Ruġġieru I ta' Sqallija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Ruġġieru I ta' Sqallija (1031-1101), li kien l-iżġħar iben ta' Tankredi ta' Altavilla, kien mexxej fi Sqallija.

Goffredu Malaterra, is-segretarju u bijografu ta' Ruġġieru I, kiteb fuqu hekk: "Kien żaġħżuġħ mibni sabiħ u għaref fil-kliem, u l-pariri li jagħti u jħares lejn il-futur, u gwerrier qalbieni."

Wasal l-Italja t'isfel qrib is-sena 1055. Qasam il-konkwista ta' Kalabrija (fl-Italja) ma' Robert Guiscard, u fl-1062 bi trattat li għamlu, qasmu kull belt tar-reġjun bejniethom. Wara xi żmien invada Sqallija u rebaħha minn taht il-ħakma tal-Misilmin. Kellu kuntatti mas-Santa Sede, fejn kien jinnomina l-isqfijiet fid-djoċesijiet ta' Sqallija.

Ta' mexxej għaref ħalla fil-libertà lil Misilmin li jagħmlu kummerċ u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom. Ħafna gwerriera li kellu, kienu magħżula minn fost il-Misilmin.

Fl-istorja ta' Malta hu magħruf bħala l-Konti Ruġġieru, meta fl-1090 niżel Malta u ħadha minn taħt idejn l-Għarab. Jingħad ukoll li l-Konti Ruġġieru ta bidu għall-bini tal-ewwel katidral fl-Imdina. Kull sena fl-4 ta' Novembru fil-Katidral issir quddiesa ghal ruħ il-Konti Ruġġieru.

Leġġenda Maltija tgħid kif meta niżel l-art il-Konti Ruġġieru sab xi Maltin jilqgħuh u li riedu jgħinuh jikseb il-gżejjer u talbuh jagħtihom bandiera. Il-Konti qabad l-istandard tieghu li jingħad li kien jikkonsisti f'kaxxi bojod u ħomor, qasmu minn nofs u rregalah lil Maltin. Il-Maltin baqgħu jżommuh bħala l-bandiera tagħhom u għadha l-bandiera nazzjonali sal-lum. Jingħad ukoll li dak ir-raġel li ħa l-bandiera kien jismu Ben Said. Fir-Rabat il-banda tas-Soċjetà ta' San Pawl hi msemmija għall-Konti Ruġġieru.