Ouija Board

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Il-ouija board hija logħba li allegatament biha tista' tikkomunika mal-ispirti. Ma teżisti l-ebda prova xjentifika li din il-logħba fiha xi qawwiet paranormali. Il-kelma ouija ġejja minn oui bil-Franċiż u ja bil-Ġermaniż, li t-tnejn ifissru "iva". Kienet ivvintata fl-1892 minn Isaac Fuld minn Baltimore fl-Istati Uniti. Fil-bidu tant ħolqot kontroversja dwar jekk setgħetx titqies bħala strument xjentifiku kif qalu l-okkultisti jew bħala sempliċi ġugarell li kellha tkun il-Qorti Suprema Amerikana li tiddeċiedi dwarha. Fil-fatt ġiet iddikjarata ġugarell u hekk għadha tinbiegħ minn Parker Brothers.

Il-ouija board tikkonsisti f'bord jew karta li jkollha mmarkat fuqha "yes" u "no", l-ittri tal-alfabett, u vleġġa li timmarka. Il-persuna tagħmel mistoqsija, ħafna drabi dwar il-futur tagħha. Allegatament, għax dan qatt ma ġie ppruvat, il-vleġġa tibda ddur weħidha u timmarka l-ittri. Jekk wieħed jgħaqqad l-ittri flimkien ikollu t-tweġiba ta' l-ispirtu. Ix-xjenzati ma jaċċettawx li l-ouija board tiċċaqlaq weħidha. Ħafna jsostnu li l-persuna nnifisha ċċaqlaqha involontarjament. Dan jispjegawh b'dak li jissejjaħ dissociative state. Ħafna drabi min jilgħab bil-ouija board ikun f'dan l-istat dissoċjattiv, jiġifieri ma jkunx f'sensih għal kollox. Dan jiġri wkoll iżda b'mod iktar estrem fl-ipnożi, fil-mard isteriku u fl-hekk imsejħa “split personalities”. Minħabba f'hekk il-persuna tibda temmen li l-vleġġa qiegħda ddur weħidha jew bl-għajnuna ta' l-ispirti ta' persuni mejtin, meta fil-fatt tkun qiegħda ċċaqlaqha bla ma tinduna.

F'Malta[editja]

Qatt ma sar studju fuq kemm hija pprattikata l-ouija board f'Malta. Iżda jidher li l-prattika tal-ouija board mill-istudenti fl-iskejjel Maltin qiegħda tiżdied. Dan wassal biex fis-snin disgħin psikologi u eżorċisti intervjenew f'numru mhux żgħir ta' każijiet. Il-fenomenu huwa mifrux fl-iskejjel sekondarji kemm statali kif ukoll privati u tal-Knisja, l-iktar minn Form III 'l fuq. Ħafna jibdew jipprattikawha bħala logħba jew avventura iżda din tista' tkun logħba perikoluża. Il-perikli jvarjaw minn konsegwenzi psikoloġiċi fuq min jipprattikaha sa ossessjoni bl-okkult u anke involviment fis-sataniżmu. Il-psikologi qegħdin jiltaqgħu ma' ħafna każijiet ta' persuni li lagħbu mal-ouija board li huma maħkumin minn sens kbir ta' biża'.