Michael Jackson

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Jackson (2003)

Michael Joseph Jackson (29 ta' Awissu 1958 - 25 ta' Ġunju 2009), magħruf aħjar bħala Michael Jackson, kien mużiċista mill-Istati Uniti.

Tfulija[editja]

Michael Joseph Jackson twieled f’Gary, Indiana, li jagħmel parti minn Chicago fl-Istati Uniti tal-Amerika, f’familja ta’ ħaddiema. Il-ġenituri tiegħu, Joe u Katherine, it-tnejn Afro-Amerikani, iżżewġu fl-1949. Kellhom familja kbira ta’ disa’ ulied – tlett ibniet u sitt subien: Rebbie, Jackie, Tito, Jermaine, La Toya, Marlon, Michael, Randy u Janet. L-ewwel tmienja twieldu bejn l-1950 u l-1961. Janet ġiet ħames snin wara. Michael trabba bħala Xhud ta’ Ġehovah, setta Kristjana, minn ommu Katherine, mara devota ħafna.

Il-kantant kien jibża’ ħafna minn missieru li kien strett wisq u juża ċ-ċinturin fuq uliedu meta jagħmlu xi ħaġa ħażina, xi ħaġa meqjusa normali f’dawk iż-żminijiet. “Missieri kien jaqbad miegħi, xi ħaġa li kont nobgħod u li minħabba fiha kont nibki kuljum. Kien hemm żminijiet li meta kien jiġi jarani kont inħossni ma niflaħx u nibda nirremetti,” kien stqarr lil Oprah Winfrey fl-1993.

Iżda kien ukoll grazzi għal missieru li Michael u ħutu kisbu l-fama. Fil-ħamsinijiet hu kien idoqq l-R&B ma’ ħuh f’band, The Falcons, li ma damitx wisq. Sakemm twieldet oħthom iż-żgħira, it-tliet subien il-kbar – Jackie, Tito u Jermaine – kienu diġà bdew il-grupp tagħhom. Michael u Marlon daħlu fih iktar tard. Missierhom ra opportunità ta’ karriera mużikali fihom li f’tiegħu ma rnexxietx u ma’ uliedu kien għalliem aħrax u kien iġegħilhom jippruvaw il-kanzunetta b’intensità kbira.

Jackson 5[editja]

Meta Jackson kellu għaxar snin il-Jackson 5 diġà kienu jdoqqu fuq livell professjonali u jduru l-klabbs. Hu beda jkanta magħhom minn mindu kellu sitt snin. Ta’ tmien snin sar il-kantant ewlieni flimkien ma’ ħuh Jermaine. F’wieħed minnhom rahom il-produttur Bobby Taylor lil ħeġġeġ lil Motown biex jagħmel kuntratt magħhom. Berry Gordy, il-fundatur ta’ Motown, kien qal li huma kienu l-aħħar stilel li ħadem magħhom. Gordy iktar tard sar il-kunjatu ta’ Jermaine ukoll.

Il-grupp għamel suċċess minnufih b’erba’ kanzunetti li telgħu fl-ewwel post. Permezz tagħhom kisbu ħafna ammiraturi kif ukoll programm fuq it-televixin. Iżda kellhom prezz xi jħallsu għaliex is-suċċess wara sar piż.

F’nofs is-sebgħinijiet il-grupp, minbarra Jermaine, imxew għal mal-Epic Records li rrekordjaw magħhom żewġ albums u d-diska ‘Enjoy Yourself’.

F’dawk iż-żminijiet Michael diġà kien beda jispikka. Il-produtturi tal-Epic Records, Gamble u Huff, jiftakruh jieħu interess fl-irrekordjar tat-teknoloġija u kif jinstema’. Għalihom li fl-1979 ħareġ għal rasu Off the Wall ma’ Quincy Jones bħala produttur kienet mossa tajba.

Lejn il-quċċata tal-karriera mużikali[editja]

B’‘Off the Wall’ ma’ Quincy Jones biegħ 20 miljun kopja madwar id-dinja u permezz tiegħu Jackson rebaħ tliet premji importanti. Minkejja s-suċċes il-kantant ħass li xorta seta’ jagħmel ħoss akbar.

Fl-1982 wara li ħareġ id-diska ‘Someone in the Dark’ għall-film E.T the Extra-Terrestrial li biha kiseb Grammy għall-Aħjar Album għat-Tfal. Fl-istess sena ħareġ ‘Thriller’ u kiseb suċċess ta’ barra minn hawn. Il-kanzunetta damet fl-ewwel post għal 37 ġimgħa u fil-quċċata tas-suċċess biegħ miljun kopja fil-ġimgħa. Sal-lum id-diska biegħet mal-mitt miljun kopja madwar id-dinja u hija l-aktar waħda li nbiegħet fl-istorja tal-mużika pop. Il-vidjow tagħha, twil erbatax-il minuta, witta t-triq għal vidjows mużikali li ġew warajh inkluż ‘Scream’, li kien ħadem ma’ oħtu Janet fl-1995 li sewa $7 miljun u probabbli hu l-aktar vidjow li sewa flus. Is-suċċess tiegħu tista’ tgħid wassal għall-falliment tiegħu għax l-album ‘History’, li biegħ seba’ miljun kopja, tqies li kien falla.

Fl-1983 iddebutta ż-żifna magħrufa tiegħu ‘Moon Walk’ fil-programm televiżiv ‘Motown 25: Yesterday, Today, Forever’. Sena wara rebaħ tmien Grammy’s u beda l-Victory Tour ma’ ħutu. F’dan iż-żmien għamel ħbieb ma’ Paul McCartney. Fl-1987 ħareġ l-ewwel album ‘Bad’ li għamel suċċess kbir iżda b’inqas bejgħ minn ‘Thriller’. Fl-2008 l-album laħaq biegħ it-30 miljun kopja madwar id-dinja. It-tour tal-album dam sentejn u ta 123 kunċert quddiem 4.4 miljun ruħ. It-tfal żvantaġġjati kienu jitħallew jidħlu b’xejn u mill-qligħ kien jagħti ħafna donazzjonijiet lill-isptarijiet u orfanatrofji.

Fl-1988 ħareġ l-ewwel awtobijografija tiegħu: ‘Moon Walk’ li ħadet erba’ snin biex titlesta. Il-laqam King of Pop ingħatalu fl-1989 minn ħabibtu l-attriċi Liz Taylor meta kien qed jagħmel ħafna flus mill-bejgħ tal-albums biss.

Il-kulur tal-ġilda u operazzjonijiet[editja]

Jingħad li l-ewwel operazzjoni li għamel kien f’imnieħru meta kellu xi għoxrin sena wara li kissru waqt li kien jiżfen. L-operazzjoni ma kinitx ta’ suċċess għax baqa’ jbati bi problemi tan-nifs. Għalhekk baqgħu jsirulu l-operazzjonijiet fuq imnieħru. Wara saret anki bidla f’geddumu, fil-forma tax-xagħar t’għajnejh, f’xufftejh u ħalqu u li hu jgħid li kienu riżultat tal-pubertà, telf ta’ piż, dieta stretta, bidla fl-istil tax-xagħar u dwal fuq il-palk.

Ħafna jsostnu li l-kantant għamel operazzjoni kożmetika biex jiċċara l-ġilda għalkemm hu jsostni li l-kulur tal-ġilda nbidel minħabba l-marda vitilgo li qabditu fl-1986 li hi marda kronika li biha l-ġilda tiċċara (depigmentation) u li għamlitu sensittiv għax-xemx.

Mewtu[editja]

Lisa-Marie Presley li għamlet sentejn miżżewġa ma’ Jackson qalet li hu kien jaf li ħajtu se tintemm bħal ta’ missierha Elvis Presley, li wkoll kien miet b’attakk f’qalbu tort ta’ pilloli preskritti iżda fl-età ta’ 42 sena.

“Ridt ‘insalvah’ minn dak li kien inevitabbli li għadu kif ġara. Anki familtu u min kien iħobbu xtaq ‘isalvah’ imma ħadd ma kien jaf kif… “Kellu forza dinamika li ma kienx ta’ min ma jagħtix kasha. Meta kien jużaha fit-tajjeb kienet toħroġ l-aħjar tagħha iżda meta kien jużaha ħażin ir-riżultat kien ikun ħażin ħafna… “Għejjejt emozzjonalment u spiritwalment nipprova nsalvah minn imġiba distruttiva… Kont mgħaddsa f’din il-kwistjoni imma jien kelli nieħu ħsieb lil uliedi wkoll. Għalhekk kelli nieħu l-aktar deċiżjoni diffiċli: li nitilqu għal xortih anke jekk kont inħobbu u ppruvajt inwaqqfu.” “Jien fortunata li kont ersaqt daqshekk viċin tiegħu u li qattajt dawk is-snin miegħu. Nispera li issa jitneħħa mit-tbatija, pressjoni u l-inkwiet. Ħaqqu jkun ħieles minn kollox u nispera li qiegħed f’post aħjar.”

Filwaqt li kien qed iħejji għall-kunċert This Is It fl-2009, Jackson miet nhar il-25 ta’ Ġunju fl-eta ta’ ħamsin sena, b’attakk f’qalbu. Jidher li kienu ġew amministrati lilu mediċini qawwija bħall-propofol u l-lorazepam, u hemm min jgħid li nqatel mit-tobba. Iċ-ċerimonja tal-funeral tiegħu ixxandret dirett fuq it-televixin mad-dinja kollha, u b’kollox rawha madwar biljun ruħ.