Lino Cassar

Dan l-artiklu ġie ppubblikat l-ewwel fil-Wikipedija bil-Malti
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Lino Cassar
Ħajja
Twelid 3 Jannar 1935
Mewt 9 Novembru 2012
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni ġurnalist
kritiku tal-films

Lino Cassar (3 ta' Jannar 1935 - Mosta, 9 ta' Novembru 2012) kien ġurnalist xellugi Malti f'karriera li wasslitu biex fl-2007 kien rikonoxxut bil-Premju tad-Deheb fil-Ġurnaliżmu.

Karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Ġurnaliżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Cassar kien editur tal-ġurnal Iż-Żmien bejn l-1967 u l-1971, kif ukoll ta' Ix-Xewka, gazzetta politika-satirika ta’ darba fil-ġimgħa, bejn l-1965 u l-1978. Kien ukoll maniġer tal-Freedom Press fiż-żmien li kienu kkundannati hi u l-pubblikazzjonijiet tagħha. Huwa appuntu fil-qasam tal-ġurnaliżmu politiku-satiriku li Lino Cassar ta kontribut enormi. Kompla fuq it-tradizzjoni ta’ ġurnaliżmu politiku-satiriku li Ġino Muscat Azzopardi, l-ikbar ħabib ta’ Lino Cassar, u oħrajn qablu ħallew ħajja għal snin twal.

Kien ukoll kontributur regolari fuq It-Torċa bil-paġna "Ħadd wara Ħadd" fejn baqa' magħruf għall-istil dirett u bla kantunieri li bih kien jaqsam ħsibijietu.

Ċinematografija[immodifika | immodifika s-sors]

Cassar jibqa' magħruf ukoll għall-imħabba kbira li kellu lejn iċ-ċinematografija tant li serva kemm fuq il-Bord taċ-Ċensura tal-Films u t-Teatru (1972-87) kif ukoll bħala Direttur Maniġerjali tal-Mediterranean Film Studios. Kien Kap tal-Films taċ-ċinema f’Xandir Malta (1975-83). Huwa kkontribwixxa kitbiet dwar films fuq diversi ġurnali. Fl-2007 Cassar ġie mogħti l-Gold Award fis-sbatax-il edizzjoni tal-Malta Journalism Award.

Huwa ngħata Ġieħ ir-Repubblika, sena wara mewtu, fl-2013, b’rikonoxximent tas-servizz distint li huwa ta lis-soċjetà Maltija permezz tal-ġurnaliżmu.

Wara mewtu kien deskritt mill-Partit Laburista bħala "kolonna tal-ġurnaliżmu", anke l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) faħħru fejn iddeskrivih bħala "pijunier fil-qasam tal-kritika ċinematografika" kif ukoll "enċiklopedija umana tal-qasam taċ-ċinema".

Ħajja privata[immodifika | immodifika s-sors]

Lino Cassar kien miżżewweġ lil Maria u kellhom żewġt itfal, Gino u Anne Marie. Hu miet fid-9 ta' Novembru 2012 fl-età ta' 78 sena.[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Lino Cassar dies". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-23.