Opossum ta' denbu sufi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Opossum ta' denbu sufi
G. venusta.JPG
Opossum ta' denbu sufi (Glironia venusta)
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Chordata
Klassi: Mammalia
Sottoklassi: Theria
Infraklassi: Metatheria
Superordni: Ameridelphia
Ordni: Didelphimorphia
(Gill, 1872)
Familja: Didelphidae
(Gray, 1821)
Sottofamilja: Glironiinae
(Hershkovitz, 1992)
Ġeneru: Glironia
(Thomas, 1912)
Speċi: G. venusta
Isem binominali
Glironia venusta
(Thomas, 1912)
Firxa Glironia venusta.PNG
Firxa tal-Opossum ta' denbu sufi

L-Opossum ta' denbu sufi, magħruf xjentifikament bħala Glironia venusta, huwa mammiferu marsupjal notturn, tal-familja Didelphidae, fl-ordni Didelphimorphia nattiv tal-kontinent tal-Amerika t'Isfel.

Dan huwa speċi ta' opossum b'morfoloġija addatata għal ħajja fis-siġar u dejjem insab jgħix f'abitat ta' foresti tax-xita (jew pluvjali) f'elevazzjonijiet ta' bejn 300 u 1000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.

Deskrizzjoni[editja]

L-Opossum ta' denbu sufi għandu l-pil kannella fl-oranġo, b'żewġ linji suwed fuq rasu madwar l-għajnejn għal fuq l-imnieħer li jiffurmaw maskra u linja oħra griża tifred lil dawn it-tnejn minn fuq l-imnieħer sal-widnejn bla pil lewn kannella skur fl-iswed. Glironia venusta adult jikber bejn 16 u 20.5 ċentimetri eskluż id-denb li jkun ġeneralment itwal mil-ġisem b'tul ta' bejn 19.5 u 20.5 ċentimetri. Uniku fost l-opossumi dan il-marsupjal għandu denb sufi u peluż ħafna kważi mat-tul kollu tiegħu, kemm man-naħa ta' fuq kif ukoll mal-ġnub u dan il-fattizz partikolari jintuża fl-isem komuni ta' din l-ispeċi.

Dan l-opossum huwa annimal omnivoru u d-dieta prinċipali tikkonsisti minn frott, nettari, insetti, bajd u annimali vertebrati u invertebrati żgħar oħrajn.

Distribuzzjoni[editja]

Minn dan l-opossum rari inqabdu disa' eżemplari biss u l-aħħar wieħed kien maqbud fl-1989 (Tarifa u Anderson, 1997). Dan għandu distribuzzjoni ristretta u l-eżemplari kollha inqabdu fil-foresta tax-xita (jew pluvjali) tal-Amażonja fil-Bolivja, il-Brażil, l-Ekwador u l-Peru.

Riproduzzjoni[editja]

Ftit li xejn hemm informazzjoni dwar ir-riproduzzjoni ta' Glironia venusta, ħlief li l-organi riproduttivi huma simili tal-opossumi tal-ġeneru Caluromys. Il-mara għandha 4 mammae (sidra jew żejżiet) u dan juri li l-botna huma anqas numerużi minn dawk tal-biċċa l-kbira tal-possumi tas-sottofamilja Didelphinae. L-Opossum ta' denbu sufi mhuwiex mgħammar b'marsupju u dan jindika li l-frieħ sakemm jiżviluppaw dawn jinżammu imqabdin mal-pil fuq in-naħa taż-żaqq tal-omm.

Klassifikazzjoni[editja]

Dan il-ġeneru huwa monotipiku (jiġifieri huwa rappreżentat bi speċi waħda biss) u l-klassifikazzjoni tiegħu mhijiex mija fil-mija. Meta jkun ikklassifikat fil-familja Didelphidae, f'uħud mil-klassifikazzjonijiet ikun għalih waħdu fis-sottofamilja Glironiinae:

Fi klassifikazzjonijiet oħrajn ikun parti mis-sottofamilja Caluromyinae flimkien mal-opossumi sufin:

Fi skemi oħrajn kemm-il darba jiġi kklassifikat fil-familja Caluromyidae (is-sottofamilja Caluromyinae elevata f'livell ta' familja):

Fil-familja Glironiidae (is-sottofamilja Glironiinae elevata f'livell ta' familja) jinsab għalih waħdu:

Referenzi[editja]

Ħoloq esterni[editja]