Terence Scerri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Terence Scerri
Informazzjoni personali
Twelid3 ta' April 1984 (1984-04-03) (40 sena)
L-IslaMalta
RwolAttakkant
Informazzjoni fuq il-klabb
Klabb attwaliMarsa
Mixtliet
St. Georges
Hibernians
Karriera professjonali
SninKlabb
2000–2009Hibernians
2009–2014Valletta
2011–2013Ħamrun Spartans (self)
2013–2014Naxxar Lions (self)
2014–2018Senglea Athletic
2016–2017Kalkara (self)
2018–2019Żurrieq
2019–Marsa
Tim nazzjonali
2006–2009Malta

Terence Scerri (L-Isla, 3 ta' April 1984) huwa plejer tal-futbol Malti.

Karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Hibernians[immodifika | immodifika s-sors]

Terence Scerri beda l-karriera tiegħu ma' St. Georges, qabel mat-tim ta' Hibernians kiseb il-firma tiegħu fis-sena 2000, u lagħab żewġ logħbiet f'dak l-istaġun mat-tim Pawlist. Fl-istaġun segwenti tal-2001–02 Scerri deher sitt darbiet fejn ħalla l-marka tiegħu għal darbtejn, fi staġun li ra lit-tim tal-Hibernians jinkuruna ruħu ċampjins tal-Premier League. Minkejja dan is-suċċess, l-istaġun segwenti kien wieħed diżappuntanti kemm fuq bażi personali, fejn naqas li jiskorja ebda gowl fl-għoxrin logħba li lagħab, kif ukoll fuq bażi ta' klabb fejn it-tim ma rnexxielux iżomm it-titlu.

Mal-bidu tal-istaġun 2003–04, Terence beda jifforma koppja offensiva flimkien ma' Andrew Cohen, fejn f'dik is-sena skorja tmien gowls f'21 logħba hekk kif Hibernians spiċċaw fit-tielet post. Din il-koppja kompliet tissaħħah, hekk kif fl-istaġun 2004–05 it-tnejn ikkontribwew bejniethom 33 gowl, b'Scerri jkollu tnax-il gowl taħt ismu.

Fl-istaġun 2005–06, Terence rebaħ l-ewwel titlu tiegħu tal-U*BET FA Trophy, fejn barra s-seba' gowls li skorja matul dak l-istaġun fil-kampjonat sab ukoll l-ewwel sejħa mat-tim nazzjonali Malti. Is-sena ta' wara, għat-tieni sena konsekuttiva, it-tim tal-Hibernians żamm it-titlu tal-FA Trophy fi staġun diżappuntanti li rahom jiġġieldu fiż-żona relegazzjoni tal-kampjonat. Scerri lagħab 24 logħba u skorja ħdax-il gowl. Fuq nota pożittiva, il-klabb rebaħ is-Super Cup Maltija fil-bidu tal-istaġun.

Wara sena deludenti, fl-istaġun 2008–09 taħt il-kowċ il-ġdid Mark Miller, il-klabb qabeż min-naħa għall-oħra tal-klassifika u għeleb l-isfida ta' Valletta fir-rebħ tal-għaxar titlu tagħhom tal-kampjonat. Għal Scerri, dan kien l-aqwa staġun fejn spiċċa bħala l-aqwa skorer b'26 gowl minn 26 logħba. Barra minn hekk, fil-Melita Malta Football Awards 2009, ingħata l-unur ta' "L-Aqwa Attakkant".[1]

Valletta[immodifika | immodifika s-sors]

Scerri tilef iż-żewġ legs tal-kampanja Ewropea 2009–10 ta' Hibernians kontra FK Mogren minħabba li kien imweġġa'. Wara nuqqas ta' ftehim mad-diriġenza tal-klabb, fejn kien ingħata 28 ġurnata ta' sospensjoni mill-klabb, it-tim ta' Sliema Wanderers urew interess fis-servizzi tal-plejer bil-president tal-klabb Slimiż Steve Abela, iqisu bħala "l-objettiv prinċipali tal-kampanja akkwisti".[2] Però, kien it-tim ta' Valletta li kiseb il-firma tal-plejer fejn dan tal-aħħar iffirma kuntratt ta' ħames snin mat-tim Belti.[3] Terence iddebutta mat-tim ta' Valletta fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat 2009–10, fir-rebħa ta' 3–1 fuq Birkirkara fejn ħalla l-marka tiegħu b'doppjetta.[4] Scerri ikkonferma l-istaġun preċedenti, meta irnexxielu jiskorja 20 gowl f'25 partita f'kampjonat missielet ma' Birkirkara. Minkejja d-diżappunt finali fil-kampjonat, Valletta irnexxielhom xorta waħda jirbħu l-FA Trophy kontra Qormi, fejn Scerri skorja t-tieni gowl għall-Belt fir-rebħa ta' 2–1, u t-Tazza tal-100 Anniversarju tal-Kampjonat Nazzjonali.

Fit-tieni staġun tiegħu mat-tim Belti, hu rnexxielu jirbaħ it-tieni kampjonat tal-karriera meta Valletta ttrijonfaw fi tmiem l-istaġun. Scerri temm l-istaġun 2010–11, bħala t-tieni l-aqwa skorer fil-Premier League wara Alfred Effiong b'16-il gowl. Nhar it-22 ta' Mejju, 2011, fi tmiem il-finali tal-FA Trophy bejn Valletta u r-rivali Floriana, li l-Furjaniżi rebħu 1–0 fil-ħin barrani, Scerri deher jattakka lill-plejer Christian Cassar. Kawża ta' dan l-aġir, il-Malta Football Association issospendiet lil Scerri għal perjodu ta' sena, sal-24 ta' Mejju 2012, u ħames logħbiet oħra minħabba kondotta ħażina mar-referì.[5] Barra minn hekk, il-qorti ssospendiet lil Scerri li għal sena ma jersaqx lejn l-ebda grawnd fil-gżejjer Maltin.[6]

Ir-ritorn tiegħu wasal fit-13 ta' Marzu 2012, fir-rebħa kbira ta' Valletta bl-iskor ta' 7–2 fuq Balzan Youths, fejn Scerri daħal wara siegħa logħob u skorja l-aħħar gowl minn penalty.[7] Bl-istaġun riesaq lejn tmiemu hu ftit li xejn sab post mal-ewwel ħdax u l-aħħar logħba tiegħu kienet it-telfa ta' 4–3 kontra Qormi fil-finali tal-FA Trophy, fejn għal darb'oħra Scerri ħalla l-marka b'gowl.

Ħamrun Spartans[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar is-6 ta' Lulju 2012, Ħamrun Spartans ħabbru l-akkwist b'self ta' Terence Scerri minn Valletta.[8] Hu ddebutta fid-dro ta' 2–2 kontra Balzan Youths, fejn skorja l-ewwel gowl tiegħu.

Internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Id-debutt mat-tim nazzjonali Malti wasal kontra t-Turkija nhar is-6 ta' Settembru 2004, u l-ewwel gowl tiegħu wasal kontra l-Moldova fil-fażi ta' kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2008.[9]

Statistika[immodifika | immodifika s-sors]

Klabb Staġun Kampjonat
Preż Gowls
Hibernians 2000–01 2 0
2001–02 6 2
2002–03 20 0
2003–04 21 8
2004–05 25 12
2005–06 19 7
2006–07 21 14
2007–08 23 11
2008–09 26 26
Valletta 2009–10 25 20
2010–11 28 16
2011–12 8 1
Ħamrun Spartans 2012–13 2 1
Total 226 108

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Melita Malta Football Awards 2008/09 - Winners". MaltaFootball.com (bl-Ingliż).
  2. ^ TimesOfMalta.com, ed. (2009-07-28). "Sliema, Hibs in Scerri talks" (bl-Ingliż). Miġbur 2009-07-28.
  3. ^ Grima, Andrew (2009-07-28). "Terence Scerri joins Valletta FC" (bl-Ingliż). Valletta FC. Miġbur 2009-07-28.
  4. ^ Azzopardi, Kevin (2009-08-21). "Video: Debutant Scerri scores twice as City beat Birkirkara" (bl-Ingliż). Times of Malta. Miġbur 2009-08-22.
  5. ^ "Sospiż għal sena u ħames logħbiet". MaltaRightNow.com. 2011-05-25. Miġbur 2011-05-27.
  6. ^ "Court bans Terence Scerri from football grounds" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2011-05-27. Miġbur 2011-05-27.
  7. ^ "Valletta go on rampage" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2012-03-14. Miġbur 2012-09-22.
  8. ^ Busuttil, Antoine (2012-06-06). "Terence Scerri, Massimo Grima join Hamrun Spartans". MaltaFootball.com (bl-Ingliż). Miġbur 2012-09-22.
  9. ^ "Upwardly mobile Moldova win in Malta" (bl-Ingliż). UEFA. Arkivjat mill-orġinal fl-2008-05-17. Miġbur 2009-02-13.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]