San Gejtanu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Giambattista Tiepolo, San Gejtanu

San Gejtanu (Vicenza, 1 ta' Ottubru 1480Napli, 7 ta' Awwissu 1547) kien saċerdot qaddis Taljan, fundatur tat-Teatini. Hu hu magħruf bħala l-Qaddis tal-Providenza.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Bin Gasparo u Maria da Porto, Gejtanu kien ġej minn familja sinjura u nobbli. Tilef lil missieru meta kellu biss sentejn għax missieru kien kmandant tal-armata u ntlaqat minn balla li qatlitu. Minn meta kien għadu żgħir kien iħobb jgħin lill-foqra. Imma ziju tiegħu ma kienx jieħu pjaċir meta kien jarah jitħallat mal-foqra. Jingħad li darba kien ħiereġ b'pakkett ikel mid-dar biex jagħtih lill-foqra. Zijuh staqsieh x'fih u Gejtanu dak il-ħin wieġbu li fih fjuri għax beża'. U meta zijuh fetaħulu Alla ppermetta li vera jsib fjuri.

Vokazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1504, meta kellu 24 sena rċieva d-Dottorat fil-Liġi mill-Universita' ta' Padova, imma qatt ma prattika ta' avukat. Iżda beda jħoss li għandu jservi lil Alla iktar mill-qrib. Fl-1506 mar Ruma. Hemm daħal fil-Konfraternita tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju. Sar qassis fl-1516 minkejja t-tfixkil li sab minn ommu. Fl-1518 mar Vicenza biex jassisti lil ommu li kienet qed tmut, u wara li amministralha s-sagramenti mietet f'idejh.

F'Vicenza sar membru tal-Oratorju ta' San Ġirolmu, u ntefa' b'ruħu u b'ġismu jdur bil-morda inkurabbli. Fl-1520 mar Verona fejn waqqaf Oratorju simili. Wara ħames xhur mar Venezja fejn beda jaħdem fi sptar ġdid tal-belt, u tant ħadem fih li kien meqjus bħala l-fundatur ewlieni tiegħu.

Huwa ta l-enerġija kollha tiegħu, il-ħin kollu tiegħu, l-intelliġenza tiegħu, u l-ġid tiegħu biex jgħin lill-foqra ta' pajjiżu. San Gejtanu kien iħeġġeġ nies tajba li kellhom il-flus sabiex huma wkoll jiftħu djar għall-imwarrbin, foqra, u persuni bi bżonnijiet speċjali. Ħadem bis-sħiħ għal dawk li jinqabdu fl-użura, għall-morda, għax-xebbiet tat-triq, għall-ħabsin, u kontra l-iskjavitù.

Id-Devozzjoni Marjana[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar il-Milied tal-1517, meta kien qed jitlob fil-Bażilika ta' Santa Maria Maggiore f'Ruma, kellu viżjoni tal-Madonna li tatu fi ħdanu lil binha l-Bambin Ġesù. Hu kellu x-xorti li jerġa' jgħaddi minn din l-esperjenza fil-festa tal-Epifanija u taċ-Ċirkunċiżjoni ta' Ġesù Kristu. Ħafna drabi 'l San Gejtanu fl-ikonografija u fl-istatwi jiġi rrappreżentat għarkupptejh jirċievi lil Bambin Ġesù mingħand Sidtna Marija Santissima

It-Teatini[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1523 telaq minn Venezja u mar Ruma. Flimkien ma' Ġwann Pietru Carafa li wara sar il-Papa Pawlu IV, u żewġ qassisin oħra, waqqaf it-Teatini, Kjeriċi Regolari, jiġifieri saċerdoti li jgħixu flimkien taħt regola. bl-għan li jieħdu ħsieb il-morda, iħeġġu n-nies għall-konverżjoni u biex iħeġġuhom jersqu lejn l-Ewkaristija. Bħala l-ewwel Superjur Ġenerali ntgħażel Carafa li qabel kien Isqof ta' Chieti, bil-latin Theate. Minn hawn ġej l-isem “Teatini”. Carafa kien irriżenja minn Isqof biex sata' jingħaqad ma Gejtanu. San Gejtanu ma għamel l-ebda regola għat-Teatini. L-unika regola li tagħhom kienet li iwettqu fil-prattika l-Evanġelju. Il-patruna ewlenija tat-Teatini magħżula minn Gejtanu stess hija Marija Immakulata Kunċizzjoni.

Meta fl-1527, Karlu V għamel straġi minn Ruma, it-Teatini, li darhom kienet ġiet imħarrbta, kellhom jaħarbu, u marru Venezja.

Fl-1530, Gejtanu ntgħażel Superjur wara Carafa, u dam it-tliet snin taż-żmien tiegħu. Warajh reġa' ntgħażel Carafa.

F'Napli[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1543 kien qiegħed Napli, u biex jgħin lill-foqra waqqaf il-“Montes Pietatis”, il-Bank tal-Ħniena, minn fejn il-foqra setgħu jissellfu l-flus billi jħallu xi ħaġa bħala rahan, u wara jeħduha lura. Dak li beda San Gejtanu, illum sar il-Bank ta' Napli.

San Gejtanu ma mietx martri, però xorta waħda jitqies bħala martri għax hu miet vittma għall-poplu ta' Napli. Gejtanu offra lil Alla li jmut hu basta tieqaf il-gwerra li kien hemm f'Napli. Filfatt hekk ġara għax hekk kif in-Naplitani semgħu bil-mewt ta' Dun Gejtanu, telqu l-armi u ġrew lejn il-knisja biex jaraw għall-aħħar darba lil dak il-bniedem li tant ħabbhom, li tant ħadem għalihom, li tant tħabat u ħadem biex iressaqhom lejn Alla. San Gejtanu miet f'Napli fis-7 ta' Awwissu 1547, fl-eta' ta' 67 sena.

Ġie kkanonizzat fl-1671 mill-Papa Klement X.

San Gejtanu huwa l-Qaddis tal-Providenza waqt li fl-Arġentina San Gejtanu huwa meqjum ukoll bħala l-Protettur tax-xogħol.

Il-Kult f'Malta[immodifika | immodifika s-sors]

F'Malta l-Knisja Parrokjali tal-Ħamrun hija ddedikata lil San Gejtanu, fuq xewqa ta l-isqof Mons. Gaetano Pace Forno. Il-knisja bdiet tintuża fl-1875 u saret knisja parrokkjali 1881. San Ġorġ Preca rċieva l-Griżma tal-Isqof u qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu f'din il-Knisja. Id-dmirijiet saċerdotali wettaqhom prinċipalment f'din il-knisja. Lil San Gejtanu għażlu bħala l-Protettur tas-safa għas-soċji tal-għaqda tiegħu, il-MUSEUM.

Barra din il-knisja, insibu kappella rurali f'Wied il-Għajn, iddedikata għal San Gejtanu, fl-inħawi tar-Ramla ta' San Tumas viċin it-Torri Mamo.