Mata Hari

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Mata Hari fl-1910

Mata Hari, psewdonimu ta' Margaretha Geertruida Zelle (Leeuwarden, 7 ta' Awwissu 1876Vincennes, 15 ta' Ottubru 1917) kienet żeffiena u aġent sigriet Olandiża, ikkundanata għall-piena kapitali għall-attività tagħha ta' spjunaġġ matul l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Bijografija[editja]

Margaretha u Rudolph MacLeod fl-1897

Margaretha Zelle twieldet fil-familja ta' Adam (1840–1910) u Antje van der Meulen (1842–1891), u kellha tliet ħutha, il-kbir, Johannes (1878), u l-aħwa tewmin, Arie Cornelius u Anne (1881–1956). Kellha karnaġġjon samrani, xagħarha u għajnejha suwed u għalhekk kienet tidher differenti min-norma tan-nies Olandiżi. Missierha kellu ħanut tal-kpiepel u kien il-proprjetarju ta' mitħna u ta' razzett. Il-familja tiegħu setgħet tgħix b'kumdità kbira f'bini antik u sabiħ f'Groote Kerkstraat, fiċ-ċentru tal-belt, u Margaretha kienet tattendi skola prestiġjuża.

Fl-1889, in-negozju ta' missierha tant beda sejjer ħażin li kellu jbiegħu. L-inkwiet finanzjarju ġab ukoll miegħu inkwiet fil-familja tant li fl-4 ta' Settembru, 1890, wassal għas-separazzjoni tal-ġenituri tagħha. Missierha mar joqgħod Amsterdam u ommha mietet is-sena ta' wara. Margaretha trabbiet fil-belt ta' Sneek ma' parrinuha li ħajjarha tistudja biex issir għalliema fi crèche f'Leiden. Jidher li d-direttur tal-iskola, kien jagħtiha ħafna attenzjoni żejda, jekk mhux fastidju, u dan ġiegħel lil parrinuha li jneħħiha mill-iskola u jibgħatha toqgħod ma' ziju f'Den Haag.[1][2][3]

Fl-1895, ta' tmintax-il sena, Margaretha wieġbet għal proposta li dehret fuq gazzetta lokali fuq raġel li kien qiegħed ifittex mara. Dan kien il-Kaptan tal-Armata Kolonjali Olandiża Rudolph MacLeod (1856–1928), li kien qiegħed jgħix Amsterdam, wara li kien ingħata l-liċenzja għall-konvalexxenza mill-kolonja Olandiża tal-Indoneżja billi kien marid bid-dijabete u r-rewmatiżmu. Fil-11 ta' Lulju, 1896, Margaretha żżewġet lil Mac Leod wara li kienet kisbet il-kunsens ta' missierha, għalkemm dan ma marx it-tieġ. Wara l-honeymoon f'Wiesbaden, il-koppja marret toqgħod Amsterdam, f'dar oħt Rudolph, Louise.

Fl-Indoneżja[editja]

It-tifla Jeanne Louise

Fit-30 Jannar, 1897, Margaretha wieldet tifel, li semmewh għal missier missieru, Norman John. F'Mejju, il-familja ttrasferiet lejn Ġava, fejn il-kaptan kellu jkompli s-servizz fir-raħal ta' Ambarawa, fiċ-ċentru tal-gżira. Is-sena ta' wara marru joqgħodu Teompoeng, qrib Malang, fejn fit-2 ta' Mejju, 1898, twieldet Jeanne Louise, li kienet tissejjaħ "Non", minn "nonah" li bil-Maliż tfisser "iż-żgħira".

Il-ħajja fil-familja ma kinitx hienja: kien hemm il-ġlied bejn iż-żewġ miżżewġin, kemm minħabba l-ħruxija tal-ħajja fl-irħula li ma kellhomx il-kumditajiet tal-bliet moderni Ewropej ta' dak iż-żmien, kif ukoll minħabba l-għira tar-raġel u t-tendenza tiegħu li jabbuża x-xorb.[4] Is-sena ta' wara r-raġel laħaq maġġur u kmandant tar-reġjun ta' Medan fuq il-kosta tal-Lvant ta' Sumatra. Bħala l-mara tal-kmandant, Margaretha kella d-dmir li tistieden id-dar l-uffiċjali l-oħra mal-familji tagħhom u saret taf in-nies importanti tal-post. Wieħed minnhom stedinha biex tara għall-ewwel darba ż-żfin lokali ġewwa tempju. Dan tant affaxxinaha bil-ġdudija eżotika tal-mużika u tal-movimenti li ppruvat timitah.

Il-familja sofriet minn xokk qawwi bit-traġedja tal-mewt taċ-ċkejken Norman, li fis-27 ta' Ġunju, 1899, miet avvelenat. Il-kawża tal-mewt kienet xi mediċina li seftura indiġena tat lit-tfal tal-koppja, imma m'hemm l-ebda prova li din riedet toqtolhom, iżda kien hemm suspett li żewġha, li kien subaltern taħt il-Maġġur Mac Leod, kien ġiegħelha tagħmel hekk biex ipattiha lil ta' fuqu għal xi kastig li kien tah. Rudolph, Margaretha u ċ-ċkejkna Non, biex jitbegħdu minn fejn tant kellhom memorji ta' niket, irnexxielhom jittrasferixxu għal Banjoe Biro fuq il-gżira ta' Ġava, fejn Margaretha mardet bit-tifu. Il-maġġur Mac Leod, laħaq l-età tal-pensjoni u fit-2 ta' Ottubru, 1900, iritira mill-armata: wara ftit iktar minn sena f'Ġava, fir-raħal ta' Sindanglaja, forsi minħabba t-talbiet ta' martu, fil-bidu tal-1902 ħa l-familja lura lejn l-Olanda.

Pariġi[editja]

Meta waslu l-Olanda fit-2 ta' Marzu, 1902, reġgħu marru joqgħodu għal żmien qasir ma' Louise Mac Leod f'Amsterdam u mbagħad marru joqgħodu waħidhom f'appartament f'van Breestraat. Mac Leod telaq lil martu u ħa t-tifla miegħu u Margaretha talbet is-separazzjoni li ngħatietilha fit-30 ta' Awwissu, flimkien mat-trobbija ta' bintha Non u d-dritt għall-alimenti. Wara rikonċiljazzjoni qasira Margaretha u żewġha nfirdu għal dejjem, din id-darba kien il-missier li kiseb il-kustodja tat-tifla, filwaqt li Margaretha marret toqgħod għand zijuha f'Den Haag.

Il-wirja fil-Mużew Guimet f'Pariġi, 13 ta' Mar 1905

Margaretha kienet determinata li tipprova esperjenza ġdida f'belt kbira, u f'Marzu tal-1903 marret Pariġi, fejn hemmhekk ma kienet taf 'il ħadd. Ippruvat tgħix billi tagħmilha ta' mudella għal xi pitturi u tfittex xi xogħol fit-teatri iżda b'riżultati diżappuntanti u forsi waslet ukoll għall-prostituzzjoni, bit-tama vojta ta' suċċess.[5] Meta l-isforzi kollha tagħha fallew iddeċidiet li tmur lura l-Olanda, iżda s-sena ta' wara, fl-24 ta' Marzu, 1904, marret lura Pariġi u qagħdet fil-Grand Hotel. Margaretha, li fil-fatt kienet tgħallmet tirkeb iż-żiemel fi żmien li kienet Ġava, marret tkellem lil ċertu Sur Molier, sid ta' ċirklu u ta' skola tal-ekwitazzjoni, u offriet li taħdem miegħu. Hu aċċetta l-proposta tagħha u għamlet suċċess. Lejl minnhom dehret waqt festa fid-dar ta' Molier f'żifna Ġavaniża (jew xi ħaġa tixbaħha) u Molier baqa' entużjast bl-esebizzjoni tagħha.

Id-debutt veru tagħha sar fi Frar tal-1905 fid-dar tal-kantant Kiréevsky, li kien jistieden lil ħbiebu għonja u lil dawk li kien jaf għal spettakli għall-karità. Tant għamlet suċċess li l-gazzetti bdew jiktbu fuqha. Lady Mac Leod, kif bdiet issejjaħ lilha nnifsha, irrepetiet l-istess suċċess f'spettakli oħra li kienu jsiru fi djar privati, fejn kien iżjed faċli li tneħħi l-velijiet tal-kostum tagħha, u l-fama tagħha bħala ż-"żeffiena li ġejja mil-Lvant" bdiet tinfirex ma' Pariġi kollha.

Ċertu wieħed Monsieur Guimet, industrijalista u kollezzjonista tal-arti Orjentali, taha proposta sabiex tidher bħala ġojjell Orjentali animat fil-Mużew Guimet fil-Place de Jéna, fejn kien iżomm is-sejbiet prezzjużi tiegħu. Però biex tagħmel dan kellha tbiddel isimha, li kien wisq borgiż u Ewropew. Guimet għażel l-isem ta' oriġni Maliż ta' Mata Hari, "Għajn iż-Żernieq". L-esebizzjoni ta' Mata Hari fil-Mużew Guimet saret fit-13 ta' Marzu.[6]

Mata Hari kienet daqqa tagħmel rappreżentazzjonijiet miżmuma fid-djar esklussivi tal-aristokratiċi u l-finanzieri u daqqa oħra tagħmel spettakli fil-postijiet prestiġjużi ta' Pariġi: il-Moulin Rouge, it-Trocadero, il-Café des Nations, iżda s-suċċess ġab miegħu kurżità kbira dwar ħajjitha u kien hemm bżonn li l-immaġni privata tagħha ssir taqbel mal-immaġni pubblika. Lill-ġurnalisti, tagħthom taħlita ta' daqsxejn verità ma ħafna gideb: "Twelidt Ġava u għext hemm għal numru ta' snin" [ ... ] "Issograjt ħajti biex nidħol fit-tempji sigrieti tal-Indja [ ... ] rajt iż-żeffiena mqaddsa jiżfnu quddiem l-idoli ewlenin ta' Xiva, Visnù u tal-alla mara Kalì [ ... ] anki l-qassisin fanatiċi li jgħassu l-altar tad-deheb, iddedikat lill-aktar terribbli mill-allat, ħasbuni żeffiena tat-tempju [ ... ] Il-vendetta tal-qassisin Buddisti għal dawk li jipprofanaw ir-riti [ ... ] hi terribbli [ ... ] naf sewwa l-Ġange, il-Benares, għandi demm Induist fil-vini".

Suċċess internazzjonali[editja]

Mata Hari

Wara l-wirja fit-teatru Olympia fit-8 ta' Awwissu 1905, Mata Hari ġiet inkurunata bħala "il-mara li hija żifna hi stess"[7], "artista sublimi"[8], u bħala dik li "rnexxiela tagħti s-sens u l-uġigħ l-iżjed profond tal-ispirtu Indjan" [9] u sabet ruħha mfittxija kemm mit-teatri ewlenin Ewropej kif ukoll minn ħafna rġiel għonja u nobbli biex jiżżewġuha. Id-dawra li għamlet Spanja f'Jannar tal-1906, kienet trijonf kbir. Billi tissodisfa l-fantasija inġenwa u mħawda, mibnija fuq ir-realtà ta' pajjiżi mhux magħrufin, Mata Hari kienet toffri l-ispettaturi dak kollu li kienu jistennew miż-żfin tagħha: il-faxxinu projbit tal-erotiżmu u s-safa tal-axxetiżmu, f'sinkretiżmu assurd, fejn l-għerf ġentili ta' Buddha kien meqjus ekwivalenti għar-riti imdemmin – li fil-fatti ma jeżistux – ta' allat nisa Indusiti tal-biża'.

Min-naħa l-oħra, jidher li hija kellha ċertu talent għax iż-żfin tagħha fil-ballett bil-mużika ta' Jules Massenet, Le Roi de Lahore, fit-teatru tal-opra ta' Monako fis-17 ta' Frar kellu suċċess kbir u hi ġiet imfaħħra bħala "żeffiena unika u sublimi" [10] waqt li l-kompożitur Franċiż tal-ballett, kif ukoll Giacomo Puccini, stqarru li kienu ammiraturi tagħha.

Minn Monako marret Berlin, fejn saret taf uffiċċjal għani, Hans Kiepert, li mar magħha Vjenna u mbagħad Londra u l-Eġittu. Sadanittant, ġew ippubblikati żewġ bijografiji tagħha, waħda miktuba minn missierha, [11] li fiha lil bintu tellagħha s-sema aktarx biex jonfoħ lilu nnifsu billi ivvinta stejjer li kien jiġi minn rejiet u prinċpijiet, u oħra b'intenzjoni opposta,[12] ta' George Priem, avukat ta' żewġha. Mata Hari, naturalment, ikkonfermat il-verżjoni ta' missierha; dak li qabel kien jagħmel il-kpiepel kien uffiċċjal nobbli, filwaqt li nannitha kienet prinċipessa Ġavaniża, waqt li hi kienet ivvjaġġat mal-kontinenti kollha u kienet għexet żmien twil New Delhi, fejn kienet ħabiba ta' maħaraġa u qatlet it-tigri, kif kienet turi l-fer li kienet tilbes – li fil-fatt kienet xtrat minn ħanut f'Lixandra.

Is-suċċess ipprovoka wkoll imitazzjonijiet iżda l-ebda waħda mill-imitaturi qatt ma laħqet il-fama tagħha. Isimha kien imqabbel ma' dak tal-vedettes tal-imgħoddi, bħal Lola Montez, u ta' żmienha, bħal Bella Otero, Cléo de Mérode u Isadora Duncan. Fis-7 ta' Jannar 1910 f’Monte Carlo qagħlet tifħir ġdid għaż-żifna tagħha Danse du feu li ma reġgħetx żifnet fl-Olympia f'Pariġi għall-unika raġuni li l-ispejjeż kienu eċċessivi. Is-suċċess żied b'mod konsiderevoli l-ispejjeż meħtieġa biex iżżomm il-ħajja soċjali bla għeda, u kien darba biss li kienet għamlet waqfa qasira meta fis-sajf marret toqgħod f'kastell f'Esvres, mhux bogħod minn Tours, li l-maħbub ġdid tagħħa il-bankier Félix Rousseau poġġa għad-dispożizzjoni tagħha. Minn hemm marret f'proprjetà oħra tal-finanzier, villa lussuża f'Neuilly, viċin ta' Pariġi.

Fl-aħħar tal-1911 laħqet il-quċċata tar-rikonoxximent artistiku billi f'La Scala ta' Milan, ħadet sehem fl-ewwel rappreżentazzjoni ta' Armida ta' Gluck, meħuda minn Gerusalemme liberata ta' Torquato Tasso, u rreċtat il-parti tal-Pjaċir imbagħad, mill-4 ta' Jannar 1912 kienet f'ħames rappreżentazzjonijiet tal-Bacco e Gambrinus, ballett ta' Giovanni Pratesi bil-mużika ta' Romualdo Marenco, fejn kellha l-parti ta' Venere. Id-direttur tal-orkestra Tullio Serafin stqarr li Mata Hari "hija mara eċċezzjonali, eleganti u perfetta b'sens poetiku mwieled fiha, barra minn hekk taf xi trid u taf kif tiksbu. Għalhekk żgur li ż-żfin tagħha tagħmlu opra tal-arti".[13]

Fil-fatt, it-teatru Milaniż kien għaddej minn perjodu ta' dekadenza u t-tentattivi magħmula dak iż-żmien minn Mata Hari biex tinkiseb il-kooperazzjoni ta' mużiċisti bħal Umberto Giordano u Pietro Mascagni kienu għalxejn, bħal ma kien ukoll it-tentattiv biex tidher mal-ballerini Russi tal-kumpanija ta' Djagilev. Mata Hari allura stabret bil-Folies Bergères, fejn warrbet għal mument iż-żfin orjentali u saret żingara. Fis-sajf tal-1913, marret dawra mal-Italja u dehret f'Ruma, Napli u Palermo. Kien hemm raġuni, kienet tgħid, għaliex kienet tant taf tajjeb iż-żfin Spanjol: bħala tfajla kienet iżżewġet lil nobbli Skoċċiż, u kienet tgħix f'kastell antik; wara li falla ż-żwieġ tagħha, ivvjaġġat ħafna u fit-tul ma' Spanja, fejn torero, li kien iħobbha, qatel ruħu b'idejh fl-arena, iddisprat li hi ma kinitx tħobbu.

Fl-1914, marret Berlin biex tħejji spettaklu ġdid li fih kellha l-ħsieb li tinterpreta żifna Eġizzjana fil-kamra tagħha fil-lukanda Cumberland. Kitbet hi stess il-librett tal-ballett li semmiet Il-Kimera. Sadanittant stenniet li f'Settembru kienet sejra tidher fit-Teatru Metropole f'spettaklu ieħor. Imma dan l-ispettaklu qatt ma seħħ: l-assassinju tal-prinċep ereditarju Awstrijakk temm il-Belle Epoque u bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Il-gwerra u l-ispjunaġġ[editja]

Filwaqt li l-armata Ġermaniża kienet qiegħdha tinvadi l-Belġju biex twettaq l-operazzjoni tagħha li tagħlaq il-forzi armati Franċiżi u ttemm il-gwerra malajr, Mata Hari kienet diġà telqet lejn l-Iżvizzera minn fejn kellha f'moħħha li tmur lura lejn Franza, iżda filwaqt li l-bagalji baqgħu sejrin fi triqthom lejn it-territorju Franċiż, hi nżammet fuq il-fruntiera u ntbagħtet lura lejn Berlin. Fil-lukanda fejn irritornat, mingħajr bagalji u flus, Jon Kellermann, industrijalista Olandiża, offrielha l-flus għall-vjaġġ u taha parir biex tmur Frankfurt u minn hemmhekk, permezz tal-konsulat, taqsam il-fruntiera Olandiża. Allura fl-14 ta' Awwissu 1914 l-uffiċċjali tal-konsulat Olandiż ta viża biex tista' tmur Amsterdam lil Margaretha Geertuida Zelle, "twila metru u ħamsa u sebgħin ċentimetru", ta' xagħar (dak iż-żmien) bjond.

Mata Hari tpaċpaċ mas-suldati Franċiżi fl-1916 (forsi waħda timitaha)

Hawnhekk saret il-maħbuba tal-bankier van der Schalk u mbagħad wara li marret Den Haag, tal-Baruni Eduard Willem van der Capellen, kurunell tal-ussari, li għenha ġenerożament fil-ħtiġijiet finanzjarji tagħha. Fl-24 ta' Diċembru 1915 Mata Hari maret lura Pariġi sabiex tieħu lura l-bagalji u tipprova, għal darb'oħra għalxejn, biex tikseb xogħol ma' Djagilev. Bilkemm kienet saret il-maħbuba tal-maġġur Belġjan Fernand Beaufort meta l-permess biex toqgħod Pariġi skadielha u fl-4 ta' Jannar 1916 kellha tmur lura lejn l-Olanda.

Meta kienet Den Haag kien iżurha spiss fid-dar tagħha il-konslu Ġermaniż Alfred von Kremer, li f'dan il-perjodu kriha bħala spija fis-servizz tal-Ġermanja, inkarigata biex tipprovdi informazzjoni dwar l-ajruport ta' Contrexéville, qrib Vittel, fi Franza, fejn kienet tista' tmur taħt l-iskuża li kienet qiegħda żżur wieħed mill-ħafna maħbubin tagħha, il-kaptan Russu Vadim Masslov, li kien daħal l-isptar f'din il-belt. Mata Hari, saret aġent H21 u ġiet imħarrġa fil-Ġermanja mill-ispija famuża Elsbeth Schragmüller, iżjed magħrufa bħala Fräulein Doktor, li tatha l-kodiċi l-ġdid AF44.

Iż-żeffiena kien diġà mgħassa mill-kontrospjunaġġ Ingliż u Franċiż meta, fl-24 ta' Mejju 1916, telqet lejn Spanja u minn hemm fl-14 ta' Ġunju marret Pariġi. Hemm permezz ta' eks-maħbub tagħha, it-tenent tal-kavallerija Jean Hallaure, li mingħajr ma kienet taf kien hu wkoll aġent Franċiż, fl-10 ta' Awwissu ġabha f'kuntatt mal-kaptan Georges Ladoux, kap ta' sezzjoni tad-Deuxième Bureau, il-kontrospjunaġġ Franċiż, biex tikseb permess biex tmur Vittel. Ladoux taha viża u pproponielha li tidħol fis-servizz ta' Franza u Mata Hari aċċettat din il-proposta imma talbet is-somma enormi ta' miljun frank, li ġġustifikat billi ftaħret li kienet taf ħafna nies importanti li setgħu jkunu utli għall-kawża Franċiża.

Logħba doppja perikoluża[editja]

F'Vittel iltaqgħet mal-kaptan Russu u tħalltet mal-ħafna uffiċċjali Franċiżi li kienu jiffrekwentaw l-istazzjon termali u wara ġimgħatejn marret lura Pariġi. Hemmhekk, barra ma bagħtet informazzjoni dwar il-missjoni tagħha lill-aġenti Ġermaniżi fl-Olanda u l-Ġermanja, irċiviet ukoll istruzzjonijiet mill-kaptan Ladoux biex tgħaddi minn Spanja u tmur lura l-Olanda. Wara li nżammet għal ftit jiem Madrid, dejjem mgħassa mill-Franċiżi u l-Ingliżi, f'Novembru siefret minn Vigo għal Den Haag. Meta l-bastiment wasal Falmouth fir-Renju Unit, ġiet arrestata minħabba li bi żball ħasbuha ż-żeffiena tal-flamenco, Clara Benedix, li kienet suspettata li kienet spija Ġermaniża. Meta ġiet interrogata f'Londra l-iżball ġie ċċarat u wara ftehim ma' Ladoux, Scotland Yard bagħtuha Spanja, fejn żbarkat fil-11 ta' Diċembru 1916.

F'Madrid kompliet tilgħab il-logħba doppja u żammet kuntatt kemm mal-attaché militari tal-ambaxxata Ġermaniża, Arnold von Kalle, kif ukoll ma' dak tal-Ambaxxata Franċiża, il-kurunell Joseph Denvignes, fejn lil dan tal-aħħar għarrfittlu bil-manuvri tas-sottomarini Ġermaniżi barra mill-kosta tal-Marokk. Von Kalle induna li Mata Hari kienet qiegħdha tilgħab logħba doppja u bagħat telegramma Berlin li fiha qal li "l-aġent H21" qiegħdha titlob il-flus u kienet qiegħdha tistenna l-istruzzjonijiet. Ir-risposta kienet li l-aġent H21 kellha tmur lura Franza biex tkompli l-missjoni tagħha u hemm tirċievi 15,000 frank.

L-ipoteżi li l-Ġermaniżi kienu ddeċidew li jeħilsu minn Mata Hari – biex jikxfuha lill-kontrospjunaġġ Franċiż bħala spija Ġermaniża – hija bbażata fuq il-fatt li f'din l-okkażjoni użaw kodiċi ta' trażmissjoni qadim, li kien ġie abbandunat għax il-Franċiżi kienu diġà ddeċifrawh, li fih Mata Hari kienet għadha identifikata bis-simbolu H21, minflok b'dak iżjed riċenti AF44. Għalhekk il-messaġġi Ġermaniż kienu faċilment iddeċifrati mill-Franċiżi. Fit-2 ta' Jannar 1917 Mata Hari daħlet lura Pariġi u fl-għodwa tat-13 ta' Frar ġiet arrestata fil-kamra tagħha fil-lukanda Elysée Palace u maqfula fil-ħabs ta' Saint-Lazare.

Il-proċess[editja]

Mata Hari fil-quċċata tas-suċċess, fl-1906

Quddiem il-kap tal-inkjesta, il-kaptan Pierre Bouchardon, fil-bidu Mata Hari adottat it-tattika li tiċħad kollox u sostniet li ma kinitx imdaħħla f'ebda affari ta' spjunaġġ. Fl-ewwel interrogatorju għenha l-avukat Édouard Clunet, eks-maħbub tagħha, li kien żamm relazzjoni ta' affezzjoni magħha. Imbagħad, iżjed ma beda jgħaddi ż-żmien iżjed ma setgħetx tevita li tiġġustifika s-somom kbar li l-maħbub tagħha van der Capelen kien jibgħatilha mill-Olanda – meqjusin mill-prosekuzzjoni bħala l-ħlas għall-ispjunaġġ tagħha – li tammetti s-somom li rċeviet f'Madrid minn von Kalle li ġġustifikat bħala sempliċi rigali, u li tikxef storja mhux mistennija li fi Spanja kellha offerta biex taħdem bħala aġent ta' spjunaġġ Russu fl-Awstrija. Semmiet ukoll il-proposta li għamlilha l-kaptan Ladoux biex taħdem għal Franza, li fittxet li tisfrutta għall-vantaġġ tagħha, biex turi l-lealtà tagħha lejn Franza.

Il-prosekuzzjoni s'issa ma kellha ebda prova konkreta kontra Mata Hari, li setgħet saħansitra tiftaħar li poġġiet ruħha għad-diżpożizzjoni tal-ispjunaġġ Franċiż. Il-fatt hu li l-kontraspjunaġġ kien għadu ma poġġiex għad-dispożizzjoni tal-kaptan Bouchardon it-trażkrizzjoni tal-messaġġi Ġermaniżi nterċettati li wrewha bħala l-aġent Ġermaniż H21. Meta għamlu hekk, xahrejn wara, Mata Hari kellha tammetti li kienet mikrija mill-Ġermaniżi u li kienet irċeviet il-linka inviżibbli biex tikkomunika l-informazzjoni tagħha, iżda qalet li din qatt ma kienet użatha – tefgħitha kollha l-baħar – u li ma kienet bagħtet xejn lill-Ġermaniżi, minkejja l-20,000 frank li rċeviet mill-konslu von Kremer, li hi sostniet li kienu biss kumpens għall-tbatija li soffriet matul iż-żjara tagħha fil-Ġermanja fil-jiem bikrija tal-gwerra. Rigward il-messaġġ ta' von Kalle f'Berlin, li kixifha bħala spija, Mata Hari qalet li dan kien vendikazzjoni ta' raġel imwarrab.

Il-ħafna uffiċċjali Franċiżi li kienet il-maħbuba tagħhom, meta kienu nterrogati ddefendewha u stqarrew li qatt ma kienu jqisuha bħala spija. Għall-kuntrarju, Georges Kaptan Ladoux ċaħad li xi darba għamillha proposta biex taħdem għas-servizzi Franċiżi, għax dejjem kien iqisha bħala spija Ġermaniża, filwaqt li l-attaché militari f'Madrid, Elder Denvignes, sostna li kienet innamrat miegħu bil-ħsieb li toħodlu minn moħħu sigrieti militari; rigward l-informazzjoni dwar attivitajiet Ġermaniżi fil-Marokk, hu ċaħad li kienet Mata Hari li ipproviedthom. Iż-żewġ uffiċċjali ma kinux kapaċi jsemmu ebda ċirkostanzi sostanzjali kontra Mata Hari, iżda x-xhieda tagħhom fil-proċess kellha piż determinanti. L-inkjesta ngħalqet b'murtal: l-uffiċċjal Russu Masslov, li Mata Hari suppost kienet il-maħbuba tiegħu, kiteb li r-relazzjoni mal-mara dejjem kien qiesha biss bħala avventura. Ir-rivelazzjoni ma kellha xejn x'taqsam mal-pożizzjoni legali ta' Mata Hari, iżda żgur li ġegħlitha tħossha f'iżolament drammatiku.

L-inkjesta ngħalqet fl-21 ta' Ġunju u Mata Hari ntbagħtet quddiem il-qorti. Il-proċess, miżmum bil-bibien magħluqin, beda fl-24 ta' Lulju. Il-president tal-qorti ta' sitt imħallfin militari kien it-tenent kurunell Albert Ernest Somprou u fuq in-naħa tal-prosekuzzjoni kien hemm it-tenent Mornet. Xejn ġdid ma ħareġ fil-jumejn ta' diskussjoni. Wara d-difiża appassjonata tal-avukat ta' Mata Hari, Clunet, li qabel kien gwerrier u ngħata midalja fl-1870, fil-Gwerra Franko-Prussjana, l-imħallfin irtiraw biex iwieġbu 8 mistoqsijiet:

  • Jekk f'Diċembru tal-1915 Margaretha Zelle ppruvatx tikseb informazzjoni riservata fiż-żona militari ta' Pariġi favur poter għadu;
  • Jekk tgħatx informazzjoni riservata lill-konslu Ġermaniż fl-Olanda, von Kremer;
  • Jekk f'Mejju tal-1916 kinitx midħla tal-konslu von Kremer fl-Olanda;
  • Jekk f'Ġunju tal-1916 ippruvatx tikseb informazzjoni militari fiż-żona militari ta' Pariġi;
  • Jekk ippruvatx tgħin l-operazzjonijiet militari tal-Ġermanja;
  • Jekk f'Diċembru tal-1916 f'Madrid kinitx f'kuntatt mal-attaché militari Ġermaniż von Kalle bl-għan li ttieh informazzjoni riservata;
  • Jekk kixfitx lil von Kalle l-isem ta' aġent sigriet Brittaniku u l-iskoperta mill-Franċiżi, ta' tip ta' linka inviżibbli Ġermaniża;
  • Jekk f'Jannar tal-1917 kellhiex relazzjonijiet mal-għadu fiż-żona militari ta' Pariġi.

Wara siegħa inqatgħetilha s-sentenza: "Il-Kunsill tal-Gwerra jikkundanna unanimament lil Marguerite Gertrude Zelle għall-piena tal-mewt permezz tal-fuċilazzjoni".

Il-mewt[editja]

L-eżekuzzjoni ta' Mata Hari (film tal-1920)

L-appell għar-rieżaminazzjoni tal-proċess ġie rrifjutat mill-Kunsill tar-reviżjoni fis-17 ta' Awwissu u fis-27 ta' Settembru anki l-Qorti tal-Appell ikkonferma s-sentenza tal-kundanna. L-aħħar tama kienet it-talba għall-maħfra li l-avukat Clunet ppreżenta personalment lill-President Poincaré.

Maż-żernieq ta' nhar it-Tnejn, il-15 ta' Ottubru, il-Kaptan Thibaud qajjem lil Mata Hari, li wara l-proċess kienet taqsam ċella ma' żewġ priġunieri oħra, biex iħabbrilha li l-talba għal maħfra kienet ġiet miċħuda u wissiha tħejji għall-eżekuzzjoni. Hi libset bl-eleganza tas-soltu, mgħejuna minn minn żewġ sorijiet, Sor Marie u Sor Leonide, u mbagħad, fuq it-talba tagħha, il-kappillan Arboux għammidha. Libset kappell tat-tiben ta' Firenze u l-ingwanti, u akkumpanjata miż-żewġ sorijiet, il-kappillan, l-avukat Clunet, it-tobba Bizard, Socquet, u Bralet u mill-gwardjani, marret fl-uffiċċju tad-direttur, fejn kiteb tliet ittri – li però d-direzzjoni tal-ħabs qatt ma bagħtet – indirizzati lil bintha Jeanne Louise, lil-kaptan Masslov u lill-ambaxxatur tal-Olanda, Cambon.

Imbagħad tliet vannijiet militari skortati minn draguni rikbin iż-żiemel ħadu l-kortew lejn il-Kastell ta' Vincennes u waslu hemm fis-sitta u nofs ta' għodwa kiesħa u biċ-ċpar. Labranzetta ma' Sor Marie, imxiet b'passi sodi lejn il-post maħżul għall-eżekuzzjoni, fejn kienet qiegħdha tistenniha skwadra suldati li sellmulha u ppreżentawlha l-armi. Wara li sellmet lura b'ċaqliqiet puliti ta' rasha, ġiet marbuta ħafif mal-arblu. Billi rrifjutat l-għamad setgħet tara quddiemha mil-qrib it-tnax-il suldat li kienu assenjati d-dmir tas-sentenza għall-mewt: wieħed minnhom, skont ir-regola, kellu l-ixkubetta vojta.

Minn ħdax-il tir, tmienja marru fil-vojt – l-aħħar galanterija tal-militari Franċiżi – wieħed fir-rkoppitha, wieħed f'ġenbha u wieħed dritt f'qalbha. Il-marixxall Pétey sparalha tir f'għonqha, tir ta' grazzja, biex ikun żgur li mietet. Ħadd ma' kien hemm li kellu d-dritt għall-ġisem u allura ġie meħud l-Istitut tal-Mediċina Legali ta' Pariġi, fejn indifnet ġo fossa komuni. Rasha nżammet u mbagħat insterqet fis-snin ħamsin, f'ċirkustanzi li qatt ma tfissru, forsi biex isservi bħala relikwa makabra.

Wara mewtha[editja]

Wara t-tmiem tal-gwerra, il-Ġermanja għall-ewwel ippreżentatha bħala vittma innoċenti, li qatt ma kienet ikkollaborat mas-servizzi tal-ispjunaġġ Ġermaniżi.

Madankollu fl-1931, f'xogħol kollettiv importanti li fih ikkollaboraw storiċi, uffiċċjali militari u uffiċċjali li qabel kienu fis-servizzi sigrieti, jingħad li "Mata Hari għamlet affarijiet kbar għall-Ġermanja; hi kienet il-messaġġiera għall-informaturi tagħna li kienu jgħixu barra jew f'pajjiżi għadewwa [...] Mata Hari kienet taf perfettament kif jimxu l-affarijiet militari, wara li ġiet imħarrġa f'waħda mill-aqwa skejjel tal-ispjunaġġ [...] Hija kien aġent importanti."

Fl-1937, Elsbeth Schragmüller, magħrufa bħala Fräulein Doktor, li ħadmet matul il-gwerra fis-sezzjoni IIIC f'Antwerpen, ippubblikat il-memorji tagħha. Rigward Mata Hari, fihom irrevelat li "l-ebda waħda mill-aħbarijiet li bagħtitilna ma kienet utli u l-ebda informazzjoni tagħha ma kienet ta' interess politiku u militari". Hi taċċetta madankollu li: "Il-kundanna kien misħoqqa fl-ispirtu tal-kodiċi militari."

L-istoriku Alain Decaux fir-riċerka tiegħu dwar Mata Hari staqsa lill-Avukat Mornet dwar il-kwistjoni vera li ppreżenta l-każ ta' din is-suppost spija. Dan wieġbu "li fl-aħħar ma kienx hemm affarijiet kbar li wieħed seta' jixliha bihom" imma l-każ tagħha kien ipprovokat "mill-attakki tal-istampa f'kuntest politiku" hekk li r-raġuni tal-istat kellha tirbaħ.

Ċinema[editja]

Ħarġu ħafna films ibbażati fuq l-istorja ta' Mata Hari:

Referenzi[editja]

  1. ^ [1] Mata Hari
  2. ^ [2] About.com
  3. ^ [3] World of Biography
  4. ^ Julia Keay, The Spy Who Never Was, Michael Joseph Ltd, 1987
  5. ^ Superquark 02-01-2008
  6. ^ www.crimelibrary.com - Mata Hari is Born
  7. ^ Le Figaro, id-19 ta' Awwissu 1905
  8. ^ Le Canard, id-19 ta' Awwissu 1905
  9. ^ Le Parisien, id-19 ta' Awwissu 1905
  10. ^ Le Mercure de France, is-26 ta April 1906
  11. ^ A. Zelle, Il-Ħajja tal Mata Hari
  12. ^ G. H. Priem,Il-Verità dwar Mata Hari
  13. ^ Corriere della Sera, 5 ta' Jannar, 1912

Biblijografija[editja]

  • (FR) Anne Bragance: Mata-Hari, la poudre aux yeux. Éditions Belfond, Pariġi 1995, ISBN 2-7144-3299-9
  • (NL) Jan Brokken: Mata Hari. De waarheid achter een legende. Wetenschappelijke Uitgeverij, Amsterdam 1975, ISBN 90-214-2901-2
  • (FR) Philippe Collas: Mata-Hari. Sa véritable histoire. Plon, Pariġi 2003, ISBN 2-259-19872-4
  • (EN) Thomas Coulson: Mata Hari, courtesan and spy. Hutchinson, Londra 1930
  • (FR) Lionel Dumarcet: L'affaire Mata-Hari. De Vecchi, Pariġi 2006, ISBN 2-7328-4870-0
  • (DE) Gerhard Feix: Das Große Ohr von Paris – Fälle der Sûreté. Verlag Das Neue Berlin, Berlin 1975, S. 202–212
  • (FR) Charles S. Heymans: La vraie Mata Hari. Courtisane et Espionne. Édition Prométhée, Pariġi 1930 (französisch)
  • (FR) Russel Warren Howe: Mata-Hari ("The true story"). Editions de l'Archipel, Pariġi 2007, ISBN 978-2-84187-577-1
  • (NL) Marijke Huisman: Mata Hari (1876–1917), de levende legende. Uitgeverij Verloren, Hilversum 1998, ISBN 90-6550-442-7, Online-Version
  • (DE) Fred Kupferman: Mata Hari. Träume und Lügen ("Mata Hari. Songes et mensonges"). Aufbau-Taschenbuchverlag, Berlin 1999, ISBN 3-7466-1575-5
  • (FR) Michel Leblanc: L'ennemie de Mata-Hari. France-Empire, Pariġi 1974
  • (DE) Christine Lüders: Apropos Mata Hari (Apropos; Bd. 8). Verlag Neue Kritik, Frankfurt/M. 1997, ISBN 3-8015-0304-6
  • (DE) Ute Maucher, Gabi Pfeiffer: Codewort: Seidenstrumpf, Die größten Spioninnen des 19. und 20. Jahrhunderts. ars vivendi verlag, 2010, ISBN 978-3-89716-999-9.
  • (DE) Brygida M. Ochaim, Claudia Balk: Varieté-Tänzerinnen um 1900. Vom Sinnenrausch zur Tanzmoderne, Ausstellung des Deutschen Theatermuseums München 23.10.1998–17.1.1999. Verlag Stroemfeld, Frankfurt/M. 1998, ISBN 3-87877-745-0
  • (EN) Diane Samuels: The true life fiction of Mata Hari. Hern Books, Londra 2002, ISBN 1-85459-672-1
  • (FR) Léon Schirmann: L'affaire Mata Hari. Enquête sur une machination. Tallandier, Pariġi 1994, ISBN 2-235-02126-3
  • (FR) Léon Schirmann: Mata-Hari. Autopsie d'une machination. Éditions Italiques, Pariġi 2001, ISBN 2-910536-18-1
  • (EN) Pat Shipman: Femme Fatale: A Biography of Mata Hari: Love, Lies and the Unknown Life of Mata Hari. Weidenfels & Nicolson, Londra 2007, ISBN 978-0-297-85074-8
  • (DE) Sam Waagenaar: Mata Hari. Der erste wahre Bericht über die legendäre Spionin Bastei-Lübbe, Bergisch-Gladbach 1985, ISBN 3-404-61071-7 (früherer Titel: Sie nannte sich Mata Hari. Bild eines Lebens, Dokument einer Zeit)
  • (FR) Friedrich Wencker-Wildberg: Mata Hari. Roman ihres Lebens. Weltbild-Verlag, Augsburg 2004
  • (EN) Julie Wheelwright: The Fatal Lover. Mata Hari and the Myth of Women in Espionage. Collins & Brown, Londra 1992, ISBN 1-85585-105-9

Ħoloq esterni[editja]