Pawlu Xuereb

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Mr Paul Xuereb.jpg

Pawlu Xuereb (Ir-Rabat (Malta), 21 ta' Lulju 19236 ta' Settembru 1994) kien figura politika Maltija u kittieb. Bejn is-16 ta' Frar 1987 u l-4 ta' April 1989 serva bħala aġent President ta' Malta. Kien ukoll Speaker tal-Parlament

Bijografija[editja]

Pawlu Xuereb twieled nhar il-21 ta' Lulju, 1923, bin Adeodato Xuereb (awtur ta' drammi u għalliem) u Maria Dolores née Busuttil. Wara li attenda l-iskola elementari tal-Imdina, huwa ħa l-edukazzjoni sekondarja tieghu fil-Kulleġġ ta' San Alwigi, Birkirkara u fil-Kulleġġ Flores, il-Belt Valletta. Bejn l-1946 u l-1949 Pawlu Xuereb studja fis-City Literary Institute u fir-Regent Street Polytechnic f'Londra. Huwa studja wkoll il-ġurnaliżmu, l-ekonomija politika u x-xjenza politika.

Il-gwerra u wara[editja]

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija huwa serva mar-Royal Malta Artillery u bejn l-1944 u l-1946 ħadem ta' skrivan fid-dipartiment tal-inġinerija tat-Tarzna. Matul dan il-perjodu Xuereb iddistingwa ruħu u ngħata l-Africa Star, il-War Medal u l-Victory Medal. Fl-1946 emigra lejn l-Ingilterra u ħadem bħala superviżur mad-Dipartiment tal-Kontijiet tad-Ditta Peter Robinson u wara bħala skrivan mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'Londra. Hemmhekk huwa kompla bl-istudji tiegħu u ġie lura Malta fl-1950. Fost xogħlijiet li kellu hawnhekk kien hemm dak ta' għalliem mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Il-ħajja politika[editja]

Fl-1959 telaq l-impjieg tiegħu mal-Gvern u ssieħeb mal-Partit Laburista fejn kien editur letterarju u assistent editur tal-ġurnal Laburista The Voice of Malta. Fl-1964 inħatar direttur ġenerali tal-istamperija tal-Partit Laburista Freedom Press. Xuereb ikkontesta l-elezzjonijiet tal-1962 u ġie elett għall-ewwel darba. Huwa baqa' jżomm is-siġġu parlamentari tiegħu fl-elezzjonijiet tal-1966, 1971, 1976 u 1981. Huwa kellu diversi karigi fil-gvernijiet Laburisti, fosthom Ministru tal-Industrija u Kummerċ fl-1971, sakemm imbagħad irriżenja mill-parlament fis-17 ta' April, 1983, biex ġie ikkoopjat bħala membru parlamentari Karmenu Mifsud Bonnici, li kien se jilħaq mexxej tal-MLP. Huwa kien spiker tal-Parlament fiż-żmien imqanqal ta' bejn Lulju 1986 u Frar 1987.

Huwa kien ukoll ukoll chairperson tal-Mid-Med Bank, tal-Medigrain, tal-Investment Finance Bank u tal-Malta Development Corporation.

Aġent President[editja]

Pawlu Xuereb inħatar aġent President ta' Malta fis-16 ta' Frar 1987 u baqa' sal-4 ta' April 1989. Wara l-inċidenti vjolenti fir-Rabat tal-1987, Xuereb għamel appell imqanqal minn fuq it-televiżjoni biex tieqaf immedjatament il-vjolenza.

Mart Pawlu Xuereb, Edwige, mhux l-ewwel darba li esprimiet pubblikament ix-xewqa li fis-sala tal-Palazz fejn jinżammu l-kwadri tal-eks-Presidenti jitwaħħal ukoll kwadru tiegħu.

Letteratura[editja]

Pawlu Xuereb kien ukoll awtur ta' bosta kotba, l-iktar stejjer tad-ditektivs. Il-kotba li ħareġ jinkludu:

  • Il-Każ tat-tfajla maħruqa (1966)
  • Is-Serqa ta' Nicolas Cotoner (1967)
  • Qtil f'San Pawl il-Baħar (1968)
  • Runduvù (1971)
  • Meta... (1986), rebbieħ tal-Premju Letterarju għal dik is-sena
  • Pitiross li ġie Malta u stejjer oħra (1989)

Mewt[editja]

Hu miet ta' 71 sena, nhar is-6 ta' Settembru 1994 u ingħata funeral statali. Huwa kien miżżewweġ lil Edwige imwielda Muscat u kellhom tifla, Marija. Fil-Ġnien tar-Rabat hemm monument tiegħu, xogħol l-iskultur Anton Agius.

Ħoloq esterni[editja]