Raimondo Vianello
Raimondo Vianello (Ruma, 7 ta' Mejju 1922– Milan, 15 ta' April 2010) kien attur, xeneġġjatur u preżentatur Taljan u ikona tat-televiżjoni Taljana. Flimkien ma' Corrado, Mike Bongiorno, Enzo Tortora u Pippo Baudo kien fost il-"missirijiet tat-televiżjoni Taljana". Huwa ħadem ħafna produzzjonijiet televiżivi ma' martu Sandra Mondaini.
Werrej |
Bijografija [editja]
Imwieled Ruma nhar is-7 ta' Mejju 1922, Vianello, lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija, flimkien ma' numru ta' personaġġi oħra bħal Dario Fo, Walter Chiari u Ezra Pound, kien miżmum fil-kamp ta' konċentrament ta' Coltano, fl-Italja, mill-Alleati. Bejn l-aħħar tas-snin erbgħin u l-bidu tas-snin ħamsin huwa kien atleta u direttur taċ-Centro Nazionale Sportivo Fiamma, u kien ukoll attur tat-teatru. Lejn l-aħħar tas-snin ħamsin huwa beda wkoll xogħol fiċ-ċinema u t-televiżjoni.
Karriera televiżiva [editja]
Vianello iżżewweġ lil Sandra Mondaini fl-1962 u minn hemm bdiet karriera flimkien fuq diversi stazzjonijiet Taljani li inkludew l-istazzjon statali, RAI, u l-istazzjonijiet tal-kumpanija mmexxija minn Silvio Berlusconi, li llum hi magħrufa bħala Mediaset. Vianello deher f'79 film, f'31 programm televiżiv bħala attur jew preżentatur u kiteb 14-il skript.
Iċ-ċajt satiriku, kritiku u intelliġenti tiegħu kien niggieżi, iżda qatt ma jweġġa' personalment jew jaqa' fil-baxx. Kien imfittex ukoll bħala preżentatur kemm għall-edizzjoni ta' Sanremo tal-1998 kif ukoll għal programmi sportivi bħal Pressing, li hu dam jagħmel għal tmien snin sħaħ, u għal kwizzijiet bħal Zig Zag u Il Gioco del 9.
Però l-iktar li kien segwit kien fis-sitcom Casa Vianello, li damet tintwera għal ħafna snin. L-istorja wara din is-serje kienet tal-koppja Sandra u Raimondo, li għalkemm ma joqogħdux mingħajr xulxin, il-ħin kollu jillitikaw u jargumentaw. Ix-xena tal-għeluq ta' kull edizzjoni tas-sensiela kienet hekk: wara xi avventura kienu jispiċċaw fis-sodda, Raimondo jipprova jaqra bil-kwiet La Gazzetta dello Sport u Sandra min-naħa l-oħra teqred u tgerger li qatt ma jiġri xejn u tgħid il-famuża frażi “Che noia, che barba, che barba, che noia”, filwaqt li xxejjer u tgħolli saqajha taħt il-friex.
Ħajja privata [editja]
Fil-ħajja proprja tagħhom, Sandra u Raimondo qatt ma kellhom tfal tagħhom, però kienu adottaw żewġ subien mill-Filippini li huma semmew Raimondo u Gianmarco. Mistoqsija mill-gazzetta La Repubblica dwar kemm il-karattri proprja tal-koppja joħorġu fit-televiżjoni, Mondaini sostniet, “Kollox, ħlief il-qrun, li Raimondo mhux kapaċi jagħmilli!”
Mewt [editja]
Vianello miet nhar il-Ħamis, 15 ta' April 2010 f'Milan.[1] Huwa kien iddaħħal l-isptar fl-4 ta' April, u miet ħdax-il jum wara kawża ta' insuffiċjenza renali.[2]
Is-saħħa ta' martu, Sandra Mondaini, qalbet għall-agħar wara mewtu. Hija mietet ħames xhur wara, nhar il-21 ta' Settembru 2010.
Programmi televiżivi [editja]
- Un due tre (ma' Ugo Tognazzi) (mill-1954 sal-1959)
- Canzonissima (1958)
- Studio uno (1959)
- Giro a segno (1956)
- Natale con chi vuoi (1956)
- Appuntamento a Roma (1957)
- Studio uno (1959)
- Il signore di mezza età (1963)
- Il giocondo (mill-1963 sal-1964)
- Biblioteca di Studio Uno: Il fornaretto di Venezia (1964)
- Qui Stoccolma vi parla Raimondo Vianello (1965)
- Il tappabuchi (1967)
- Su e giù (1968)
- Canzonissima (1969)
- Sai che ti dico? (1972)
- Rivediamoli insieme (1974)
- Tante scuse (1974)
- Di nuovo tante scuse (1975 sal-1976)
- Noi... no! (1977 sal-1978)
- Io e la Befana (1978 sal-1979)
- Una rosa per la vita (mill-1980 sal-1982)
- Sette e mezzo (1980)
- Stasera niente di nuovo (1981)
- Attenti a noi due (1982)
- Attenti a noi due 2 (1983)
- Zig zag (3 edizzjonijiet) (mill-1983 sal-1986)
- Sandra e Raimondo Show (1987)
- Il gioco dei 9 (mill-1988 sal-1990)
- Casa Vianello (mill-1988 sal-2007)
- Quel motivetto (1990)
- Buon Compleanno Canale 5 (1990)
- Studio tappa (1994)
- Pressing (mill-1991 sal-1999)
- Studio tappa (1996)
- Cascina Vianello (1996)
- I misteri di Cascina Vianello (1997)
- I tre tenori (1998)
- Festival di Sanremo 1998 (1998)
- Pressing Champions League (opinjonista) (mill-2000 sal-2006)
- Sandra e Raimondo Supershow (2004)
- Crociera Vianello (2008)
Referenzi [editja]
- ^ (Ingliż) Popular Italian TV comedian Raimondo Vianello dies. TimesOfMalta.com, 15-04-2010
- ^ Claudia Morgoglione. (Taljan) E' morto a Milano Raimondo Vianello. Gran signore dello humour televisivo. la Stampa.it, 15-04-2010. Aċċess tal-URL: 16-04-2010.