Membru tal-Parlament Ewropew

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Membru tal-Parlament Ewropew (MPE), Ewrodeputat jew Ewroparlamentari huwa persuna li ġie elett għall-Parlament Ewropew. Meta l-Parlament Ewropew ġie stabbilit, MPE kien maħtura mill-istati membri minn membri tal-parlament nazzjonali tagħhom. Madanakollu, mill-1979 MPE bdew jiġu eletti b'suffraġju universali. Kull stat membru jistabbilixxi l-mod kif jiġu eletti l-MPE tiegħu u f'ċerti pajjiżi s-sistema elettorali nbidlet matul ż-żmien u f'diversi raġjuni. Attwalment l-istati kollha jużaw is-sistema proporzjonali.

Elezzjoni tal-MPE[editja]

Mill-1 ta' Jannar 2007, meta r-Rumanija u l-Bulgarija ngħaqdu fl-UE, kien hemm 785 MPE; in-numru niżel għal 736 fl-aħħar elezzjonijiet tal-2009, għalkemm dan se jikber għal 751 bi dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona li ta lill-Parlament poteri leġiżlattivi ġodda. Kull stat għandu minn tal-inqas sitt deputati bil-massimu jkun ta' 96. L-elezzjonijiet isiru darba kull ħames snin fuq il-bażi ta' suffraġju universali. M'hemm l-ebda sistema ta' votazzjoni uniformi għall-elezzjoni tal-MPE; kull stat membru huwa ħieles li jadotta s-sistema tiegħu, suġġett għal tliet restrizzjonijiet:

L-allokazzjoni tas-siġġijiet għal kull stat membru huwa bbażat fuq il-proporzjonalità digressiva, b'tali mod li filwaqt li d-daqs tal-popolazzjoni ta' kull pajjiż jiġi kkunsidrat, stati iżgħar jeleġġu iktar deputati Ewropej minn dak li huma strettament ġustifikati mill-popolazzjoni tagħhom biss. Minħabba li n-numru ta' MPE mogħti lil kull stat membru kiber minn negozjati ta' trattati, m'hemm l-ebda formola speċifika għal ħatriet ta' siġġijiet. Ma tista' ssir l-ebda bidla minn dan l-aspett mingħajr il-kunsens unanimu tal-gvernijiet nazzjonali kollha.

L-iktar elezzjonijiet riċenti għall-Parlament Ewropew kienu l-elezzjonijiet tal-2009 li saru f'Ġunju ta' dik is-sena. Dawn kienu l-ikbar elezzjonijiet transnazzjonali li qatt saru fl-istess ħin madwar id-dinja, hekk kif madwar 500 miljun ċittadin kienu eleġibbli għall-vot.

Mandat[editja]

Il-Parlament Ewropew għandu turnover għoli ta' membri kkumparat ma' ċerti parlamenti nazzjonali. Per eżempju, wara l-elezzjonijiet tal-2004, il-maġġoranza ta' membri eletti kienu qed iservu għall-ewwel darba u ma kellhomx esperjenza preċedenti, għalkemm dan jista' jiġi attribwit għat-tkabbir riċenti li seħħ. Wieħed biss, Hans-Gert Pöttering, kompla jkopri r-rwol b'kontinwità mill-ewwel elezzjonijiet tal-1979.

MPE fil-Parlamenti[editja]

L-Ewroparlamentari kollha, minbarra 27, jiffurmaw parti minn gruppi politiċi transnazzjonali, organizzati skont l-alleanza politika. Per eżempju, il-MPE tal-Partit Laburista Irlandiż u l-Partit Soċjalista Franċiż huma membri tas-Soċjalisti u Demokratiċi filwaqt li l-MPE tal-Partit Moderat Żvediż u l-Unjoni Kristjana Demokratika Ġermaniża huma membri tal-Partit Popolari Ewropew.

Il-MPE fil-Parlament huma organizzati f'seba' gruppi parlamentari differenti, fosthom madwar tletin membru li mhumiex affiljati. L-akbar żewġ gruppi huma l-Partit Popolari Ewropew (PPE) u s-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D). Dawn it-tnejn ilhom jiddominaw il-parlament mill-bidu tiegħu, u bejniethom iżommu kontinwament bejn 50% u 70% tat-total tas-siġġijiet. L-ebda grupp qatt ma żamm maġġoranza fil-Parlament. Id-dixxiplina fi ħdan il-grupp hija ġeneralment iktar laxka minn dik f'parlamenti nazzjonali, fejn id-delegazzjonijiet nazzjonali jew il-membri individwali xi drabi jmorru kontra l-linja espressa mill-grupp fuq ċerti argumenti. Barra minn hekk, il-pożizzjoni meħuda minn grupp fuq kwalunkwe materja trid tiġi determinata minn diskussjoni fil-grupp stess u mhix kundizzjonata fuq id-direzzjoni tal-partit.

Minbarra l-ħidma fil-grupp, il-membri individwali huma garantiti wkoll minn numru ta' poteri u drittijiet individwali fil-Parlament:

  • id-dritt li jipproponu mozzjoni għal riżoluzzjoni;
  • id-dritt li jpoġġu mistoqsijiet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, u għall-kapijiet tal-Parlament;
  • id-dritt li jipproponu modifiki lil kwalunkwe test fil-kumitat;
  • id-dritt li jagħtu spjegazzjonijiet ta' vot li ħadu;
  • id-dritt li jipproponu ordi tal-ġurnata;
  • id-dritt li jipproponu l-inammissibbiltà ta' argument.

Osservaturi[editja]

Hija tradizzjoni li pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea jibgħatu numru ta' osservaturi għall-Parlament qabel id-dħul uffiċjali. In-numru ta' osservaturi u l-metodu tal-ħatra tagħhom (ħafna drabi ssir mill-parlamenti nazzjonali) huma stipulati fit-Trattati ta' Aċċess tal-pajjiż li se jingħaqad.

L-osservaturi jistgħu jattendu dibattiti u jieħdu sehem wara stedina, imma ma jistgħux jivvutaw jew jeżerċitaw dmirijiet oħra uffiċjali. Meta l-pajjiż isir stat membru sħiħ dawn l-osservaturi isiru MPE sħaħ għall-perjodu bejn is-sħubija u l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss. Mis-26 ta' Settembru 2005 u l-31 ta' Diċembru 2006, il-Bulgarija kellha 18-il osservatur fil-Parlament u r-Rumanija kellha 35. Dawn ġew magħżula mill-gvern u l-partiti tal-oppożizzjoni kif stabbilit mill-parlamenti nazzjonali. Wara s-sħubija uffiċjali fl-1 ta' Jannar 2007, l-oservaturi saru MPE (b'xi bidliet fil-persunal).

Ħoloq esterni[editja]