Lucrezia Borgia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Ritratt ta' Lucrezia Borgia, xogħol ta' Bartolomeo Veneziano

Lucrezia Borgia (Subiaco, 18 ta' April 1480Ferrara, 24 ta' Ġunju 1519) kienet it-tifla illeġittima tal-Papa Alessandru VI (Rodrigo Borgia) u l-maħbuba tiegħu Vannozza Cattaneo.

Kienet mara ta' sbuħija affaxxinanti li spiss sabet ruħha mdaħħla fl-intrigi tal-qrati Taljani ta' żmienha. Ħajjitha kienet marbuta mal-fortuna tal-familja qawwija tagħha. Kienet kastellana Rinaxximentali perfetta li tattira l-ammirazzjoni u tbeżża' fl-istess ħin [1] u kisbet il-fama ta' politikanta ta' ħila u diplomatika għaqlija.

Il-familja ta' Lucrezia, matul l-istorja, spiċċat biex saret l-inkarnazzjoni tal-politika Machiavellija bla ħniena u tal-korruzzjoni sesswali attribwita lill-papati Rinaxximentali. Missierha, Alessandru VI u ħuha Cesare irranġawlha bosta żwiġijiet ma' rġiel importanti u qawwija, bl-għan li jilħqu l-ambizzjonijiet politiċi tagħhom.

F'dan il-kuntest, l-għedewwa tal-familja Borgia għamlu lil Lucrezia xbiha ta' femme fatale, parti li tidher fiha f'ħafna xogħlijiet tal-arti, rumanzi u films, li però għadha ma' ġietx dokumentata bis-serjetà. M'għandniex fatti biżżejjed dwar il-vera Lucrezia biex ikunu ċerti jekk l-istejjer li kienet imdaħħla fil-kriminalità ta' missierha u ħuha humiex minnhom.

Fil-Qorti ta' Este tat-tielet raġel tagħha, Alfonsu I, Lucretia setgħet tinsa l-imgħoddi tagħha u saret popolarissma bis-saħħa tas-sbuħija u l-intelliġenza tagħha. Tilfet l-interess kollu fil-politika u ntefgħet minflok fuq il-ħolqien ta' ħajja immaġinattiva u intellettwali fil-qorti, iċċelebrata minn poeti bħal Ariosto, Bembo, Trissino u Ercole Strozzi, u ġabret madwarha n-nies l-aktar famużi tar-Rinaxximent.

Mill-1512, minħabba l-iżventuri li laqtu lilha u d-dar ta' Ferrara, Lucrezia għaddiet perjodi twal fil-kunvent. Mietet fl-1519 ta' disa' u tletin sena hija u twelled.

Bijografija[editja]

Żgħożija fil-qorti papali[editja]

Lucrezia Borgia twieldet Subiaco, issa provinċja ta' Ruma, fit-18 ta' April, 1480. Missierha kien il-kardinal Spanjol Rodrigo Borgia, [2] Arċisqof ta' Valenzja, li fl-1492 ġie elett Papa tal-Knisja Kattolika bl-isem ta' Alessandru VI. Ommha Vannozza Cattanei, kontessa ta' Casa Candia, il-maħbuba ta' Rodrigo għal ħmistax-il sena, kienet ta' nissel Mantovan.

It-tliet ħutha kienu subien, Cesare, Giovanni u Goffredo. Lucrezia trabbiet fil-qorti pontifiċju f'perjodu li fih il-figura tal-Papa kienet tixbaħ ħafna iżjed lil dik ta' kap temporali milli ta' mexxej spiritwali. L-edukazzjoni ta' Lucretia kienet fdata f'idejn kuġinitha Adriana Mila Orsini u mart iben din Giulia Farnese. Iż-żewġ nisa kienu joqogħdu ma' Lucretia fil-bini li jmiss mal-Vatikan, f'kuntatt mill-qrib mal-Papa Alessandru VI. Fl-età ta ħdax-il sena, kienet diġà ġiet mwiegħda darbtejn għaż-żwieġ: fis-26 ta' Frar, 1491, in-nutar tal-familja Borgia, Camillo Beneimbene, fassal l-ewwel kuntratt taż-żwieġ ma' Don Cherubino Juan de Centelles sinjur ta' Val d'Ayora fir-renu ta' Valenzja. Il-kuntratt stipula dota ta' 30,000 "timbres" (valuri) maqsumin parti fi flus u parti f'ornamenti u ġojjelli mogħtija lill-għarusa mill-familja Borgia. Xahrejn wara però missierha Rodrigo Borgia ftiehem patti taż-żwieġ ġodda ma' Gaspare d'Aversa, konti ta' Procida ta' familja Valenzjana, imma mbagħad xolja ż-żewġ għerusijiet.

Iż-żwieġ ma' Giovanni Sforza[editja]

Ritratt ta' Lucrezia Borgia fid-Disputa ta' Santa Katerina fl-Appartment Borgia, fis-Sala tal-Qaddisin fil-Vatikan

Wara li Rodrigo laħaq Papa Alessandru VI, żewweġ lil Lucrezia ma' Giovanni Sforza, biex jistabilixxi alleanza mal-familja qawwija ta' Sforza li magħha waqqaf lega difensiva għad-difiża tal-istat tal-Knisja kontra l-invażjoni Franċiża imminenti taħt Karlu VIII.

Fit-2 ta' Frar, 1493, Nicolò da Saiano żewweġ bi prokura lil Lucrezia Borgia, li kellha biss tlettax-il sena, ma' Giovanni Sforza u fit-12 ta' Ġunju 12 ta' dik is-sena kien hemm ċ-ċelebrazzjoni reliġjuża tat-tieġ fil-preżenza tan-nutar imsemmi hawn fuq, Beneimbene, l-isqof ta' Concordia u l-konti ta' Pittigliano.

Il-tieġ, però ma ġiex konsumat (x'aktarx minħabba n-nuqqas ta' maturità fiżika ta' Lucrezia li kienet għadha tifla) sa nofs Novembru ta' dik is-sena. F'dan il-perjodu il-miżżewġin għexu mifrudin, wieħed bejn Pesaro u Milan, l-oħra fil-palazz ta' Santa Maria in Portico fil-Vatikan, dejjem taħt il-ġwienaħ protettivi ta' missierha.

Wara ftit, il-familja Borgia ma kellhiex bżonn iżjed tal-familja Sforza, u l-preżenza ta' Giovanni fil-qorti papali saret żejda, l-aktar billi kellu l-ħsieb li jiħodha 'l bogħod lil maħbuba Lucrezia. Il-Papa kellu bżonn alleanzi politiċi ġodda aktar vantaġġużi, tant li forsi bil-moħbi orndna l-qtil ta' Giovanni. Ħu Lucrezia, Cesare għarrafha b'dan u hi qalet lil żewġha, li telaq jiġri lejn Ruma. Jew forsi l-Papa qatt ma ta din ordni, u kien pjan maħsub minn Cesare u Lucrezia biex jeħilsu mir-raġel li kien xebbagħhom. Ġara x’ġara, il-Papa Alessandru u Cesare kienu kuntenti bl-opportunità ji jirranġaw żwieġ ieħor vantaġġuż għal Lucrezia. Iżda qabel ma seta' jiġri dan kien hemm bżonn li jeħilsuha minn Giovanni Sforza.

L-annullament taż-żwieġ[editja]

Alessandru talab liz-ziju ta' Giovanni, il-Kardinal Ascanio Sforza, biex jipperswadi lil Giovanni li jċedi d-divorzju. Madankollu, id-divorzju kien għajb intollerabbli u Giovanni rrifjuta. Il-Papa, li ried bilfors is-separazzjoni, akkuża lil Giovanni bl-impotenza, billi ż-żwieġ ma kienx meqjus validu jekk ma kienx jista' jiġi kkonsmat u hekk iwassal għall-ulied. Għalhekk beda proċess għall-annullament.

Giovanni imbagħad akkuża lil Borgia b'inċest ma' bintu, iżda mhux pubblikament imma permezz ta' kuġinuh Ludovico il Moro, li kien mar jitlob parir minn għandu. Ludovico waqqa' l-insinwazzjoni biex jevita l-inkwiet u pproponha lil kuġinuh li juri li kellu ħila jikkonsma ż-żwieġ billi jagħti prova quddiem ix-xhieda (b'tgħammir sesswali ma' martu jew nisa oħra quddiem xhieda aċċettati miż-żewġ partijiet) imma Giovanni kien kontra dan għal kollox. Fi ftit xhur, kemm Ludovico il Moro kif ukoll il-Kardinal Ascanio Sforza ma baqgħux jappoġġjaw lid-Duka ta' Pesaro, il-Papa beda jirrabja fuq id-dewmien fl-iffirmar tad-divorzju u dawn fl-aħħar mill-aħħar ma kinux beħsiebhom jagħmlu għadu minnu.

Il-Papa ddikjara ż-żwieġ null billi skontu dan ma kienx ikkonsmat, u offra lil Giovanni d-dota kollha ta' Lucrezia jekk jagħti l-kunsens tiegħu (flimkien ma' dikjarazzjoni ta' impotenza). Il-familja Sforza reġgħet ma kinitx se tagħti l-protezzjoni tagħha lil Giovanni kieku kellu jirrifjuta l-offerta tal-Papa. Giovanni Sforza ma setax jagħmel ieħor u ffirma quddiem ix-xhieda kemm l-istqarrija tal-impotenza kif ukoll id-dokument ta' nullità.

Minkejja li l-insinwazzjoni dwar ir-relazzjonijiet inċestwużi fil-familja Borgia malajr waqgħet, dawk li riedu jmaqdru lill-Papa għamlu minn kollox biex jagħtuha importanza fiċ-ċrieki l-aktar prestiġjużi.

L-affari ta' Perotto[editja]

Matul il-proċess delikat tal-annullament, Lucrezia kellha relazzjoni sesswali ma' xi ħadd, jista' jkun il-messaġġier ta' Alessandru, Perrot Calderon, li aktar tard ġie assassinat, skont kif jaħsbu, minn idejn Cesare Borgia stess. Ir-riżultat kien li meta ż-żwieġ ġie annullat għaliex ma ġiex ikkonsmat, Lucrezia kienet tqila, u dan hu wieħed mill-fatti li dawk li jridu jmaqdruha jsemmu biex isaħħu l-fama ħażina tagħha. Il-tarbija twieldet bil-moħbi u mbagħad Lucretia żżewġet lill-ġuvni ta' sbatax-il sena, Alfonsu ta' Aragona, Duka ta' Bisceglie, it-tifel illeġittmu tar-re Alfonsu II ta' Napli. Dan it-tieġ seħħ fil-21 ta' Lulju 1498, quddiem il-Kardinal Ascanio Sforza fil-palazz ta' Santa Maria Portico, wara negozjati komplessi dwar id-dota ta' Lucretia. Fil-5 ta' Awissu, ġiet iċċelebrata ċerimonja oħra.

Alfonsu ta' Aragona[editja]

Cesare Borgia, hu Lucrezia

Mill-1499 sal-1502 Lucrezia kienet, b'ħatra papali, il-gvernatriċi ta' Spoleto, Foligno, Assisi Nocera, Sassoferrato, Visso, Gualdo, Bettona, Trevi, Bevagna, Montefalco, Sangemini u tal-abbazija ta' Ferentillo. Kienet toqgħod Spoleto.[3]

Matul it-tieni żwieġ tagħha, Lucrezia kienet mitlufa għal kollox fid-dinja ta' missierha, milli jidher mingħajr ma kienet taf kemm kien qarrieq, u konvinta li l-Papa kien jagħmel kollox immexxi biss mill-imħabba immensa li kellu għat-tifla fessuda tiegħu. Allura laqitgħu lil Alfonsu ta' Aragona, li milli jidher kien l-ewwel imħabba ta' ħajjitha. Iż-żgħażagħ simili ħafna, it-tnejn sagrifikati għal raġunijiet tal-istat, malajr sabu ruħhom jaqblu u jħobbu lil xulxin. Kellhom tarbija, Rodrigo Aragona.

Madankollu, il-Papa kellu għanijiet espansjonisti kbar u, minħabba l-inkwiet fuq l-alleanza li kellu ma' Franza, kontra Spanja u Napli, wasal għall-konklużjoni li ż-żwieġ kien piż biss għalih. Alfonsu sar jaf u minkejja li kien iħobbha lil Lucrezia, ħarab biex isalva ħajtu. Il-Papa wieġeb għat-talbiet tal-għażiża bintu biex iġibilha lil żewġha lura, bagħatlu garanzija li jkun salv u ġabu lura. Imbagħad stenna mument propizju.

Hekk mela fil-lejla tal-15 tal-Lulju 1500 iż-żagħżugħ waqt li kien qiegħed jagħmel l-erba' passi ta' filgħaxija, ġie attakkat minn xi nies li mid-dehra kienu pellegrini. Ġew jgħinuh Sancha, il-mara tal-iżgħar mill-aħwa Borgia (Goffredo), u Lucrezia, li kkurawh għal xahar. Kienu jibdlu l-għassa tagħħom fil-kamra tal-marid biex ma jħalluhx mument waħdu. Hekk kienu żguri lil-perikolu kien ġej minn ġewwa l-palazz li kienu jħejjulu l-ikel huma stess. Iżda fit-18 ta' Awissu, bil-qerq Lucrezia u Sancha ġew imwarrbin mill-kamra tal-marid, u l-prinċep, issa mhux iżjed fil-periklu u qiegħed jirkupra, ġie fgat misterjożament. Fl-assassinju kulħadd għaraf id Michelotto, bniedem li Cesare Borgia kien jafda u l-bojja personali tiegħu.

Lucrezia għaddiet iż-żmien tal-vistu f'Nepi, 'il bogħod mill-familja. Meta marret lura Ruma reġgħet għamlet ħbieb ma' missierha, tant li fl-assenza tiegħu kien iħalliha tmexxi hi.

Dukessa ta' Ferrara[editja]

Lucrezia Borgia mpinġija minn Dosso Dossi (1518)

F'dan il-waqt, missier Lucrezia seta' jirranġa żwieġ ieħor li kien għalih iktar ta' siwi. Bl-għan li jsaħħaħ il-ħakma ta' Cesare fir-Romagna, ta lil Lucrezia fiż-żwieġ lil Alfonsu I d'Este, weriet leġittmu tad-Dukat ta' Ferrara.

Fit-30 ta' Diċembru 1501 iżżewġu bi prokura, u xahar wara Lucrezia ġiet milqugħa fil-qorti l-ġdid tagħha. Ir-raġel il-ġdid mhux biss ma riedx jiżżewiġha, iżda kien jibża' minnha minħabba l-fama terribbli tal-familja Borgia. Iżżewwiġha għax beża' mill-qawwa tal-Papa u ta' Cesare, u għax kien imġiegħel minn missieru, id-Duka Ercole I d'Este, billi dan miż-żwieġ kien ħa jiksiblu privileġġi ġodda għall-qorti tiegħu. Madankollu, meta ra lil Lucrezia baqa' imsaħħar bis-sbuħija tagħha.

Minn Alfonsu, Lucrezia kellha sitt ulied, Alessandro d'Este (1505), Ercole II d'Este (1508-1559), Duka ta' Ferrara, Ippolito II d'Este (1509 -1572) kardinal, Eleonora d'Este (1515-1575), Francesco d'Este (1516-1578) u Isabella Maria d'Este (1519-1521). Lucrezia kienet tgħaddi ħafna ħin ma' wlieda. Kienet tlibbishom b'mod sempliċi kif jixraq il-qagħda tagħhom għax, kif qalet hi, riedet "tarahom jinfaqgħu bid-daħk, jieħdu gost b'ruħhom u ġisimhom mingħajr l-ebda xorta ta' xkiel, jintilfu fuq il-logħob kollu adattat għall-età tagħhom."[4]

Fil-Qorti ta' Este Lucrezia irpiljat mill-akkużi li spiss kien ikun hemm kontriha fl-imgħoddi, għamlet ruħha apprezzata permezz tal-patrunaġġ tal-arti u għexet ħajja x’aktarx modesta, allavolja fl-ewwel snin kellha mill-inqas żewġ maħbubin: il-futur kardinal Pietro Bembo u Francesco II Gonzaga, ħu r-raġel. Bembo iddedikalha Gli Asolani, fejn faħħar is-sbuħija u l-virtù tagħha tagħha, filwaqt li Ariosto faħħar il-virtù fi stanza ta' Orlando Furioso u fis-Satiri.

Fl-aħħar snin ta' ħajjitha kellha kriżi reliġjuża profonda u saret terzjarja Franġiskana, titqarben kull filgħodu u tgħaddi sigħat twal fit-talb matul il-jum.

Jekk għal ċertu żmien għexet ta' midinba, żgur li mietet ta' qaddisa[5]

—Indro Montanelli

Għajdut u leġġendi[editja]

Fejn hemm Lucrezia, il-mewt.

—Minn Lucrezia Borgia opra ta' Gaetano Donizetti

Baqgħu ħajjin matul is-snin bosta għajdut u leġġendi, li jispekulaw l-iżjed fuq in-natura stravaganti tal-festi organizzati mill-familja Borgia.
Jingħad li Lucrezia kellha ċurkett vojt minn ġewwa li kienet spiss tużah biex tavvelena x-xorb. Jew li fil-pranzijiet tagħhom kienet tuża faqqiegħ velenuż għall-fwied li joqtol il-mistednin tagħha wara xi żmien sabiex ma tqajjimx suspett.
Il-ħafna spekulazzjoni dwar ir-relazzjoni inċestwuża ta' Lucretia ma' missierha u ħutha hi magħrufa sewwa.

Velenu[editja]

Jingħad li kellha ċurkett (jew vojt minn ġewwa jew b'labra) li kull jum kienet tgħammed fil-velenu li vvintat hi, il-cantarella. Biex tikseb it-taħlita kien meħtieġ li troxx l-arseniku fuq l-imsaren ta' ħanżir li jkun għadu kemm inqatel. Meta l-massa mmuffata tinxef, tindaħan fi trab. Tant hu vjolenti l-velenu ta' din it-taħlita li joqtol f'erbgħa u għoxrin siegħa, f'agunija orribbli. B'dan iċ-ċurkett setgħet toqtol b'tmellisa jew billi ddaħlu fix-xarba tal-vittma.
Iżda m'hemm l-ebda traċċa ta' dan kollu fid-dokumenti ta' dak iż-żmien, u l-iżjed fl-ittri tal-ambaxxaturi. Tabilħaqq, Lucrezia kienet dejjem deskritta bħala madonna decorosissima (sinjura ta' dinjità kbira).

Burckardt[editja]

L-ikbar maqdâr tal-familja Borgia kien Burckardt ta' Strasburgu, mastru taċ-ċerimonji fil-qorti papali. Skond dawn Lucrezia u missierha kienu jorganizzaw Sibtijiet is-Seħer Sataniċi, fosthom "iż-żifna tal-qastan", xorta ta' orġija maħluqa minn Cesare. Barra minn hekk akkuża lil Lucrezia b'relazzjonijiet inċestwużi mal-Papa u ħuha Cesare. Wasal biex jgħid li l-Infante Rumano, l-ewwel iben ta' Lucrezia, twieled minn inċest, u li ħafna mid-delitti tal-membri tal-familja kienu ġejjin mill-għira li kellhom għaliha. L-għan ta' Burckardt bħal ta' ħafna oħrajn kien li jrażżan il-qawwa tal-familja Borgia. Imma dawn u leġġendi oħra baqgħu ħajjin wara ħafna li l-qawwa rjali li kellha l-familja kienet għebet.

Diversi xhieda stqarru li raw xadini suwed jgħassu l-kamra tal-Papa, oħrajn li kienu raw il-Papa jiffirma patt max-xitan. Dak iż-żmien, il-figura tad-dimonju kienet tieħu l-għamla ta' barri, li qiegħed fl-istemma araldika tal-familja Borgia. X'aktarx dawn il-leġġendi ġew mil-mibegħda profonda li dan il-Papa rnexxielu jiġbed lejh, hekk li l-Riforma Luterana tnisslet proprjament mill-imġiba immorali tiegħu. Però hu improbabbli ħafna li Lucrezia, kienet kemm kienet kolta, setgħet tieħu xi deċiżjonijiet. Kienet biss mara fl-Ewropa tal-aħħar tas-seklu XV, u valurha kien ibbażat biss fuq l-alleanzi li setgħet tistabbilixxi permezz taż-żwiġijiet tagħha. Madankollu, hi miftakra bħala mara ħażina, kattiva u l-protagonista ta' konfoffi u qtil.

Lucrezia fil-kultura popolari[editja]

Teatru[editja]

Rumanzi[editja]

  • Lucrezia Borgia traġedja miktuba minn Victor Hugo fl-1833.
  • Lucrezia Borgia rumanz ta' Maria Bellonci, miktuba fl-1939 (premio Viareggio).
  • The Family (Il-Familja) rumanz ta' Mario Puzo.
  • Antonio Scurati f'kapitolu ta' Il rumore sordo della battaglia ta' Bompiani 2002, jirrakkonta l-perjodu li għaddiet f'Pesaro Lucrezia Borgia u jiddeskrivi l-imġiba żienja tagħha

Ċinema[editja]

  • Lucrezia Borgia, dirett minn Gerolamo Lo Savio (1912).
  • Lucrezia Borgia, taħdem Diana Karenne (1919).
  • Lucrezia Borgia, taħdem Liane Haid (1926).
  • Lucrèce Borgia, ta 'Abel Gance taħdem Edwige Feuillère (1935).
  • Lucrezia Borgia, taħdem Isa Pola (1940).
  • La maschera dei Borgia, taħdem Paulette Goddard (1949).
  • Lucrezia Borgia, taħdem Martine Carol (1953).
  • Lucrezia Borgia, l'amante del diavolo, taħdem Olga Schoberová (1968).
  • Il manichino assassino, taħdem Rosa Huerta (1973)
  • Lucrezia giovane, taħdem Simonetta Stefanelli (1974).
  • Le notti segrete di Lucrezia Borgia, taħdem Sirpa Lane (1982).
  • Lucrezia Borgia, taħdem Lucia [Prato (1990).
  • Los Borgia, taħdem María Valverde (2006).

Referenzi[editja]

  1. ^ Mill-ktieb La leggenda nera di Lucrezia Borgia, Clio Magazine
  2. ^ Il-familja Borgia (bil-Valenzjan "Borja", u bil-Kastiljan "Borgia" jew "Borja") għalkemm kellha antenati mill-bogħod Aragoniżi (ta' Borja fl-Aragona tal-Punent ċentrali), kienet tqis ruħha li hi mnissla mir-Renju ta' Valenzja, li dak iż-żmien kien integrat mal-Kuruna ta' Aragona. Il-Papiet Alessandru VI u Kallistu III, rispettivament missier u ziju ta' Lucretia, fil-fatt it-tnejn twieldu Xàtiva, il-fewdu l-aktar importanti tal-familja, li jinsab fiż-żona tar-Renju ta' Valenzja fejn jitkellmu bil-Katalan.
  3. ^ F. Mancini, Lucrezia Borgia governatrice di Spoleto" fl- Archivio storico italiano, 414, 1957, p. 182-187
  4. ^ Chastenet, Lucrezia Borgia. La perfida innocente, p. 315
  5. ^ Montanelli-Gervase, Storia d'Italia.Vol. 2 (1250-1600 ) ippubblikat minn Il Corriere della Sera, p. 346

Ħoloq esterni[editja]