tagħha hija mżejna b'kolonni tal-granit miċ-Ċesarija Rumana. Fl-1906 żdied torri tal-arloġġ Ottoman, b'veduti tal-port. Xi 30 metru fil-Punent, il-Khan ash-Shuna hija mitluqa iżda fiha strutturi oriġinali tal-ġellieda tal-Kruċjati fil-pjan terran. Fiċ-ċentru tal-belt, il-Khan al-Ifranj, l-eqdem karavanseraj ippreservat għalkollox, inbniet f'nofs is-seklu 16 mill-merkanti Franċiżi. Is-sezzjonijiet tat-Tramuntana u tal-Grigal tagħha issa jospitaw l-Iskola Franġiskana tal-Art Imqaddsa. Fil-Lvant taċ-Ċentru Storiku, il-Khan ash-Shawarda x'aktarx li nbniet fuq is-sit ta' kunvent preċedenti tal-Klarissi Foqra. Matul it-tmexxija tal-Mandat Brittaniku, il-bitħa interna tagħha ġiet ikkonvertita fi triq.
L-iżjed suq famuż f'Acre huwa s-Suq Al-Abiad (is-Suq l-Abjad), li nbena f'nofs is-seklu 18. Għal iktar minn 150 sena, dan kien is-suq primarju tal-belt, u oriġinarjament kien jospita 110 ħwienet iżda issa l-għadd tnaqqas għal 64 ħanut minħabba l-ħsarat imġarrba fil-gwerra. It-triq ta' dan is-suq imsaqqaf, twila madwar 100 metru, fiha wkoll kafetteriji u ħwienet fuq iż-żewġ naħat. Fin-Nofsinhar tal-Moskea ta' El-Jazzar hemm is-Suq Tork, li nbena fl-aħħar tas-seklu 18 u ntuża bħala suq sal-1948. It-triq kummerċjali ta' dan is-suq hija twila 100 metru. Is-suq huwa msaqqaf b'volta b'għamla ta' salib b'fetħiet rettangolari għad-dawl tax-xemx, u issa jospita diversi ħwienet tal-arti u tat-tifkiriet turistiċi. Hemm triq kummerċjali wkoll tul it-Toroq ta' Marco Polo, Benjamin Metudela u Fahir ad-Din.
Port marittimu
[immodifika | immodifika s-sors]Acre kienet port marittimu u tas-sajd vitali. L-ewwel port f'Acre ġie stabbilit fis-seklu 6 Q.K. fil-bokka tax-xmara Na'aman, fin-Nofsinhar taċ-Ċentru Storiku attwali. Fis-seklu 7, l-Għarab bnew port ġdid b'tarzna, u dan intuża bħala l-bażi navali Musulmana prinċipali kontra Biżanzju. Fis-seklu 8, il-port u t-tarzna ġew rilokati fit-Tramuntana lejn Tyre. Il-port ġie mitluq sal-aħħar tas-seklu 9 u mbagħad ġie rikostruwit mill-Eġizzjani b'difiżi ffortifikati. Kiseb prominenza taħt it-tmexxija tal-ġellieda tal-Kruċjati iżda reġa' ġie ttraskurat sal-aħħar tas-seklu 17. Illum jintuża bħala port żgħir tas-sajd u marina.
Siti Medjevali oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Fost il-fdalijiet Medjevali Ewropej hemm ukoll il-Knisja ta' San Ġorġ u d-djar ta' biswit fil-Pjazza tal-Ġenoviżi (imsejħa Kikar ha-Genovezim jew Kikar Genoa bl-Ebrajk). Kien hemm ukoll kwartieri residenzjali u swieq immexxijin mill-merkanti minn Pisa u minn Amalfi fiż-żminijiet Medjevali u tal-ġellieda tal-Kruċjati f'Acre.
Postijiet sagri tal-Baháʼí
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm bosta postijiet sagri tal-Baháʼí f'Acre u fl-inħawi tal-madwar. Dawn oriġinaw mill-priġunerija ta' Baháʼu'lláh fiċ-ċittadella matul it-tmexxija Ottomana. L-aħħar snin tal-ħajja ta' Baháʼu'lláh għexhom fil-Villa ta' Bahjí, ftit 'il barra minn Acre, minkejja li xorta waħda formalment kien għadu ħabsi tal-Imperu Ottoman. Baháʼu'lláh miet fid-29 ta' Mejju 1892 f'Bahjí, u s-Santwarju ta' Baháʼu'lláh huwa l-iżjed post sagru għall-Baháʼí — il-Qiblih, jiġifieri l-post lejn fejn iħarsu meta jgħidu t-talb tagħhom ta' kuljum. Dan is-santwarju fih il-fdalijiet ta' Baháʼu'lláh u jinsab qrib il-post fejn miet fil-Villa ta' Bahjí. Siti oħra tal-Baháʼí f'Acre huma d-Dar ta' ʻAbbúd (fejn kienu jirresjedu Baháʼu'lláh u l-familja tiegħu) u d-Dar ta' ʻAbdu'lláh Páshá (fejn iktar 'il quddiem irresjeda ʻAbdu'l-Bahá mal-familja tiegħu), kif ukoll il-Ġnien ta' Ridván, fejn qatta' l-aħħar ta' ħajtu. Fl-2008, il-Postijiet Sagri tal-Baháʼí f'Acre u f'Haifa tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Relazzjonijiet internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Acre hija ġemellata ma':
|


Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Joan ta' Acre (1272–1307), prinċipessa Ingliża li twieldet f'Acre;
- Isaac ben Samuel ta' Acre (is-seklu 13-14), kabbalist Lhudi li ħarab lejn Spanja;
- As'ad Shukeiri (1860–1940, studjuż reliġjuż Palestinjan, mexxej politiku u sindku ta' Acre;
- Issam Sartawi (1935–1983), membru anzjan tal-Organizzazzjoni tal-Liberazzjoni tal-Palestina;
- Ghassan Kanafani (1936–1972), kittieb Palestinjan;
- Raymonda Tawil (twieldet fl-1940), ġurnalista u attivista Palestinjana;
- Mahmoud Darwish (1941–2008), poeta u awtur Palestinjan, li jitqies b'mod mifrux bħala poeta nazzjonali tal-Palestina; twieled fil-villaġġ ta' Al-Birwa fil-periferija ta' Acre;
- Rivka Zohar (twieldet fl-1948), kantanta minn Iżrael;
- Lydia Hatuel-Czuckermann (twieldet fl-1963), atleta Olimpika;
- Shai Avivi (twieled fl-1964), attur minn Iżrael;
- Ron Malka (twieled fl-1965), diplomatiku u ekonomista minn Iżrael li kien ukoll ambaxxatur ta' Iżrael fl-Indja u ambaxxatur mhux residenti ta' Iżrael fis-Sri Lanka u fil-Bhutan, mill-2018 sal-2021;
- Kamilya Jubran (twieldet fl-1966), kantawtriċi u mużiċista Palestinjana li twieldet f'Iżrael;
- Ayelet Ohayon (twieldet fl-1974), atleta Olimpika;
- Delila Hatuel (twieldet fl-1980), atleta Olimpika;
- Eliad Cohen (twieled fl-1988), produttur, attur, mudell, imprenditur u personalità omosesswali prominenti ta' Iżrael;
- Lamis Ammar (twieldet fl-1992), attriċi Palestinjana;
- Avigail Alfatov (twieldet fl-1996), atleta nazzjonali tal-fencing, suldat u rebbieħa ta' Miss Iżrael fl-2014.
Fil-kultura popolari
[immodifika | immodifika s-sors]- Acre hija waħda mit-tliet postijiet fejn ġiet ambjentata l-logħba elettronika Assassin's Creed.
- L-assedju ta' Acre jissemma fil-bidu tas-sensiela televiżiva Knightfall.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Old City of Acre". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2026-03-19.
- ↑ Centre, UNESCO World Heritage. "Bahá’i Holy Places in Haifa and the Western Galilee". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2026-03-19.
