Toni Sant

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Sant, 2010

Twieled f'Malta fl-1968. Għal bosta snin, leħnu kien sinonimu max-xandir f'Malta fejn ħejja diversi programmi kemm għar-radju u għat-televixin. Għal xi snin, kien involut ukoll fix-xena mużikali lokali permezz tal-grupp Artwork, fost l-oħrajn, kif ukoll mużika għat-teatru.

Sa minn Settembru ta' l-2004, huwa jokkupa l-kariga ta' lecturer fl-iScarborough School of Arts & New Media ta' l-Università ta' Hull ġewwa r-Renju Unit, fejn jikkordina u jgħallem fil-programm imsejjaħ Media Performance.


Karriera fil-qasam tax-xandir[editja]

Fl-1986 beda karriera fil-qasam tax-xandir. Għall-ewwel ħadem fl-iskema student-ħaddiem mal-Media Education Centre, u aktar tard daħal għal xogħol fiss ma' Xandir Malta f'Gwardamangia. Wara perjodu fl-uffiċju tal-liċenzji tat-televixin u l-ħlasijiet għall-Cable Radio, ingħata l-kariga ta' koordinatur editorjali għar-rivista Il-Ġimgha, li qabel u wara ż-żmien li ħadem fuqha hu, kienet magħrufa bħala Il-Gwida. Fis-snin li ħadem f'Xandir Malta huwa serva wkoll bħala producer ta' diversi programmi għar-radju u t-televixin. Fost il-programmi tiegħu minn dak iż-żmien jistgħu jissemmew: Kważi Kull Filgħaxija (1988/89), Mill-Garaxx (TVM - 1989/90), Il-Fil tat-Tiġdid (1989), Mal-20 bid-Daqq (1989/90), Immaġina: John Lennon (Radju Malta - 1990), Blast (TVM - 1990), Tutti Frutti (TVM - 1991), u Il-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa (1991).

F'Diċembru tal-1991, huwa rriżenja minn Xandir Malta u ftit tal-ġimgħat wara aċċetta l-kariga ta' Programme Manager ma' Radio One Live, stazzjon tar-radju b'liċenzja biex ixandar programmi mitkellma aktar milli mużika. Flimkien ma' l-aħwa Joe u Godfrey Grima, il-propjetarji ta' l-istazzjon, huwa organizza dak li effettivament kien l-ewwel talk radio kummerċjali f'Malta.

Aktar tard, huwa pproduċa wkoll diversi programmi għar-radju u t-televixin f'Malta, fosthom Skoss (TV - 1995/96), Bil-Maws f'Idejk (1996), Bricolage (1998) u X'Inhu Għaddej (TV - 2002).

Għalkemm irtira mix-xandir tradizzjonali, riċentament (Awissu 2005) Toni Sant xandar sensiela ta' poddati dwar l-avvenimenti tal-11 ta' Settembru. Aktar tard, f'Novembru ta' l-istess sena, beda sensiela ta' poddati dwar ix-xena mużikali Maltija.


Edukazzjoni[editja]

Toni Sant attenda l-iskola primarja tas-sorijiet Franġiskani "St Elizabeth School" f'Tas-Sliema u l-Kulleġġ Missjunarju ta' San Pawl fir-Rabat, kif ukoll il-Liċeo l-Ġdid fl-Imsida fejn studja l-Malti, l-Ingliż u l-Filosofija fil-livell avvanzat tal-GCE/Matrikola.

Wara li abbanduna l-karriera tiegħu bħala xandar professjonali f'Malta, Toni Sant beda jsegwi kors universitarju. Huwa ggradwa fl-1996 B.A. (Hons.) fl-istudji teatrali mill-Università ta' Malta u wara kompla l-istudji tiegħu f'New York fejn ħa M.A. fil-Performance Studies fl-1998, kif ukoll Ph.D. fl-istess materja fl-2003. Ir-riċerka għad-dottorat tiegħu kienet dwar l-użu kreattiv ta' l-internet bħala mezz tax-xandir u l-implikazzjonijiet ekono-politiċi kontemporanji. Parti mir-riċerka tiegħu hija ppubblikata f'TDR: The Journal of Performance Studies.

Matul l-istudji tiegħu f'New York, huwa għażel li jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq l-internet u l-aspetti ta' identità kulturali u forom ta' spettaklu marbuta miegħu.


It-Tnedija tal-MaltaMedia Online Network[editja]

Fl-1998 huwa waqqaf il-MaltaMedia Online Network, kumpanija rreġistrata f'Malta biex tħaddem numru ta' siti b'tagħrif dwar u/jew minn Malta. Matul is-snin, il-MaltaMedia Online Network offra servizz ta' l-aħbarijiet, kif ukoll direttorju ta' dak kollu li għandu x'jaqsam ma' Malta, kif ukoll siti oħra dwar futbol, mużika popolari, u t-temp f'Malta u Għawdex.


Ara wkoll[editja]