Walter Micallef

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Walter Micallef, il-kantawtur magħruf Malti.
Walter Micallef
Ħajja
Twelid Birkirkara, 24 Ottubru 1955 (68 sena)
Nazzjonalità Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kantant
kompożitur tal-kanzunetti
Strument/i tal-mużika vuċi

Walter Micallef huwa kantawtur magħruf Malti. Huwa twieled fl-(24 t' Ottubru, 1955 ġewwa Birkirkara. Kiteb u kkompona l-mużika għal aktar minn mitt kanzunetta bil-Malti. Rebaħ dak kollu li jagħti l-qasam mużikali Malti. Għadu attiv u għaddej bil-kitba tiegħu, bl-aħħar kanzunetta miktuba tkun Ħielsa fl-2007, miktuba bħala reazzjoni għall-permess mogħti mill-Awtorita ta' l-Ippjanar sabiex jinbena kumpless ta' vilel fuq il-wileġ tar-Ramla l-Ħamra. Din indaqqet ħdejn l-Għar ta' Kalipso fit-23 ta' Ġunju 2007.

Albums[immodifika | immodifika s-sors]

S'issa Micallef ħareġ żewġ albums. Fl-2003 ġie mniedi l-album M'Jien Xejn ġewwa s-sala Erin Serraċino Inglott fl-Universita' ta' Malta. Fit-23 ta' Marzu 2007 nieda t-tieni album, din id-darba bis-sestet imsemmi Walter Micallef u l-Ħbieb. L-album Ħamsin fih tnax -il kanzunetta, ilkoll bil-Malti u b'melodiji oriġinali. Dawn iż-żewġ albums kienu produzzjoni ta' Steve Borġ, ko-fundatur ta' l-grupp magħruf Etnika, li huwa wkoll il-promotur tiegħu. It-tnedija li saret fil-Powerhouse Theatre, li kienet fiż-żmien il-magna tad-dawl tax-Xatt ta' Pinto, ġibdet 'il fuq minn seba' mitt ruħ, wisq probabbli l-akbar folla li qatt attendiet għal tnedija ta' album Malti.

Ħafna mis-segwaċi ta' Micallef, li jattendu kull fejn jagħti kunċert, qed jistennew bil-ħerqa t-tielet album tiegħu.

Tfulitu[immodifika | immodifika s-sors]

Snin 70: Walter jitbaħrat bl-ewwel kitarra tiegħu f' Bejn il-Kmiemen, Kemmuna.

Huwa għadda tfulija kif kienu jgħadduha l-ġuvintur Maltin, jimirħu tul il-gżira u xi drabi jmorru sa' Għawdex jew Kemmuna jittantaw ix-xemx għadejja. Għalkemm Kalkariż, tnejn mill-eqdem kanzunetti minn tiegħu huma dwar Għawdex. Waħda jisimha Ġewwa Marsalforn u l-oħra hija Erġajt sejjer Marsalforn, li t-tnejn li huma għadhom ma ġewx irrekordjati. Huma jindaqqu fuq il-bijt reggej. Ġewwa Marsalforn indaqqet waqt il-kunċerti tal-Belt Valletta tal-2004 u tax-Xewkija tal-2005 u Marsalforn. Huwa maħsub li Ġewwa Marsalforn tkun fl-album li jmiss li mistenni joħroġ fl-2009.

Il-Kitba Tiegħu[immodifika | immodifika s-sors]

Micallef huwa maħbub għaliex fil-kitba tiegħu ma huwiex melodrammatiku jew bombastiku, imma juża l-kelma Maltija bil-għaqal u kif toqgħod għall-widna. U minn dejjem kien hekk.

Il-lirika bikrija tiegħu ta' l-1972, jiġifieri meta kien għadu tfajjel ta' sbatax -il sena, tixhed dan. Ejja nieħdu l-kanzunetta Xagħar Iswed, miktub għal tfajla sabiħa Maltija, li ma nafux min hi u lanqas nobsru min jaf x'sar minnha. Kanzunetta li għadha qatt ma ndaqqet fil-pubbliku, għalkemm tista' tkun fit-tielet album.

  Xagħar iswed u ħafif,
  xofftejha sbieħ, tbissimha ħelwa,
  l-imħabba tagħna kull ma rrid
  jien nammirha u hi tafu sewwa.

Għalkemm Micallef huwa magħruf bħala kantant ta' protesta, u dan għaliex jispikka f'suq fejn ħafna kantanti oħra jibżgħu jsemmu leħinhom fuq temi li jaffettaw il-ħajja tal-Maltin, irrespettivament ma' minn politikalment ixaqilbhu, huwa wkoll kantant li jesprimi bis-sewwa l-ħsus romantiċi tiegħu. Il-kelma imħabba hija wżata ta' spiss, mingħajr ma jsir abbuż minnha. Tant li jgħid li għandu erbgħa kanzunetti bl-isem Inħobbok.

Kantanti li nebbħuħ[immodifika | immodifika s-sors]

Micallef stqarr li huwa ġie mnebbaħ mill-mużika Taljana ta' Giorgio Gaber, Gino Paoli and l-Amerikani Jim Croce u James Taylor għalkemm xi drabi daqq ukoll kanzunetti ta' Cat Stevens. Kritiċi, jemmnu li Micallef għandu wkoll ir-rabja ta' Bruce Cockburn u t-tmejjil ta' Lou Reed. Ngħidu aħna Lil Malta setgħet kienet toqgħod tajjeb ma' dik ta' Reed, li ġġib l-isem ta' Last Great American Whale.

Bħala kantanti Maltin huwa għandu ammirazzjoni kbira għal pinna ta' l-kantawtur Manwel Mifsud u kemm il-darba tenna li Sammy Bartolo tal-grupp Mellieħi New Courey kellhu l-isbaħ leħen fil-qasam tal-kant f'pajjiżna.

Tentufiet dwaru[immodifika | immodifika s-sors]

Iħobb isiefer f'artijiet imbiegħda, fosthom il-Messiku u t-Tajlandja. Għamel żmien u għomor jobtol taħt it-tined fuq il-gżira Griega ta' Paros. Dan l-aħħar qiegħed iżur l-inħawi ta' Phuket u l-gżira Tajlandiża ta' Koh Samui, fejn minbarra li jistrieħ mill-ħajja aktar mgħaġġla ta' l-Ewropa, anki jsib il-lehma biex jikteb aktar kanzunetti bil-Malti. Il-kanzunetta Awissu (1996), li hija l-aktar waħda magħrufa tiegħu, ma nkitbitx f' Bejn il-Kmiemen, li t-turisti li jżuruna jsejjħu blue lagoon ta' Kemmuna, imma fuq ir-ramla ta' Playa del Carmen fil-Messiku.

Għalkemm ma huwiex ħaxxiex, iħobb ħafna jagħmel borma tajba bil-ħxejjex friski. Madankollu l-lampuki mgħaddsa fid-dqiq u l-bajd imħabbat u mixwija huma fost l-aktar ikel li jħobb isajjar.

Oħtu hija ċ-ċeramista magħrufa Sina Farruġia Micallef. Hija tħobb taħdem l-aktar bit-tafal u kellha wirjiet tax-xogħolijiet tagħha fl-Ewropa u l-Istati Uniti.

Nannuh Manwel Borġ Tat-Twajjeb, minn Birkirkara wkoll, kien kitarrista li jdoqq waqt serati tal-għana, magħmudijiet u tiġijiet.

Għejjun oħra[immodifika | immodifika s-sors]

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]