Lista tal-għasafar ta' Malta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Il-merill, l-għasfur nazzjonali ta' Malta

Din hi lista tal-ispeċi tal-għasafar li jidhru f'Malta. L-avifawna ta' Malta fiha 384 speċi b'kollox, li minnhom 167 jidhru kultant. In-numru ta' għasafar li jbejtu Malta hu limitat; hemm 21 li jbejtu regularment u 17 li jbejtu kultant. Madankollu, billi l-gżejjer Maltin qegħdin fuq rotta importanti ta' migrazzjoni ħafna speċi oħra jgħaddu minnhom matul ir-rebbiegħa u l-ħarifa.

L-ispeċi li jidhru kultant huma inklużi f'din il-lista u huma mmarkati bl-ittra (K).

Nota fuq ix-xbihat: Infakkru li r-rix tal-għasafar tal-istess speċi jista' jinbidel skont is-sess, l-istaġun u l-ambjent u hawn nagħtu xbieha waħda (u kultant tnejn).


Werrej

Għasafar mhux Passeriformi: Bugħaddasa . Blonġuni . Garni . Kanġi . Pellikani . Suli . Marguni . Russetti, agretti u kwakk . Ċikonji . Ibis u paletti . Fenikottri . Papri, wiżż u ċinji . Arpa . Kuċċard, astuni, avultuni, bugħadam, sparvieri u ajkli . Bisien . Summien u ħaġel . Graw . Gallozz . Pitarruni . Gallina tal-Baħar . Xwejjef . Telleriti . Nankini u perċinjotti . Venewwi, pluvieri u birwin . Begazzini u bħalhom . Gawwi . Ċirlew . Ċwief . Purċinelli u mwies . Gangi . Tuduni u Gamiem . Daqquq . Barbaġann . Kokk . Bqaraq . Runduni . Għasfur ta' San Martin . Qerd in-Naħal . Farruġ . Daqquq tat-Toppu . Bulebbieta .

Għasafar Passeriformi: Alwett . Ħuttaf . Diżżi, zikzka u bħalhom . Buful . Sultan l-Isponsuni . Għasfur tax-Xmajjar . Bumisturi . Żwiemel . Mlievez . Ċistikoli . Bekkafiki u bħalhom . Rożinjoli u bħalhom . Primaveri . Daqquqa tal-Ġebel . Pendulini . Orjoli . Kaċċamenduli . Ċawl . Sturnelli . Għammiela . Virej . Sponsuni . Durrajs . Bumunqar Amerikan .

Referenzi

Għasafar mhux Passeriformi[editja]

Bugħaddasa[editja]

Orndi: Gaviiformes. Familja: Gaviidae

Il-Bugħaddasa huma grupp ta' għasafar akwatiċi li jinstabu f'ħafna partijiet tal-Amerika ta' Fuq u l-Ewropa ta' Fuq. Huma daqs papra kbira jew wiżżu żgħir u meta jkunu qegħdin jgħumu jixbħuhom ftit jew wisq lil dawn, imma ma jiġu xejn minnhom. Hemm 5 speċi ta' bugħaddasa u speċi waħda li tidher f'Malta.

Blonġuni[editja]

Ordni:Podicipediformes. Familja:Podicipedidae

Il-Blonġuni huma għasafar għaddasa fl-ilma ħelu ta' daqs mezzan. Għandhom is-swaba ta' saqajhom bil-paletti u huma għawwiema u għaddasa tajbin ħafna. Pero saqajhom qegħdin lura ħafna f'gisimhom u għalhekk huma bla grazzja fuq l-art. Hemm 19-il speċi minnhom madwar id-dinja u 4 jidhru f'Malta.

Garni[editja]

Ordni:Procellariiformes. Familja:Procellariidae

Il-familja tal-Procellariidae hi grupp ta' għasafar tal-baħar. Din il-familja hija parti mill-ordni tal-għasafar Procellariiformes (jew ta' mniħirhom tubu).

Il-procellariidae hi l-familja l-aktar numeruża tal-għasafar ta' mniħirhom tubu, u l-aktar diversa. Ivarjaw fid-daqs minn għasafar li huma kbar kważi daqs l-albatru, sal-Pachyptila u l-Halobaena, li huma żgħar daqs l-iżgħar kanġi. Dawn jieklu l-ħut, il-klamari u l-krostaċej, u ħafna minnhom jieklu wkoll l-iskart tas-sajd u l-ħut mejjet. L-ispeċi kollha għandhom il-ħila jħufu għall-ikel fil-bogħod u jagħmlu migrazzjonijiet twal trans-ekwatorjali. Jibqgħu fidili lejn parhom u dejjem jinżlu fl-istess post. Fl-ispeċi kollha, kull par ikollu bajda waħda kull staġun tat-tgħammir. Iż-żmien tal-inkubazzjoni u tat-trobbija tal-frieħ hu eċċezzjonalment twil imqabbel ma' dak ta' għasafar oħra. Hemm 77 speċi mad-dinja kollha u 5 minnhom jidhru f'Malta.

Kanġi[editja]

Ordni: Procellariiformes. Familja: Hydrobatidae

Il-kanġi (hydrobatidae) jiġu mill-ġarniji (procellariidae) u huma l-iżgħar għasafar tal-baħar. Jgħixu fuq il-krostaċej plantoniċi u ħut żgħir li jaqbdu minn wiċċ l-ilma, is-soltu huma u sseqqru. Meta jtiru jferfru ġwinħajhom u x'imdaqqiet ikunu qieshom friefet il-lejl. Hemm 20 speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.


Pellikani[editja]

Ordni: Pelecaniformes. Familja: Pelecanidae

Il-Pellikani huma għasafar kbar tal-baħar li għandhom borża kbira distintiva taħt il-munqar. Bħall-membri l-oħra tal-ordni tal-Pelecaniformes, għandhom erba' swaba magħqudin. Hemm 8 speċi mad-dinja kollha u speċi waħda li tidher Malta.

Suli[editja]

Ordni: Pelecaniformes. Familja: Sulidae

Il-familja tas-sulidae fiha għasafar ta’ daqs minn medju sa kbir li jgħixu mal-kosta u li jinżlu sparati meta jogħdsu għall-ħut. Hemm xi 10 speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher f’Malta.

Marguni[editja]

Ordni: Pelecaniformes. Familja: Phalacrocoracidae

Il-marguni (phalacrocoracidae) huma familja ta' għasafar tal-baħar ta’ daqsijiet minn medji għal kbar li jgħixu fuq il-ħut. Il-kulur tar-rix ivarja imma l-maġġoranza huma kważi suwed kollha, xi speċi huma suwed u bojod u ftit għandhom xi kuluri. Hemm 39 speċi mad-dinja kollha u 3 minnhom jidhru Malta.

Russetti, agretti u kwakk[editja]

Ordni: Ciconiiformes. Familja: Ardeidae

Il-membri tal-familja tal-Ardeidae għandhom għonqhom u saqajhom twal, imma kontra l-għasafar l-oħra ta' għonqhom twil bħaċ-ċikonji u l-ibis itiru b'għonqhom imdaħħal. Hemm 63 speċi mad-dinja kollha u 10 minnhom jidhru Malta.

Ċikonji[editja]

Ordni: Ciconiiformes. Familja: Ciconiidae

Iċ-ċikonji huma għasafar kbar, b'għonqhom twil, saqajhom twal, munqar twil u oħxon li jċafċfu fl-ilma. Iċ-ċikonji huma muti u ċ-ċekċik tal-munqar huwa mod importanti biex jikkomunikaw fil-bejta. Il-bejtiet tagħhom jistgħu ikunu kbar u jistgħu jintuzaw għal ħafna snin. Ħafna speċi huma migratorji. Hemm 19-il speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Ibis u paletti[editja]

Ordni Pelecaniformes. Familja: Threskiornithidae

It-threskiornithidae huma familja ta' għasafar kbar tal-art u ċafċafa. Għandhom ġwienaħ wisgħin u twal bi 11-il rixa primarja u xi 20 rixa sekondarja. Għandhom ħila kbira fit-titjir u minkejja l-piż u d-daqs tagħhom kapaċi jħufu ħafna. Hemm 33 speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Fenikottri[editja]

Ordni: Phoenicopteriformes. Familja: Phoenicopteridae

Il-fenikottri huma għasafar ċafċafa li jgħixu fi qtajja, is-soltu ta' għoli bejn 0.9 m u 1.5m, li jinstabu fiż-żewġ emsferi tal-Punent u tal-Lvant. Huma iżjed numerużi f’tal-aħħar. Il-fenikottri jgħixu fuq il-krostaċej u l-algi li jgħaddu minn filtru meta jikluhom. Munqarhom li għandu forma stramba hu adattat apposta biex jifirdu t-tajn u l-ħama mill-ikel li jieklu, u jużawh bil-maqlub. Hemm 6 speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Papri, wiżż u ċinji[editja]

Ordni: Anseriformes. Familja:Anatidae

Il-familja tal-Anatidae fiha l-papri u l-parti l-kbira tal-għasafar tal-ilma li jixbħu l-papri bħall-wiżż u ċ-ċinji. Dawn l-għasafar huma adattati għall-ħajja fl-ilma billi għandhom saqajhom bir-rita, munqarhom ċatt u l-ilma jiżloq minn fuq rixhom għax miksi biż-żejt. Hemm 159 speċi mad-dinja kollha u 30 minnhom jidhru Malta.

Arpa[editja]

Ordni: Falconiformes. Familja: Pandionidae

Il-familja Pandionidae fiha speċi waħda biss, l-arpa. L-arpa hi għasfur ta' daqs mezzan mifrux mad-dinja kollha speċjalizzat biex iħuf fl-ajru għall-ħut.

Kuċċard, astuni, avultuni, bugħadam, sparvieri u ajkli[editja]

Ordni: Falconiformes. Familja: Accipitridae

L-Accipitridae hi familja ta’ għasafar tal-priża li fiha l-kuċċard, l-ajkli, l-astuni, il-bugħadam u l-avultuni tad-Dinja l-Antika. Dawn l-għasafar għandhom munqar qawwi mgħawweġ ganċ biex bih iċartu l-laħam mill-priża, saqajn sodi, dwiefer qawwija u vista tajba ħafna. Hemm 240 speċi mad-dinja kollha u 19 minnhom jidhru Malta.

Bisien[editja]

Ordni: Falconiformes. Familja: Falconidae

Il-Falconidae hi familja ta' għasafar li jfittxu l-priża binhar. Huma differenti mill-kuċċard, l-ajkli u l-astun fis-sens li joqtlu l-priża bil-munqar minflok bid-dwiefer. Hemm 64 speċi mad-dinja kollha u 12 minnhom jidhru Malta.

Summien u ħaġel[editja]

Ordni: Galliformes. Familja: Phasianidae

Il-Phasianidae hi familja ta' għasafar terrestri fosthom is-summien u l-ħaġel. Dawn ġeneralment huma mbaċċnin (għalkemm jistgħu ivarjaw fid-daqs) u għandhom ġwienaħ wisgħin u qsar. Hemm 155 speċi mad-dinja kollha u 4 minnhom jidhru Malta.

Graw[editja]

Ordni: Gruiformes. Familja: Gruidae

Il-graw huma għasafar b’għonqhom twil u saqajhom twal. Kontra r-russett li jixbħuhom imma ma jiġux minnhom, il-graw itiru b'għonqhom il-barra u mhux miġbud il-ġewwa. Għandhom "żifniet" jew wirjiet ta' namur elaborati (tberrik). Hemm 15-il speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Gallozz[editja]

Ordni: Gruiformes. Familja: Rallidae

Ir-Rallidae hi familja kbira ta’ għasafar ta' daqs minn żgħir għall-mezzan li fiha fost oħrajn il-gallozz. Tipikament jgħixu f’veġetazzjoni folta f'ambjent umdu ħdejn il-lagi, l-art imtajna jew ix-xmajjar. Ġeneralment iħobbu jinħbew u għalhekk diffiċli biex tosservahom. Il-parti l-kbira tal-ispeċi għandhom saqajn sodi bi swaba twal li huma adattati tajjeb għal art rabta u imħarbta. Għandhom gwienaħ qsar fit-tond u huma dagħjfa fit-titjir. Hemm 135 speċi mad-dinja kollha u 10 minnhom jidhru Malta.

Pitarruni[editja]

Ordni: Otidiformes.Familja: Otididae

Il-pitarruni huma għasfar kbar tal-art assoċjati l-iżjed ma' kampanja miftuħa niexfa u l-isteppi fid-Dinja l-Antika. Jieklu kollox u jbejtu fl-art. Jimxu sod ħafna fuq saqajn b'saħħithom u swaba kbar, inaqqru huma u sejrin. Għandhom ġwienaħ wisgħin bit-truf "fi swaba" u meta jkunu qegħdin itiru juru disinji impressjonanti. Ħafna minnhom għandhom tberrik (wirjiet tan-namur) interessanti. Hemm 26 speċi mad-dinja kollha u 3 minnhom jidhru Malta.

Gallina tal-Baħar[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Haematopodidae

Il-Haematopodidae huma għasafar kbar u storbjużi li jixbħu l-venewwi, b’munqar qawwi biex ikissru u jiftħu l-molluski. Hemm 11-il speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Xwejjef[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Recurvirostridae

Ir-Recurvirostridae huma familja ta’ għasafar ċafċafa kbar, fosthom ix-xifa u l-fras-servent. Ix-xifa għandha saqajn twal u munqar twil mgħawweġ 'l fuq. Il-fras-servent għandu saqajn twal ħafna u munqar twil u rqiq. Hemm 10 speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Tellerit[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Burhinidae

It-tellerita hi l-ispeċi tat-tramuntana tal-familja Burhinidae. Dan l-għasfur ċafċaf hu kbir mhux ħażin, però pparagunata mal-membri l-oħra tal-familja għandu daqs mezzan. Għandu munqar b’saħħtu, isfar u iswed, għajnejn kbar sofor (li jagħtuh xeħta "reptiljana" jew "b’għajnejh imqabbżin") u rix kriptiku. Meta jkun qiegħed itir ikun impressjonanti b'marki suwed u bojod. Minkejja li hu klassifikat bħala ċafċaf, il-parti l-kbira tal-ispeċi jippreferu ħabitat miftuħ niexef b’xi art bla ħaxix. Hu għasfur ta' billejl u jgħanni l-għanjiet jgħajtu mbikkija li jixbħu lil dawk tal-gurlini. Jgħix fuq l-insetti u invertebrati żgħar oħra. Hemm 9 speċi tal-Burhinidae u waħda minnhom tidher Malta.

Nankini u perċinjotti[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Glareolidae

Il-Glareolidae huma familja ta' għasafar ċafċafa li fiha l-perniċjotti li għandhom saqajn qsar, gwienaħ twal bil-ponta u denb twil furketta u n-nankini li għandhom saqajn twal, ġwienaħ qsar u munqar twil bil-ponta mgħawweġ 'l isfel. Hemm 17-il speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Venewwi, pluvieri u birwin[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Charadriidae

Il-familja Charadriidae fiha fost oħrajn il-pluvieri, il-venewwi u l-birwin. Huma għasafar ta' daqsijiet minn żgħar sa mezzani b'ġisem kompatt, għonq oħxon qasir u ġwienaħ twal, is-soltu bil-ponta. Jinstabu fil-kampanja miftuħa mad-dinja kollha, l-iżjed fi nħawi ħdejn l-ilma, għalkemm hemm xi eċċezzjonijiet. Hemm 66 speċi mad-dinja kollha u 14 minnhom jidhru Malta.

Begazzini u bħalhom[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Scolopacidae

L-iScolopacidae huma familja wisgħa ta' għasafar ta' xatt il-baħar, fosthom il-begazzin, il-gurlin u l-griewel. Il-maġġoranza tal-ispeċi jieklu l-invertebrati li jnaqqru mill-ħamma jew mill-ħamrija. Minħabba l-varjazzjoni fit-tul tas-saqajn, bosta speċi jistgħu jieklu fl-istess ħabitat, partikularment fuq ix-xtut, mingħajr kompetizzjoni diretta għall-ikel. Hemm 89 speċi mad-dinja kollha u 32 minnhom jidhru Malta.

Gawwi[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Laridae

Il-Laridae huma familja ta’ għasafar tal-baħar ta' daqs minn mezzan għal kbir. Tipikament huma griżi jew bojod, spiss b'marki suwed fuq rashom jew ġwinħajhom. Għandhom munqarhom oħxon pjuttost twil u saqajhom bir-rita. Hemm 65 speċi mad-dinja kollha u 12 minnhom jidhru Malta.

Ċirlew[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Sternidae

Iċ-ċirlew huma grupp ta' għasafar tal-baħar li ġeneralment huma ta' daqs minn medju sa kbir. Tipikament għandhom rix griż jew abjad, sikwit b'marki suwed fuq rashom. Il-parti l-kbira taċ-ċirlew jogħdsu biex jaqbdu l-ħut imma xi wħud inaqqru l-insetti minn wiċċ l-ilma ħelu. Iċ-ċirlew jgħixu ħajja twila, hemm xi speċi li jgħixu aktar minn 25 sa 30 sena. Hemm 44 speċi mad-dinja kollha u 9 minnhom jidhru Malta.

Ċwief[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Stercorariidae

L-għasafar tal-familja Stercorariidae huma ġeneralment ta' daqs minn medju sa kbir. Għandhom rix griż jew kannella b'marki bojod fuq il-ġwienaħ. Ibejtu fl-art f'reġjuni temperati u artiċi u jemigraw fil-bogħod. Hemm 7 speċi mad-dinja kollha u 4 minnhom jidhru Malta.

Nota:Iċ-Ċiefa (Calonectris diomedea) mhux qiegħda f'din il-familja imma fil-familja Procellariidae (ordni: Procellariiformes).

Purċinelli u mwies[editja]

Ordni: Charadriiformes. Familja: Alcidae

L-Alcidae jidhru qishom pingwini minħabba l-kuluri tagħhom suwed u bojod, il-pożizzjoni wieqfa u xi wħud mid-drawwiet tagħhom, però ma' jiġux mill-pingwini u kontra tagħhom jistgħu itiru. Dawn l-għasafar jgħixu fil-baħar miftuħ u jitilgħu l-art biss biex ibejtu. Hemm 23 speċi mad-dinja kollha u 4 minnhom jidhru Malta.

Gangi[editja]

Ordni: Pteroclidiformes. Familja: Pteroclidae

Il-gangi għandhom rashom u għonqhom żgħar bħal tal-ħamiem, imma mbagħad għandhom ġisem mibrum u kompatt. Ġwinħajhom huma twal u bil-ponta u x'imdaqqiet denbhom ukoll. Itiru dirett b’ħeffa kbira u fis-sbieħ u nżul ix-xemx itiru f'qtajjiet għal fejn jixorbu. Saqajhom miksijin bir-rix sas-swaba. Hemm 16-il speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Tuduni u Gamiem[editja]

Ordni: Columbiformes. Familja: Columbidae

Il-Columbidae huma għasafar mibrumin b'għonqhom qasir, munqarhom irqieq u qasir u cere mlaħħma. Hemm 308 speċi mad-dinja kollha u 6 minnhom jidhru Malta.

Daqquq[editja]

Ordni: Cuculiformes. Familja: Cuculidae

L-għasafar tal-familja Cuculidae ivarjaw fid-daqs, għandhom ġisimhom magħlub, denbhom twil u saqajhom b'saħħithom. Kontra l-cuculidae tad-Dinja l-Antika, dawk tal-Amerika ta' Fuq m’humiex parasiti tal-bejta. Hemm 141 speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Barbaġann[editja]

Ordni: Strigiformes. Familja: Tytonidae

Il-familja Tytonidae huma għasafar ta' daqs minn medju sa kbir, rashom kbira u wiċċhom bil-forma karatteristika ta' qalb. Għandhom saqajhom b'saħħithom u twal bi dwiefer qawwija. Hemm 16-il speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Kokk[editja]

Ordni: Strigiformes. Familja: Strigidae

Il-kokk huma għasafar tal-priża ta' daqs minn żgħir għal kbir li huma solitarji u notturni. Għandhom għajnejhomn u widnejhom kbar iħarsu dritt 'l quddiem, munqar bħal ta' seqer u ċirku tar-rix madwar kull għajn li jidher ħafna u jgħidulu diska faċjali. Hemm 199 speċi mad-dinja kollha u 5 minnhom jidhru Malta.

Bqaraq[editja]

Ordni: Caprimulgiformes. Familja: Caprimulgidae

Il-bqaraq huma għasafar notturni ta' daqs medju bi ġwienaħ twal, saqajn qsar u munqar qasir ħafna li s-soltu jbejtu fl-art. Il-parti l-kbira tal-ispeċi għandhom saqajhom żgħar li ma jiswewx wisq għal mixi u ġwienaħ twal bil-ponta. Għandhom rix artab maskarat bħala qoxra tas-siġar jew weraq. Hemm 91 speċi mad-dinja kollha u 3 minnhom jidhru Malta.

Runduni[editja]

Ordni: Apodiformes. Familja: Apodidae

Ir-runduni huma għasafar li jqattgħu l-parti l-kbira ta' ħajjithom fl-ajru. Dawn l-għasafar għandhom saqajhom qsar ħafna u qatt ma jinżlu fuq l-art jekk jista' jkun u minflok jiggranfaw ma' xi wiċċ vertikali. Ħafna runduni għandhom ġwienaħ mitfugħin lura qishom nofs qamar. Hemm 100 speċi mad-dinja kollha u 6 minnhom jidhru Malta.

Għasfur ta' San Martin[editja]

Ordni: Coraciiformes. Familja: Alcedinidae

L-Alcedinidae huma għasafar ta' daqs medju b'rashom kbira, munqarhom twil bil-ponta, saqajhom qsar u denbhom qasir. Hemm 93 speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Qerd in-Naħal[editja]

Ordni: Coraciiformes. Familja: Meropidae

Il-qerd in-naħal huma group ta' għasafar li jiġu mill-passeriformi fil-familja tal-Meropidae. Il-parti l-kbira tal-ispeċi jinstabu l-Afrika imma oħrajn jinstabu l-Ewropa t'Isfel, Madagaskar, l-Awstralja u New Guinea. Hums karatterizzati b'rixx ta' ħafna lwien, ġisem mislut, u s-soltu rix tawwalin f'nofs id-denb, li jagħmluhom qishom ħuttaf mill-bogħod. Hemm 26 speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Farruġ[editja]

Ordni: Coraciiformes. Familja: Coraciidae

Il-Coraciidae jixbħu ċ-ċawl fid-daqs u fl-għamla imma huma eqreb għall-qerd in-naħal u l-għasfur ta' San Martin. Bħalhom għandhom rix imlewwen l-iżjed bl-ikħal u l-kannella. Għandhom iż-żewġ swaba ta' quddiem ta' ġewwa magħqudin flimkien imma ta' barra le. Hemm 12-il speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Daqquqa tat-Toppu[editja]

Ordni: Coraciiformes. Familja: Upupidae

L-upupidae għandhom kulur iswed, abjad u roża fl-oranġjo u għandhom għalla kbira mwaqqfa fuq rashom. Hemm 2 speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Bulebbiet[editja]

Ordni: Piciformes. Familja: Picidae

Il-Bulebbieta huma għasafar ta' daqs minn żgħir għal medju b'munqar qisu furmatur, saqajn qsar, denb iebes u lsien twil biex jaqbdu l-insetti. Xi speċi għandhom saqajhom b'żewġ swaba 'l quddiem u tnejn 'il wara, waqt li xi speċi għandhom tliet swaba biss. Ħafna bulebbieta għandhom id-drawwa li jsammru fuq iz-zkuk tas-siġar b'munqarhom. Hemm 219-il speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Għasafar Passeriformi[editja]

Alwett[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Alaudidae

L-alwett huma għasafar żgħar tal-art li sikwit jgħannu u jtiru b'mod estravaganti. Il-parti l-kbira tal-alwett għandhom dehra bla kuluri. Jgħixu fuq l-insetti u ż-żerriegħa. Hemm 96 speċi mad-dinja kollha u 12 minnhom jidhru Malta.

Ħuttaf[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Hirundinidae

Il-familja tal-Hirundinidae hi grupp ta' passeriformi kkaratterizzati bil-ħila li ghandħom li jieklu waqt li jtiru. Għandhom ġisimhom mislut u aerodinamiku, ġwinħajhom twal bil-ponta u munqarhom qasir jinfetaħ wiesa'. Saqajhom huma magħmulin biex jaqbdu mas-siġar iżjed milli għall-mixi. Hemm 83 speċi mad-dinja kollha u 5 minnhom jidhru Malta.

Diżżi, zikzka u bħalhom[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Motacillidae

Il-Motacillidae huma familja ta' għasafar passeriformi żgħar b'denbhom ta' daqs medju. Għandhom ġisimhom mislut u jgħixu minfuq l-insetti fl-art. Hemm xi 66 speċi mad-dinja kollha u 11 minnhom jidhru Malta.

Buful[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Regulidae

Ir-Regulidae huma grupp żgħir ta' għasafar li spiss jingħaddu mal-għasafar għanejja tad-Dinja l-Antika, imma sikwit jingħataw l-istatus ta' familja billi jixbħu l-Baeolophus. Hemm xi 6 speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Sultan l-Isponsuni[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Bombycillidae

Il-Bombycillidae huma grupp ta' passeriformi kkaratterizzati b'rix artab ħariri u truf ħomor fuq ir-rix tal-gwienaħ. Dan huma għasafar tas-siġar tal-foresti tat-tramuntana. Jgħixu fuq l-insetti fis-sajf u fuq il-bakek fix-xitwa. Hemm 3 speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Għasfur tax-Xmajjar[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Cinclidae

Ic-Cinclidae huma grupp ta' għasafar li jgħixu fis-siġar u l-ħabitat taghħom fih ambjenti akwatiċi fl-Ameriki, l-Ewropa u l-Asja. Hemm 5 speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Bumisturi[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Troglodytidae

Il-bumisturi huma għasafar żgħar li jħobbu jinħbew (għalhekk bismisturin) barra l-għanja tgħajjat tagħhom. Għandhom ġwinħajhom qsar u munqarhom irqieq imdawwar l-isfel. Bosta speci iżommu denbhom 'l fuq. Kollha jgħixu fuq l-insetti. Hemm xi 80 speċi mad-dinja kollha (li kollha ħlief waħda jgħixu fid-Dinja l-Ġdida) u waħda minnhom tidher Malta.

Żwiemel[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Prunellidae

Il-Prunellidae huma l-unika familja li huma endemiċi kompletament fil-Palearktiku. Dawn huma għasafar żgħar bla xejn li jiddistngwihom, li minn barra jixbħu l-għasafar tal-bejt. Hemm xi 13-il speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Mlievez[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Turdidae

L-imlievez huma grupp ta' għasafar passeriformi li jgħixu l-iżjed fid-Dinja l-Antika. Dawn huma insettivori (xi ftit omnivori) ta' daqs medju, mbaċċnin b'rixhom artab, li spiss jieklu fl-art. Hemm 176 speċi mad-dinja kollha u 8 minnhom jidhru Malta.

Ċistikoli[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Cisticolidae

Iċ-Cisticolidae huma għanejja (ivversjaturi) li jinstabu l-iżjed fir-reġjuni sħan tan-nofsinhar tad-Dinja l-Antika. Ġeneralment huma skuri, kanella jew griżi u joqgħodu fil-beraħ fejn ma tantx hemm siġar. Hemm 111-il speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Bekkafiki u bħalhom[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Sylviidae

Il-familja tas-Sylviidae huma grupp ta' għasafar passeriformi, insettivori żgħar. Is-Sylviidae bħala speċi li jbejtu jinstabu l-iżjed fl-Ewropa, l-Ażja u, inqas fl-Afrika. Il-parti l-kbira minnhom għandhom dehra li m'għandha xejn li jaqlagħha, imma għandhom għanja distintiva. Hemm 291 speċi mad-dinja kollha u 41 minnhom jidhru Malta.

Rożinjoli u bħalhom[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Muscicapidae

Il-Muscicapidae huma grupp kbir ta' għasafar passeriformi żgħar indiġeni għad-Dinja l-Antika. Ġeneralment huma insettivori żgħar ta' fuq is-siġar. Id-dehra ta' dawn l-għasafar tvarja, imma l-parti l-kbira minnhom għandhom għanja dgħajfa u għajta ħarxa. Hemm 275 speċi mad-dinja kollha u 23 minnhom jidhru Malta.

Primaveri[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Paridae

Il-Paridae huma fil-parti l-kbira speċi ta' għasafar żgħar mibrumin b'munqarhom qasir u oħxon, li jgħixu fl-imsaġar. Huma għasafar adattabbli b'dieta mħallta li tinkludi ż-żerriegħa u l-insetti. Hemm 59 speċi mad-dinja kollha u 2 minnhom jidhru Malta.

Daqquqa tal-Ġebel[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Tichodromidae

Id-Daqquqa tal-Ġebel hi għasfur żgħir b'rix stupend, aħmar skur, griż u iswed.

Pendulini[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Remizidae

Ir-Remizidae huma grupp żgħir ta' għasafar passeriformi insettivori li jiġu mill-Paridae. Hemm 13-il speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Orjoli[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Oriolidae

L-orjoli tad-Dinja l-Antika huma għasafar kuluriti passeriformi li ma jiġux mill-orjoli tad-Dinja l-Ġdida. Hemm 29 speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Kaċċamenduli[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Laniidae

Il-Kaċċamenduli huma għasafar passeriformi magħrufin għad-drawwa tagħhom li jaqbdu għasafar oħhra u annimali żgħar u jwaħħlu l-biċċċiet li ma jkunux kielu fuq ix-xewk. Munqarhom ganċ bħal tal-għasafar tal-priża. Hemm 30 speċi mad-dinja kollha u 5 minnhom jidhru Malta.

Ċawl[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Corvidae

Il-familja tal-Corvidae huma ikbar mill-medja tal-ordni tal-passeriformi. Xi wħud mill-ikbar speċi għandhom ħila kbira biex jitgħallmu. Hemm 119-il speċi mad-dinja kollha u 5 minnhom jidhru Malta.

Sturnelli[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Sturnidae

L-isturnelli huma għasafar passeriformi ta' daqs minn żgħir għal medju. Itiru fid-dritt bil-qawwa, u huma gregarji ħafna. Bħala ambjent jippreferu l-kampanja miftuħa. Jieklu l-insetti u l-frott. Tipikament rixhom hu skur b'leqqa metalika. Hemm 114-il speċi mad-dinja kollha u 3 minnhom jidhru Malta.

Għammiela[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Passeridae

L-għammiela huma għasafar passeriformi. Ġeneralment ikunu żgħar, imbaċċnin, kannella jew griżi, b'denbhom qasir u munqarhom qasir u b'saħħtu. L-għammiela jieklu l-iżjed iż-żerriegħa imma jieklu wkoll insetti żgħar. Hemm 38 speċi mad-dinja kollha u 4 minnhom jidhru Malta.

Virej[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Vireonidae

Il-Vireonidae huma grupp żgħir ta' għasafar passeriformi ta' daqs minn żgħir għal medju li huma ristretti għad-Dinja l-Ġdida. Tipikament huma fl-aħdar u jixbħu l-Vjolin Ħadrani barra minn munqarhom li hu eħxen. Hemm 52 speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Sponsuni[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Fringillidae

Il-Fringillidae huma għasafar passeriformi li jieklu biss iż-żerriegħ. Jistgħu ikunu minn żgħar għal kbar mhux ħażin u għandhom munqarhom b'saħħtu, is-soltu koniku u f'xi speċi kbir ħafna. Kollha għandhom 12-il rixa f'denbhom u 9 rix primarji. Dawn l-għasafar itiru bil-qabża, jagħtu s-salt iħabbtu l-ġwienaħ imbagħad jiżżerżqu mal-arja u jibqgħu sejrin hekk. Il-parti l-kbira minnhom jgħannu tajjeb. Hemm 176 speċi mad-dinja kollha u 13 minnhom jidhru Malta.

Durrajs[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Emberizidae

L-Emberizidae huma familja kbira ta' għasafar passeriformi. Jgħixu fuq iż-żerriegħ u l-forma ta' munqarhom hi distintiva. Ħafna mill-ispeċi tal-Emberizidae għandhom disinn distintiv fuq rashom. Hemm 329 speċi mad-dinja kollha u 16 minnhom jidhru Malta.

Bumunqar Amerikan[editja]

Ordni: Passeriformes. Familja: Cardinalidae

Il-Cardinalidae huma familja ta' għasafar passeriformi b'saħħithom, li jgħixu fuq iż-żerriegħa u għandhom munqarhom qawwi. Tipikament huma assoċjati mal-boskijiet miftuħa. Is-sessi s-soltu jkollhom rix differenti. Hemm 43 speċi mad-dinja kollha u waħda minnhom tidher Malta.

Referenzi[editja]

Ħoloq esterni[editja]