Paolo Borsellino

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
PaoloBorsellino.jpg

Paolo Borsellino (Palermo, 19 ta' Jannar 1940Palermo, 19 ta' Lulju 1992) kien maġistrat Taljan, vittma tal-Mafja. Meqjus bħala eroj Taljan, bħal Giovanni Falcone, li kien ħabib u kollega tiegħu.

Tfulija[editja]

Bin Diego u Maria Lepanto, it-tnejn spiżjara, Paolo twieled Palermo, fil-kwartier La Kalsa, fejn kienu jgħixu ukoll Giovanni Falcone u Tommaso Buscetta. Kellu tliet ħutu: Adele (1938-2011), Salvatore (1942) u Rita (1945). Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liceo classico "Giovanni Meli" ta' Palermo, fejn kien ukoll editur tal-gazzetta tal-istudenti "Agorà".

Maġistratura[editja]

Ta' 22 sena ggradwa fil-Liġi bl-unuri kollha. Fiż-żmien li kien l-università kienu għażluh bħala rappreżentant tal-istudenti. Ftit jiem wara li ggradwa, miet missieru. Kellu għalhekk jieħu fuq spallejh ir-responsabbilita' tal-familja. B'xogħlijiet żgħar li kien jagħmel irnexxielu jlesti l-konkors tal-maġistratura li għadda minnu fl-1963. L-imħabba lejn art twelidu u l-imħabba għall-ġustizzja tawh dik l-ispinta ġewwinija li ġegħlitu jsir maġistrat bla ma jittraskura d-doveri tiegħu lejn il-familja. Il-professjoni ta' maġistrat fil-belt ta' Palermo kellha għalih tifsira tassew profonda.

Ħadem fit-tribunali ta' Enna u Mazara del Vallo. Iżżewweġ fi tmiem l-1968 lil Agnese Piraino Leto, bint maġistrat. Kellhom tliet ulied: Lucia, Manfredi u Fiammetta. Sena wara bagħtuh Monreale fejn ħadem mill-qrib mal-kap tal-Carabinieri Emanuele Basile. Kien fl-1975 meta lil Borsellino bagħtuh fit-tribunal ta' Palermo; f'Lulju beda jaħdem fl-Uffiċju tal-Proċessi Penali taħt it-tmexxija ta' Rocco Chinnici. Mal-Capitano Basile ħadem fl-ewwel indaġni fuq il-mafja: minn dak iż-żmien bdiet il-ħidma kbira u bla heda tiegħu biex jeħodha kontra u jeqred l-organizzazzjoni mafjuża.

Fl-1980 wasal l-arrest tal-ewwel sitt mafjużi. Fl-istess sens inqatel il-Capitano Basile. Għall-familja Borsellino waslet l-ewwel skorta bid-diffikultajiet li din iġġib magħha. Minn dak il-waqt il-ħajja tal-familja Borsellino kellha tinbidel: il-maġistrat ried joħloq relazzjoni maż-żgħażagħ tal-iskorta li kellhom ikunu dejjem spalla ma' spalla miegħu.

Borsellino kien maġistrat "ta' intelliġenza mill-aqwa, ta' karattru serju u riservat, dinjituż u leali, ... u fis-snin ta' wara ddistingwa ruħu għall-impenn, iż-żelu, id-diliġenza li jikkaratterizzaw il-ħidma tiegħu".

Pool Anti-Mafja[editja]

Fl-1980, twaqqaf pool magħmul minn erba' maġistrati. Falcone, Borsellino u Barrile bdew jaħdmu id f'id, taħt Chinnici. Iż-żgħażagħ huma l-forza li fuqha wieħed jista' jserraħ biex ibiddel mentalita' tal-poplu u l-maġistrati dan kienu jafuh. Riedu jċaqilqu l-kuxjenzi u jħossu madwarhom l-istima tal-poplu. Kemm Giovanni Falcone kif ukoll Paolo Borsellino dejjem fittxew li jkunu mal-poplu. Borsellino beda d-dibattiti fl-iskejjel, kien jieħu sehem fihom hu stess, ikellem liż-żgħażagħ fl-inkontri tagħhom biex jispjega u jeqred darba għal dejjem il-kultura mafjuża. Dan kompla jagħmlu sakemm miet biex b'hekk għamel miż-żgħażagħ protagonisti fil-ġlieda kontra l-mafja.

Nhar l-4 t'Awwissu 1983 bomba karozza qatlet lil Rocco Chinnici. Kienet daqqa ta' ħarta kbira għal Borsellino għax Chinnici kien għalih il-punt ta' riferement. Iżda flok Chinnici wasal f'Palermo il-maġistrat Caponnetto u allura l-pool ta' maġistrati seta' jissokta bil-ħidma u jikseb l-ewwel riżultati. Fl-1984, arrestaw lill-mafjuż magħruf Vito Ciancimino; u s-“super pentito” Tommaso Buscetta beda jikxef ix-xibka kumplikata tal-mafja.

Bdiet il-preparazzjoni tal-Maxiprocesso u nqatel il-Kummissarju Beppe Montana. Billi Falcone e Borsellino kienu f'periklu kbir ittieħdu fil-gżira ta' Asinara biex jikkonkludu l-aħħar atti qabel jibda l-proċess. Fil-bidu tal-maxiprocesso l-opinjoni pubblika bdiet tikkritika lill-maġistrati, l-iskorta u l-irwol ġdid tagħhom. Wara dan Borsellino laħaq Procuratore Capo tat-Tribunal ta' Marsala. Borsellino beda jgħix fil-kwartieri tal-carabinieri biex ma jpoġġiex fil-periklu lill-persuni tal-iskorta. Beda jgħinu Diego Cavaliero, maġistrat li miegħu ħadem ħafna u b'ħeġġa kbira. Borsellino kien eżempju kbir għaż-żagħżugħ Cavaliero. Beża' li hekk kif jintemm il-maxiprocesso tonqos l-attenzjoni lejn il-ġlieda kontra l-mafja, li kollox jerġa' lura għan-“normalita'” u għalhekk Borsellino beda jfittex iktar il-preżenza tal-Istat u jħeġġeġ lis-soċjetà ċivili biex ma tħallix li dan jiġri.

Lejn it-Tmiem[editja]

Il-mod tiegħu kif jaħdem, il-kariżma tiegħu u l-impenn tiegħu kien jittieħed; miegħu ingħaqdu bl-istess ħeġġa u kuraġġ diversi maġistrati żgħażagħ. Il-pentiti bdew jitkellmu u bdew jieħdu forma l-indaġni fuq il-konnessjonijiet bejn mafja u politika. Minn dak il-mument l-attakki fuq Borsellino ma waqfu qatt.

Sadattant Falcone, mar Ruma bħala direttore tal-affari penali biex jaħdem għat-twaqqif tas-Superprocura. Ħass il-bżonn li jinvolvi iktar lil politiċi importanti fil-ġlieda kontra l-mafja. Iżda f'Mejju 1992 ġrat l-i"Strage di Capaci" li fiha Giovanni Falcone nqatel mill-Mafja flimkien ma' martu u l-iskorta. It-telfa ta' Falcone lil Paolo Borsellino tatu wisq ġewwa; ir-rabta li kellu ma' Falcone kienet waħda qawwija u antika. Għal tant snin ħadmu flimkien, kielu flimkien u ċċajtaw flimkien. Ħajja speċjali, dik taż-żewġ ħbieb-maġistrati, mimlija passjoni u mħabba lejn art twelidhom. Żewġ karattri differenti, imma kumplimentari, wieħed iktar razzjonali u l-ieħor iktar passjonali, iżda t-tnejn li huma b'kariżma kbira, b'rieda qawwija u b'ispirtu eżemplari.

Dak iż-żmien Borsellino reġa' kien qed jaħdem f'Palermo u baqa' hemm minkejja li kien jaf li l-mument tiegħu ukoll ma kienx fil-bogħod. U kważi xahrejn wara, nhar id-19 ta' Lulju 1992 Borsellino mar sa Villagrazia biex jirrilassa daqsxejn. Mar bid-dgħajsa ma' wieħed mill-ftit ħbieb li kien baqagħlu. Wara l-ikel mar Palermo biex jakkumpanja lil ommu għal għand it-tabib. Imma splużjoni ta' karozza-bomba taħt id-dar ta' via D'Amelio neħħiet il-ħajja tal-imħallef Paolo Borsellino u erba' rġiel u mara tal-iskorta.

Kwotazzjonijiet[editja]

  • "Palermo ma kinitx togħġobni, għalhekk tgħallimt inħobbha. Għax l-imħabba vera tikkonsisti f'li tħobb dak li ma jogħġbokx biex tista' tbiddlu."
  • "Fi tmiem ix-xahar, meta nirċievi l-paga, nagħmel eżami tal-kuxjenza u nistaqsi lili nnifsi jekk inkunx ħdimt biżżejjed għaliha."
  • "Il-biża' huwa normali f'kull bniedem, l-importanti hu li miegħu jkun hemm ukoll il-kuraġġ. Wieħed ma jridx iħalli l-biża' jirkbu, inkella jsir ostaklu li ma jħallihx jimxi ‘l quddiem."

Ħoloq esterni[editja]