Venere ta' Willendorf

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Il-Venere ta' Willendorf

Il-Venere ta' Willendorf, magħrufa wkoll bħala l-Mara ta' Willendorf, hija statwetta ta' figura femminili għolja 11.1 ċm (4 3/8 pulzier), li ġiet skoperta f'sit paleolitiku ħdejn Willendorf, l-Awstrija, fl-1908 mill-arkeoloġista Josef Szombathy.

Din l-istatwa hija mnaqqxa f'ġebla tal-ġir oolitika li ma tappartjenix lir-reġjun fejn instabet, u hi mlewwna bl-okra ħamra. Attwalment, il-Venere ta' Willendorf hija parti mill-kollezzjoni tan-Naturhistorisches Museum fi Vjenna.

Għall-ħabta ta' l-1990, wara analiżi akkurata ta' l-istratigrafija tas-sit, ġie stmat li l-istatwetta ġiet minquxa daqs 22,000 - 24,000 sena ilu. Ftit li xejn huwa magħruf dwar l-oriġini tagħha, kif inħolqot, jew dwar is-sinjifikanza kulturali tagħha.

Il-Venere m'għandhiex titqies bħala ritratt realistiku tal-figura femminili, iżda ritratt ideali tal-figura. Il-fatt li l-vulva, is-sider u ż-żaqq huma minfuħa u prominenti ħafna, jissuġġerixxi konnotazjonijiet mal-fertilità. Dirgħajha żgħar huma marbuta fuq sidirha u m'għandha l-ebda wiċċ viżibbli; rasha hija mgħottija b'malju twil ta' xagħar jew xi tip ta' dafra.

Il-laqam "venere", li ġie attribwit lilha fiż-żmien meta ġiet skoperta, riċentement kien suġġett ta' xi kritika. Dan għaliex l-isem iġġiegħlek tagħmel paragun bejn din il-figurna u l-immaġni klassika ta' Venere. Christopher Witcombe innota illi: "L-identifikazzjoni ironika ta' dawn il-figurini bħala 'Venere' kienet tissodisfa ċertu assunzjonijiet ta' dak iż-żmien dwar il-primittiv, dwar in-nisa, u dwar il-gosti " (segwi l-link). Fl-istess ħin hemm ukoll ċerta riluttanza professjonali biex din tiġi identifikata bħala l-Art Omm, l-alla ta' l-Ewropa antika paleolitika. Xi wħud jissuġġerixxu li f'soċjetà ta' kaċċaturi u ġemmiegħa, il-korpulenza u l-fertilità ovvja tal-mara, jistgħu jirrappreżentaw statu għoli, sigurtà u suċċess.

Is-saqajn ta' l-istatwa m'humiex maħduma b'tali mod li jippermettu lill-istatwa li żżomm dritta fuq saqajha. Minħabba f'hekk, ġie spekulat li din l-istatwa kienet maħsuba biex tiġi miżmuma u mhux biex titpoġġa x'imkien. Minflok ikona ta' l-Alla Omm xi arkeoloġisti iddeskrivewha bħala amulet għax-xorti t-tajba. Oħrajn qajmu l-possibbiltà li l-istatwa kienet maħsuba bħala amulet għall-fertilità billi tiġi inserita fil-vaġina.

Mindu nstabet u ngħatat isem il-figura ta' Willendorf, instabu bosta statwetti u forom ta' arti simili oħra. Dawn huma kollettivament magħrufa bħala figurini ta' Venere.

Ħooloq esterni[editja]