Rosalba Carriera

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Rosalba Carriera, awtoritratt 1715

Rosalba Carriera (7 ta' Ottubru, 1675 – 15 ta' April, 1757) kienet pittriċi Venezjana tal-istil rokokò. F'żgħożitha speċjalizzat fil-pittura tal-minjaturi. Aktar tard saret magħrufa għax-xogħol tagħha bil-pastelli, mezz li jaqbel sewwa mal-istil rokokò.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Rosalba Carriera twieldet Venezja u kellha żewġt aħwa bniet. Kienet prominenti u ammirata ħafna bħala ritrattista tar-rokokò Taljan. Il-familja tagħha kienet mill-klassi medju-baxxa ta' Venezja, u bdiet il-karriera artistika tagħha meta kienet tifla billi tpinġi l-mudelli għax-xogħol tal-bizzilla għal ommha, li kienet taħdem f'din is-sengħa. Hemm min isostni li l-pittur Venezjan ftit magħruf Giuseppe Diamantini taha l-ewwel tagħlim fuq it-teknika taż-żejt[1].

Meta t-tabakk beda jsir popolari, Carriera bdiet tpinġi l-minjaturi fuq l-għotjien tat-tabakkieri u kienet l-ewwel li użat l-avorju għal dan l-iskop. Ftit ftit dan żviluppa fil-pittura tar-ritratti u kienet pijuniera fl-użu tal-pastelli waħidhom għal dan ix-xogħol. Nies prominenti barranin li kienu jżuru l-belt ta' Venezja, pereżempju l-ulied żgħażagħ tan-nobbiltà fuq il-Grand Tour u d-diplomatiċi, kienu ħerqana li jitpinġew minnha[2]. Fost ir-ritratti li pinġiet fil-bidu insibu dawk ta' Massimiljanu II tal-Bavarja, ta' Federiku IV tad-Danimarka, tal-isbaħ 12-il mara tal-qorti Venezjani, tal-Artista u oħtha Naneta (Uffizi), u ta' Awgustu l-Qawwi tas-Sassonja, li ġabar kollezzjoni kbira ta' pastelli tagħha [3].

Sal-1721, meta Carriera għamlet l-ewwel vjaġġ tagħha għal Pariġi, kien sar hemm domanda kbira għar-ritratti mpinġijin minnha. Meta kienet Pariġi, bħala l-mistiedna tad-dilettant u kollettur tal-arti kbir, Pierre Crozat, pinġiet ritratti tal-pittur Watteau u tan-nies irjali u nobbli kollha mir-Re u r-Reġġent 'l isfel, u ġiet eletta membru tal-Akkademja b'akklamazzjoni[4]. Żewġ oħtha Angela, il-pittur Antonio Pellegrini li kien stmat ħafna, kien ukoll Pariġi dik is-sena. Pellegrini kien imqabbad minn John Law, finanzier u avventurier Ingliż biex ipinġi s-saqaf tal-Grand Salle fil-bini ġdid tal-bank tiegħu.

Oħtha l-oħra, Giovanna, u ommha kienu magħha Franza. Iż-żewġ ħutha, l-iżjed Giovanna, kienu jgħinuha tpinġi l-mijiet ta' ritratti li kienet mitluba tpinġi. Id-djarju ta' Carriera ta' dawn it-18-il xahar f'Pariġi ġie ppublikat aktar tard mill-ammiratur ħerqan tagħha, Antonio Zanetti fl-1793. Il-korrispondenza estensiva tagħha ukoll ġiet ippublikata[5]. Fl-1721 marret lura Venezja u żaret Modena, Parma, u Vjenna, u intlaqgħet b'entużjażmu kbir mill-mexxejja u l-qrati.

Aktar tard f'-ħajjitha, Carriera għamlet vjaġġ twil lejn il-qorti tal-Polonja. Ix-xogħlijiet li wettqet hemmhekk, aktar tard iffurmaw il-bażi tal-kollezzjoni kbira li hemm fil-Gemäldegalerie Alte Meister ta' Dresden. Fl-1705, inħatret "Accademico di merito" mill- Accademia di San Luca ta' Ruma, titlu riżervat għall-pitturi mhux Rumani.

Meta marret lura Venezja, Carriera kienet għadha immensament popolari u d-domanda għax-xogħol tagħha kienet għadha kbira (fil-fatti kienet hi li taqla' l-għixien tal-familja). Ir-ritratti tagħha kienu ta' sengħa kbira u juru 'l dak li jkun dejjem iżjed sabiħ, kienu kważi dejjem mill-qadd 'il fuq, bil-ġisem imdawwar ftit 'l hemm u r-ras tħares dritt lejn l-ispettatur. Carriera kellha ħila mhux tas-soltu biex tirrappreżenta t-tessuti u d-disinji fuq il-ħwejjeġ, biex fedelment toħloq mill-ġdid id-drappijiet, lazzijiet tad-deheb, il-bizzilla, il-pelliċji, il-ġojjelli, ix-xagħar u l-ġilda b'mod li jispikka l-istil tal-ħajja materjali lussuż tal-patruni influwenti tagħha.

Carriera nfisha ma kinitx mara sabiħa; l-awto-ritratti tagħha juruha b'wiċċ mhux attraenti wisq u b'imnieħer kbir u daqsxejn sfurmat. Però kienet magħrufa għall-ħlewwa tal-karattru tagħha u l-pulitizza u d-deċenza ta' lbisha, iżda kellha ukoll tendenza għad-dwejjaq u d-depressjoni, attribwiti minn xi wħud għall-fatt li qatt ma żżewġet. Fil-Prideaux Post, Padstow, Cornwall, hemm pittura affaxxinanti impinġija minn Carriera ta' Humphrey Prideaux, l-iben arketipiku tal-borgeżija għolja muri matul il-Grand Tour tiegħu, li wara l-gwarniċ tagħha, skont l-istorja, kien hemm moħbija ittra ta' mħabba minn Carriera għall-mudell. Kellha ħafna ħbieb irġiel li kienu jammiraw it-talent tagħha, iżda ħadd minnhom ma ried jiżżewiġha.

L-aħħar snin tal-ħajja twila ta' Carriera kienu traġiċi, billi għajnejha, forsi bil-ħsara li kienet għamlitilhom meta kienet tpinġi l-minjaturi f'żgħożitha, marru għal kollox u għamiet. Għamlet żewġ operazzjonijiet tal-katarretti imma dawn ma rnexxewx. Kienet l-aħħar waħda li mietet mill-familja tagħha u għaddiet l-aħħar snin ta' ħajjitha f'dar żgħira fl-inħawi ta' Dorsoduro f'Venezja fejn mietet.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ James R. Hobbes, Picture collector's manual adapted to the professional man, and the amateur (Manwal għall-kollettur tal-pittura adattat għall-professjonista u d-dilettant), T & W Boone, 29 Bond Street; Iddiġitat mill-Googlebooks [1] paġna 74
  2. ^ Rosalba Carriera minn Bernardina Sani, Umberto Allemandi et al. Ed. (1988), rivista minn Francis Russell, The Burlington Magazine (1989) paġna 857
  3. ^ New International Encyclopedia, (Enċiklopedija Internazzjonali Ġdida)
  4. ^ New International Encyclopedia
  5. ^ Rosalba Carriera: lettere, diari, frammenti ta' Bernardina Sani, Leo S. Olschski ed., Firenze (1985), rivedut minn Francis Haskell fil-The Magazine Burlington,1987. paġni 122-123

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]

  • [2] Neil Jeffares, Dictionary of pastellists before 1800, (Dizzjunarju tal-pastellisti ta' qabel l-1800), edizzjoni fuq l-internet
  • [3] Rosalba Carriera fl-Artcyclopedia