Soft law

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Fil-lingwaġġ ġuridiku, it-terminu Ingliż soft law, li hu diffiċilment traduċibbli għall-Malti, jirreferi għal sensiela ta' fenomeni ta' regolazzjoni marbutin mal-produzzjoni ta' regoli li m'għandhomx effikaċja vinkolanti diretta. Is-soft law għalhekk hija kontrapposta għall-istrumenti tradizzjonali tar-regoli (il-liġijiet, ir-regolamenti, eċċ), li joħorġu skont proċeduri determinati minn min għandu l-awtorità (il-parlamenti, il-gvernijiet, eċċ.), li jipproduċu regoli li għandhom effikaċja vinkolanti diretti fil-konfront tad-destinatarji tagħhom (hard law).

Karattri ġenerali[immodifika | immodifika s-sors]

Fin-nuqqas ta' effikaċja vinkolanti diretta, il-garanzija tal-osservanza tar-regoli tas-soft law tistrieħ fuq il-fatt li min jagħmel is-soft law huwa d-destinatarju tagħha (l-awtoregolamentazzjoni) inkella fuq l-awtorevolezza ta' min jagħmilha u għalhekk fuq il-qawwa persważiva tal-istess. Dawn ir-regoli jwasslu għal sitwazzjonijiet ġuridiċi soġġettivi direttament tutelabbli f'sede ġuridsizzjonali, għad li dan ma jeskludix li l-imħallef jieħu kunsiderazzjoni indiretta tagħhom.

Il-kunċett ta' soft law hu pjuttost sfumat, u jfisser gamma varjegata ta' fenomeni normattivi: mill-kodiċijiet tal-awtoregolamentazzjoni adottati minn impriżi partikolari jew organizzazzjonijiet oħrajn, sal-kodiċijiet deontoloġiċi jew regoli simili adottati minn assoċjazzjonijiet professjonali; minn xi atti ta' dritt internazzjonali, għal ġabriet ta' prinċipji u regoli ta' nisel spontanju, spjegati minn organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali, governattivi jew mhux governattivi.

Il-kunċett ġej mid-Dritt Internazzjonali tas-snin sebgħin bħala strument alternattiv għall-trattat internazzjonali, użat meta, għal diversi raġunijiet, il-partijiet ma jridux jew ma jistgħux jirrikorru għall-istess. Il-ftehimiet ta' dan it-tip ma joħolqux obbligi ġuridiċi bejn il-partijiet kontraenti (skont il-prinċipju "pacta sunt servanda"), iżda biss impenji politiċi, li l-konformità magħhom hija fir-rieda tal-partijiet, għalkemm ir-regoli tagħhom jistgħu mbagħad jiġu inkorporati fi trattat.

Hemm strument legali ieħor użat fil-liġi internazzjonali li jista' jaqa' taħt il-kunċett ta' soft law. Dan hu r-rakkomandazzjoni, att li joħroġ minn organizzazzjoni internazzjonali biex tindika lr-riċevitur kif għandu jġib ruħu sabiex jinkisbu ċerti riżultati mixtieqa, iżda li ksur tagħhom ma jwassalx għal sanzjoni. Bħala eżempju hemm ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Unjoni Ewropea.

Anki l-atti ta' leġiżlazzjoni ta' hard law, bħal-liġijiet u r-regolamenti, jistgħu jipproduċu liġijiet ta' soft law meta jagħżlu li jimponu fuq ir-riċevitur obbligi bla rabta fuq il-livell ġuridiku (soft obligation). Ir-raġuni għar-rikors għal regoli bħal dawn tista' tkun il-bżonn li tinħoloq dixxiplina flessibbli, li tadatta ruħha għall-iżvilupp mgħaġġel ta' ċerti setturi tal-ħajja ekonomika jew soċjali, jew sabiex jinkludu fis-sitema tal-liġi liġijiet ta' soft law maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

Wieħed jista' jdaħħal fil-kunċett ta' soft law anki l-lex mercatoria, jiġifieri dak il-korp ta' regoli maħluq mill-komunità tal-kummerċjanti għall-eżiġenzi tal-kummerċ internazzjonali. Dawn huma regoli ta' oriġini diversi, li twieldu l-aktar mill-prassi, b'mod partikolari dik li toħroġ mid-deċiżjonijiet ta' ċerti kmamar internazzjonali importanti tal-arbitraġġ), li iżda, in-natura tagħhom, hija kontroversa ħafna, tant li hemm min saħansitra jiċħad li jeżistu.

Is-soft law fil-bijoetika[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bijoetika hi qasam li fih is-soft law għandha rwol rilevanti. Id-dikjarazzjonijiet internazzjonali prinċipali f'dal-qasam (Il-Kodiċi ta' Nurimberga, id-Dikjarazzjoni ta' Ħelsinki, ir-Rapport ta' Belmont, il-Prinċipji ta' Barċellona eċċ.) jagħtu punt ta' riferiment komuni li jindirizza u jistimula d-dibattitu fil-qasam tal-etika; huma wkoll opportunità biex jiġu adottati standards fil-pajjiżi fejn qabel fil-qasam ma kienx hemm dixxiplina.

L-UNESCO kienet minn ta' quddiem fl-iżvilupp ta' standards internazzjonali bl-għan li jinkuraġġixxu u jmexxu lill-Istati Membri tal-Ġnus Magħquda biex jiżguraw li l-attivitajiet bijomediċi jitmexxew bir-rispett kollu lejn id-dinjità tal-bniedem u l-jeddijiet invjolabbli tiegħu. Skont xi awturi is-soft law kellha rwol importanti fir-regolazzjoni ta' dawn il-jeddijiet u għenet biex ikun hemm viżjoni globali tar-rispett u l-ħarsien tagħhom.[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Adorno, Roberto (2007-02-15). "The Invaluable Role of Soft Law in the Development of Universal Norms in Bioethics" (bl-Ingliż). Berlin: karta maħruġa waqt il-workshop organizzat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u l-Kummissjoni tal-UNESCO Ġermaniża. Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)