Sette Giugno
| Dan l-artiklu għadu ma ġiex kategorizzat. Jekk jogħġbok għin biex iżżid kategoriji sabiex dan l-artiklu jitniżżel ma' artikli simili. |
Fis-7 ta' Ġunju, 1919, imfakkar fil-kalendarju Malti bħala s-Sette Giugno, il-Maltin irrealizzaw l-importanza tal-identità ta' nazzjon. F'dan il-jum, wara li l-Ingliżi kienu qed ixekklu l-proċess kostituzzjonali u wara li għola l-prezz tal-ħobż, il-Maltin irvellaw kontra l-Ingliżi, tkissru xi ħwienet u nħarqu bnadar Ingliżi. Waqt l-irvell, suldati Ingliżi sparaw għal ġol-massa, bir-riżultat li dakinhar u l-għada mietu erba' Maltin: Ġużeppi Bajjada, Manwel Attard, Wenzu Dyer[1] u Karmenu Abela.
F'din il-ġurnata twaffqet l-Assemblea Nazzjonali li għamlet talba formali li Malta tkun tista' tiggverna lilha nnifisha.
Sa Ġunju tal-2010, kien hemm monument fi Pjazza San Ġorġ jew Pjazza tal-Palazz, quddiem il-Main Guard, ifakkar lil dawn l-erba' Maltin. Dan il-monument ġie trasferit għal ġo l-ġonna ta' Hastings fil-Belt Valletta stess. Iċ-ċerimonja li tikkommemora s-7 ta' Ġunju saret fil-ġnien ta' Hastings għall-ewwel darba llum, fl-2010.
Din il-festa hija waħda nazzjonali.
[editja] Nota
- ^ B’koinċidenza ironika, l-isem Dyer huwa marbut ma' traġedja tal-massakru ta' Amritsar, belt fi tramuntana tal-Indja. Huwa maħsub li f'dan il-massakru mietu bejn 400 u 1,000 ruħ, fosthom ħafna tfal, familji sħaħ, u qraba. Il-massakru seħħ sewwa sew xahrejn biss qabel l-avvenimenti tas-Sette Giugno f'Malta! L-armata Ingliża donnha kellha politika ta' intolleranza assoluta madwar l-imperu kollu! Kien il-Ħadd waranofsinhar meta ħafna nies li kienu jgħixu fl-inħawi daħlu Amritsar biex jiċċelebraw il-festa Ħindù tar-rebbiegħa, Baisakhi. Il-pjazza fejn inġabru kienet magħluqha minn kullimkien, ħlief għal xi sqaqien dojjoq. Il-Gvern u l-militar Ingliż kienu pprojbixxew li nies jiltaqgħu f'ġemgħat imdaqsa. Brigadier-General Reginald Edward Harry Dyer http://en.wikipedia.org/wiki/Reginald_Dyer CB (9 October 1864 – 23 July 1927) wasal Amritsar u għalaq il-pjazza b'50 suldat armat. Mingħajr ma ħasibha darbtejn ordna lis-suldati tiegħu jiftħu n-nar fuq il-ġemgħa. Damu jisparaw għal bejn 10 u 15-il minuta, u bejniethom użaw mal-1,650 balla. Is-suldati immiraw u sparaw dritt għal ġo l-folla. Dyer kien jaf li dawn il-povri Indjani ma kienux armati u li ma kellhomx l-ebda mod biex jiddefendu ruħhom! Ftit ġranet wara l-isem Dyer sar famuż f'Malta, din id-darba bħala dak ta' wirħed mill-vittmi tas-7 ta' Ġunju.