Tereża ta' Lisieux

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Santa Tereża ta' Lisieux
Twelid 2 ta' Jannar 1873
Alençon, Franza
Mewt 30 ta' Settembru 1897
Lisieux, Franza
Beatifikazzjoni 29 ta' April, 1923, Ruma minn Papa Piju XI
Kanonizzazzjoni 17 ta' Mejju, 1925, Ruma minn Papa Piju XI
L-ikbar santwarju Basilique Sainte-Thérèse de Lisieux, Lisieux, Franza
Festa 1 ta' Ottobru
Attributi ward
Patrun/a

Awstralja; Franza; Russja; morda bl-AIDS, bit-tuberkolozi u b'mard infettiv ieħor;

avjaturi; bejjiegħa tal-fjuri; orfni; missjunarji.

Santa Tereża ta’ Lisieux (2 ta' Jannar 1873 – 30 ta' Settembru 1897), jew kif inhi magħrufa Santa Tereżina (biex niddistingwuha minn Santa Tereża ta’ Avila), jew Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes, kienet soru Karmelitana Franċiża, imwielda Marie-Françoise-Thérèse Martin, imsejħa Il-Fjura Żgħira ta’ Ġesù, saret waħda mill-qaddisin l-iktar maħbubin fost l-Insara.

Tfulija[editja]

Tereża ta' 8 snin.

Bint Louis Martin, arluġġar, u Zelie Guerin, Tereża twieldet f’Alencon, Franza, u minn età żgħira kienet tifla qaddisa. Kienet l-iżgħar fost disa’ aħwa, erbgħa minnhom mietu żgħar, il-ħamsa l-oħra li kienu bniet, waħda wara l-oħra, daħlu sorijiet, tlieta minnhom, fosthom Tereża, mal-Karmelitani.

Ommha Zelie mietet meta t-tifla kellha 4 snin, u qabel mietet kienet qalet lil żewġha li kien ikun aħjar li jafda lil uliedhom f’idejn il-mara ta’ ħuha, li kienet taqgħod Lisieux. U missier Therese, Louis, malli sab ruħu bil-piż tal-familja fuq spallejh, trasferixxa l-familja fil-belt ta’ Lisieux, qrib il-familja Guerin, fejn Therese għexet il-bqija ta’ ħajjitha. Meta wasal iż-żmien li Tħerese tibda tmur l-iskola, missierha ħaseb biex jiktibha fil-Kulleġġ immexxi mis-Sorijiet Benedittini, fejn diġà kienu jmorru ħutha l-bniet Leone u Celine. Therese ħaditha hekk bi kbira t-telfa ta’ oħtha Pauline li daħlet soru mat-Tereżjani, illi lejn l-aħħar tas-sena 1882, meta kienet se tagħlaq 10 snin, waqgħet f’marda li ħallietha bla saħħa, tant li ħasbuha se tmut.

Soru[editja]

Ta’ 15-il sena daħlet il-kunvent Karmelitan ta’ Lisieux. Fl-1893 intgħażlet tieħu ħsieb in-novizzi tal-kunvent, fejn baqgħet għall-bqija ta’ ħajjitha. Tereża għażlet li tgħix it-“triq iż-żgħira”, programm ta’ ħajja u ta’ mħabba lejn Alla sempliċi u fl-istess ħin profond. Fittxet il-qdusija fl-azzjonijiet żgħar u fil-ħidmiet umli. It-tjubija tagħha kienet hekk kbira li s-superjuri tagħha ordnawlha tikteb il-ħajja tagħha (awtobijografija). Storja ta’ Ruħ (1898) sar wieħed mill-iktar bijografiji spiritwali li jinqraw.

Mard u mewt[editja]

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira tal-1896 Tereża sogħlot id-demm għall-ewwel darba. Kienet marida bit-tuberkolożi. Dak il-lejl stess inħakmet mill-“lejl mudlam” iżda hi “baqgħet żgħira” u Alla kien jerfagħha “minn mument għall-ieħor”. Oħtha Pauline kienet tinkedd taraha ssofri minn deni qawwi, vomitar ta’ demm u tbatija biex tieħu n-nifs. Tereża daret fuqha u qaltilha, “Toqgħodx tinkwieta… jekk ma nistax nieħu nifs, Alla jagħtini s-saħħa biex nissaporti. Jiena nħobbu! Hu qatt mhu se jitlaqni.” Tmien ġimgħat wara mietet bl-istess fiduċja, “Alla qatt mhu se jitlaqni, jiena ċerta…” qalet dakinhar li mietet. Ħalliet din l-art nhar it-30 ta’ Settembru 1897. Kien għad kellha biss 24 sena.

Wara mewtha[editja]

Il-bosta mirakli li jingħad li saru bl-interċessjoni tagħha wettqu l-wegħda tagħha li, “Wara mewti, inħalli taqa’ xita ta’ ward.” Meta kienet żgħira Tereża xtaqet tmut martri bħal Ġovanna t'Arc. Din ta’ l-aħħar ġiet iddikjarata qaddisa fl-1920, f’ċerimonja modesta fil-Vatikan. Meta Tereża ġiet dikjarata qaddisa ħames snin wara (1925), il-Bażilika ta’ San Pietru iddawlet bil-fjakkoli, ċerimonja antika li tqajmet mill-ġdid għaliha b’miljun ruħ jimlew il-qċaċet ta’ Ruma biex jaraw il-Koppla l-Kbira mdawla għal Santa Tereżina.

Patruna u Duttur tal-Knisja[editja]

Santa Tereża ta' Lisieux

Santa Tereża hija l-qaddisa patruna tal-missjunarji u l-avjaturi, u —flimkien ma’ Santa Ġovanna t’Arc — hija l-qaddisa patruna ta’ Franza. Fl-1997 il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjaraha Duttur tal-Knisja. Il-Papa ħabbar dan quddiem miljun żagħżugħ miġburin f’Pariġi għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Awissu 1997 fejn qal: “Xtaqt li nħabbar solennement dan l-avveniment hawnhekk għax il-messaġġ ta’ Santa Tereża, mara żagħżugħa qaddisa hekk attwali għal żmienna, hija ta’ interess partikulari għalikom, iż-żgħażagħ."