Mafja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Il-Mafja hija organizzazzjoni kriminali terroristika li bdiet fi Sqallija sa mill-bidu tas-seklu 19 u li fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin saret organizzazzjoni internazzjonali. Hija magħrufa ukoll bħala Cosa nostra (il-ħaġa tagħna).

L-Oriġini[editja]

Cosa nostra bdiet fost il-klassi soċjali tal-massari, fattori u gabillotti, li kienu jieħdu ħsieb l-artijiet tan-nobbiltà ta' Sqallija, bl-hekk imsejħa braccianti li kienu jaħdmu fihom. Cosa nostra bdiet għax l-Istat ftit li xejn kien preżenti fit-territorju, u hekk ħadet ir-riedni hi f'idejha. Kienu nies vjolenti, li kienu jagħmlu ta' intermedjarji bejn il-proprjetarji fewdali u s-servi, u biex xogħolhom jagħmluh aħjar ġabru magħhom persuni li jesegwixxu l-ordnijiet tagħhom, imsejħin scagnozzi. Dawn il-gruppi malajr saru xi ħaġa permanenti u ħadu l-isem ta' "setet, konfraternitajiet, cosche (gruppi)".

L-ewwel dokument storiku li fih jissemma grupp mafjuż huwa fl-1837: il-Prokurator Ġenerali ta' Trapani, Pietro Calà Ulloa, jinforma lis-superjuri tiegħu f'Napli bl-attivitajiet ta' setet strambi imdaħħlin f'attività kriminali li kienu jikkorompu ukoll lill-impjegati pubbliċi. Fl-1863 Giuseppe Rizzotto kiteb flimkien ma' Gaspare Mosca, I mafiusi de la Vicaria, opra teatrali bl-Isqalli ambjentata fil-Grandi Prigioni ta' Palermo. Kien b'dan id-dramm li nqaleb għat-Taljan u kellu suċċess kbir, li l-kelma mafia saret kelma popolari mal-Italja kollha. Sa dak iż-żmien il-mafja kienet tidher bħala struttura 'il barra mill-Istat, iżda fl-istess ħin marbuta sew miegħu.

Il-mafja kompliet tikber grazzi għal dak li ġara fi żmien l-Unità tal-Italja u wara, l-iktar minħabba l-kriżi ekonomika akuta li din ġabet fi Sqallija u fin-nofsinhar tal-Italja. L-Istat ma kienx qed jirnexxilu jkollu kontroll dirett u stabbli tat-tmexxija ta' Sqallija, li l-organizzazzjoni soċjali tagħha kienet ferm differenti minn dik tan-nord, u beda jħalli f'idejn il-gruppi mafjużi, li billi kienu jafu sew il-mekkaniżmi lokali, malajr ħadu post il-gvern ċentrali.

Wieħed mill-aktar proċessi famużi ta' dak iż-żmien seħħ fl-1885 kontra l-membri tal-"Fratellanza di Favara", grupp mafjuż f'Agrigento li kellu ritwal ta' inizzjazzjoni li jixbah lil tal-mażuni. Dawn kienu jniggżu s-suba' l-werrej tal-membri ġodda, iħallu marka tad-demm fuq santa, u jaħarqu s-santa filwaqt li l-mafjuż il-ġdid jirreċita formula ta' ġurament: ċerimonja bħal din kienet tipika tal-gruppi mafjużi ta' Palermo, li ħafna mill-membri tal-"Fratellanza" kienu daħlu fihom fl-1879, meta spiċċaw il-ħabs flimkien ma' mafjużi Palermitani fil-ħabs ta' Ustica.

Fl-1893, wara d-delitt tal-Markiż Notarbartolo, l-eżistenza ta' Cosa nostra (u tar-rapporti tagħha mal-politika) saret magħrufa mal-Italja kollha.

Il-bdiewa jridu l-art[editja]

Minkejja li wara l-Unità tal-Italja suppost kienet intemmet il-ħakma fewdali, fi Sqallija l-bdiewa kienu għadhom jinħaqru qatigħ. Il-proprjetarji kbar tal-artijiet kienu jgħixu f'Palermo jew fi bliet kbar oħra u kienu jikru l-artijiet lill-gabillotti b'kuntratti għal żmien qasir, u dal-fatt kien iġiegħel lill-gabillott jisfrutta lill-bidwi. Biex ma jkollux rivolti mill-bdiewa u jkun jista' jaħdem aħjar, il-gabillott kien jaqbillu jingħaqad mal-mafjużi, li kienu jużaw il-poter tagħhom biex irażżnu lill-bdiewa u ukoll jużaw il-konoxxenzi li l-mafjużi kellhom f'Palermo, fejn kienu jiġu ffirmati ħafna mill-kuntratti tal-għelieqi.

Sa mill-1891 fi Sqallija kollha l-bdiewa bdew jingħaqdu f'faxxi (fasci), speċi ta' unions tal-bdiewa mmexxija mis-Soċjalisti tal-post, li bdew jitolbu għal kuntratti iktar ġusti u l-ġid ikun imqassam aħjar. Ma kinux movimenti rivoluzzjonarji fil-veru sens tal-kelma iżda xorta ġew kundannati mill-gvern ta' Ruma li fil-persuna ta' Crispi, fl-1893 bagħat l-eżerċtu biex jeqridhom bil-forza. Giuseppe de Felice Giuffrida, il-fundatur tal-fasci siciliani, kien proċessat u mitfugħ il-ħabs.

Qabel ma l-Faxxi nqerdu, il-mafja kienet ppruvat tinfilsa fihom in-nies tagħha, biex jekk dawn jirnexxu, hi ma titlifx il-privileġġi tagħha. Iżda fl-istess ħin baqgħet tgħin lill-gabillotti biex hekk, jirbaħ min jirbaħ, hi dejjem se tkun minn fuq għax tidher bħala medjatriċi bejn iż-żewġ naħat.

Meta kien ċar li l-Istat kien se jdaħħal il-liġi marzjali, il-"Fratellanza", msejħa ukoll l-"Onorata Società" (kif kienet tissejjaħ Cosa nostra), inqatgħet mill-Faxxi(li kienu għamlu minn kollox biex ma jħallux mafjużi jidħlu magħhom, u ħafna drabi rnexxielhom) u bdiet tgħin lill-gvern fir-ripressjoni tagħhom (tal-Faxxi). Bħala "vendetta" kontra l-Faxxi, li ħaduha kontra s-setgħa tal-propjetarji kbar imsejħin latifondisti, fl-1915 f'Corleone il-mafjużi qatlu lil Bernardino Verro, li kien fost l-aqwa mexxejja tal-Faxxi fis-snin disgħin tas-seklu dsatax.

Il-Priministru Giolitti ippermetta li l-koperattivi jissellfu mill-banek u jinnegozjaw weħidhom, bla gabillotti, kuntratti diretti mal-proprjetarji tal-artijiet. Dan, flimkien ma' liġi elettorali ġdida li tat il-vot lill-irġiel kollha, wasslu mhux biss għar-rebħa ta' ħafna sindki Soċjalisti f'diversi bliet Sqallin, imma wkoll għat-tmien tal-irwol li kellha l-mafja fil-medjazzjoni għall-kuntratti.

Biex teqred il-periklu "aħmar", il-mafja kellha tingħaqad mal-Knisja Kattolika fi Sqallija, anke hi inkwetata bl-influwenza Komunista fost l-Isqallin. Għalhekk il-koperattivi Kattoliċi bdew iħallu mafjużi fosthom, bil-patt li dawn jagħmluha diffiċli għas-Soċjalisti. Fil-bidu tas-seklu għoxrin il-mafja bdiet toqtol lis-sindki, trejdjunjonisti, attivisti u bdiewa, l-importanti li jkunu Soċjalisti.

It-tema tal-art miċħuda lill-bdiewa baqħet waħda mir-raġunijiet ewlenin tal-battalja soċjali fi Sqallija sa wara t-tieni Gwerra Dinjija.

Ir-Rapport Sangiorgi[editja]

Ermanno Sangiorgi, intbagħat f'Palermo bħala Kwestur tal-Pulizija fl-1898 waqt li kienet għaddejja gwerra bejn il-mafjużi, li kienet ilha sejra sentejn. Meta kien qiegħed jindaga fuq id-delitti mwettqa mill-mafjużi ta' Conca d'Oro, Sangiorgi fehem li l-omiċidji ma kinux ġejjin minn inizjattivi individwali, iżda kienu ġejjin minn regoli u deċiżjonijiet kolleġjali, u sistema ta' kontroll tat-territorju. Sangiorgi skopra ukoll li l-iktar żewġ familji sinjuri ta' Palermo, Florio u Whitaker, kienu ħaġa waħda mal-mafjużi ta' Conca d'Oro, li kienu jqabbduhom bħala gwardjani u fattori fl-artijiet tagħhom u jħallsuhom biex joffrulhom "protezzjoni".

F'Ottobru 1899 Francesco Siino, kap tal-koska ta' Malaspina li ħelisha b'xortih fi sparatura min-nies ta' Antonino Giammona, kap tal-koska tal-Uditore, fil-kuntest ta' gwerra tal-mafja, kien issikkat minn Sangiorgi u stqarr li r-rival tiegħu Giammona kien qed jipprova jeħodlu r-racket tan-negozju tal-lumi, tas-serq, tal-estorsjonijiet u l-falsifikazzjoni tal-flus. Sab ukoll li l-Conca d'Oro kienet maqsuma fi tmien gruppi (cosche) mafjużi:

1.Piana dei Colli,

2.Acquasanta,

3.Falde,

4.Malaspina,

5.Uditore,

6.Passo di Rigano,

7.Perpignano,

8.Olivuzza.

Sangiorgi, fuq din il-bażi, għamel ħafna arresti. Fil-lejl bejn is-27 u t-28 ta' April 1900 il-Kwestura arrestat ħafna mafjużi, fosthom Antonino Giammona. Lill-Prokura ta' Palermo, Sangiorgi bagħthilha rapport ta' 485 paġna li kien fih mappa tal-organizzazzjoni tal-mafja ta' Sqallija b'total ta' 280 "uomo d'onore". Il-proċess beda f'Mejju 1901 imma Siino irritratta għal kollox id-dikjarazzjonijiet li kien għamel qabel. Wara biss xahar, waslu l-kundanni fl-ewwel grad: 32 imputat biss instabu ħatja li waqqfu assoċjazzjoni kriminali, u billi diġà kienu qattgħu xi żmien fil-ħabs, l-għada ħafna minnhom inħelsu.

L-Ewwel Gwerra Dinjija u l-Konsegwenzi tagħha[editja]

Fl-1915, l-Italja daħlet fil-Gwerra u mijiet ta' eluf ta' żgħażagħ Taljani nġabru bil-lieva. Fi Sqallija d-diżerturi kienu ħafna. Ħafna ħallew l-ibliet u marru jgħixu fil-makkja fl-intern tal-gżira, u tawha għas-serq. Minħabba nuqqas ta' ħaddiema fl-għelieqi u t-talba ta' iktar laħam għas-suldati, ħafna għelieqi spiċċaw f'mergħat għall-bhejjem. Dan żied ħafna l-influwenza ta' Cosa nostra fil-gżira kollha. Żdied is-serq tal-bhejjem, il-proprjetarji tal-art bdew ifittxu iktar l-appoġġ tal-mafjużi, milli l-awtoritajiet Statali li kienu bla saħħa, biex jiġu restitwiti lilhom il-bhejjem, imqar xi ftit minnhom. Il-boss tal-mafja kienu jimmedjaw bejn il-ħallelin u l-vittmi tas-serq, u jieħdu speċi ta' senserija.

Fi tmiem il-Gwerra, l-Italja għaddiet minn kriżi li setgħet spiċċat f'rivoluzzjoni popolari. Fin-nord il-ħaddiema strajkjaw u riedu kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol, u fis-sud iż-żgħażagħ kienu rrabjati li l-gvern ma żammx il-wegħdiet tiegħu, speċjalment fuq l-art għall-bdiewa.

Ma kinux ftit dawk l-Isqallin li saru banditi jew kriminali, oħrajn daħlu direttament fil-mafja u oħrajn ippruvaw jirriformaw il-faxxi jew daħlu fil-kunsilli Soċjalisti ta' Sqallija.

Kien f'din il-klima ta' tensjoni li l-Faxxiżmu għamel l-ewwel dehra tiegħu.

L-Epoka Faxxista[editja]

Il-Faxxiżmu beda kampanja kontra l-mafja ta' Sqallija, wara l-ewwel żjara ta' Mussolini fi Sqallija f'Mejju 1924. Fit-2 ta' Ġunju tal-istess sena ntbagħat fi Sqallija Cesare Mori, l-ewwel bħala Prefett ta' Trapani, u minn Ottubru 1925 ta' Palermo, imlaqqam il Prefetto di ferro (Il-Prefett tal-ħadid), bl-inkarigu li jeqred il-mafja bi kwalunkwe mezz.

L-azzjoni ta' Mori kienet qawwija u effikaċi. Ġew arrestati u kkundannati mijiet kbar ta' mafjużi. Jibqa' magħruf l-assedju ta' Gangi li fih Mori assedja għal erba' xhur iċ-ċentru tal-belt, meqjusa bħala waħda mill-akbar fortizzi tal-mafja. F'dan iż-żmien kien arrestat il-boss Vito Cascio Ferro.

Wara arresti kbar ta' mafjużi magħrufa, il-kapijiet ta' Cosa nostra ma ħassewhomx iktar sikuri u għażlu waħda minn żewġ toroq biex salvaw ġildhom: numru minnhom emigraw lejn l-Istati Uniti, filwaqt li oħrajn baqa' moħbijin fi Sqallija.

Il-mezzi użati mill-Pulizija fil-ġlieda kontra l-mafja ġabu iktar sfiduċja fl-Isqallin fil-konfront tal-Istat. Madankollu Mori kien l-ewwel investigatur Taljan li wera li l-mafja tista' tiġi megħluba bi ġlieda li ma tħarisx lejn l-uċuħ, kif sostna iżjed tard Giovanni Falcone.

It-Tieni Gwerra Dinjija[editja]

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ħafna kapijiet tal-mafja italoamerikani, li kienu fil-ħabs fl-Istati Uniti, fosthom Lucky Luciano u Vito Genovese, kienu kkuntattjati mis-servizzi sigrieti Amerikani, biex jgħinu lill-Alleati jkollhom kontroll tajjeb tal-gżira bil-wegħda li kif tintemm il-Gwerra jinħelsu mill-ħabs. Ma ġewx ikkuntattjati biss boss Amerikani iżda ukoll Sqallin, bħal Vincenzo Di Carlo, Calogero Vizzini u Giuseppe Genco Russo.

Dawn il-kuntatti kellhom l-għan li jiffaċilitaw l-iżbark tal-Alleati fuq ix-xtut Sqallin, u wara li jżommu stabilità politika tal-gżira. Meta Sqallija reġgħet lura taħt il-Gvern Taljan, il-mafja reġgħet bdiet tiġi użata biex ikun miġġieled is-Soċjaliżmu u l-Komuniżmu, u hekk il-mafja reġgħet ħadet ir-ruħ wara l-era Mori.

Salvatore Giuliano[editja]

Fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Eżerċtu Volontarju għall-Indipendenza ta' Sqallija ħatret lill-bandit Salvatore Giuliano, kap ta' grupp ta' kriminali kienu jitterrorizzaw lil Sqallija kollha bl-azzjonijiet tagħhom, bħala kurunell tagħha.

Giuliano sar ħaġa waħda mal-propjetarji mafjużi u mal-politiċi tad-Democrazia Cristiana, u wettqu diversi attakki f'Palermo u fi Trapani kontra l-kwartieri tal-Partit Komunista u l-Partit Soċjalista: attakki li laħqu l-quċċata tagħhom fl-Istraġi ta' Portella della Ginestra (1 ta' Mejju 1947), kontra l-manifestanti Soċjalisti u Komunisti fi Piana degli Albanesi (Palermo), li fiha nqatlu 11-il ruħ u 27 spiċċaw feruti.

Il-grupp ta' Giuliano sfaxxa wara l-arresti li saru mill-pulizija u l-istess Salvatore Giuliano inqatel fl-1950 mil-logutinent tiegħu Gaspare Pisciotta, fuq ordni tal-kapijiet mafjużi li ma kellhomx iżjed bżonnu u għax kien jaf wisq fuq x'kien hemm wara l-Istraġi ta' Portella della Ginestra u fuq ir-rabtiet bejn il-mafja u l-politika. Iżjed tard Pisciotta ġie arrestat u miet avvelenat fil-ħabs tal-Ucciardone fl-1954 għax ried jikxef min kienu l-mandanti tal-Istraġi ta' Portella della Ginestra.

Ħoloq esterni[editja]