Kumitat tar-Reġjuni

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huwa l-assemblea tal-Unjoni Ewropea (UE) tar-rappreżentanti lokali u reġjonali li tipprovdi lill-awtoritajiet sottonazzjonali (jiġifieri r-reġjuni, il-kontej, il-provinċji, il-muniċipalitajiet u l-bliet) b'vuċi diretta fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE.

Imwaqqaf fl-1994, il-KtR inħoloq biex jindirizza żewġ kwistjonijiet ewlenin. L-ewwel, madwar tliet kwarti mil-leġislazzjoni tal-UE hija implimentata fil-livell lokali jew reġjonali; għalhekk huwa xieraq li r-rappreżentanti lokali u reġjonali jingħataw vuċi fit-tħejjija tal-liġijiet il-ġodda tal-UE. It-tieni, kien hemm tħassib dwar id-distakk dejjem akbar bejn il-pubbliku u l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea; l-involviment tal-livell ta' gvern elett li jkun l-aktar qrib taċ-ċittadini kien mod wieħed kif jiġi eliminat dan id-distakk.

Sfond[immodifika | immodifika s-sors]

Fi ħdan l-Unjoni Ewropea l-awtoritajiet lokali u reġjonali ppressaw għal influwenza ikbar fil-kwistjonijiet relatati mal-UE. Dan wassal għall-ħolqien tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni permezz tat-Trattat ta' Maastricht u għad-dispożizzjoni biex l-Istati Membri jkunu rrappreżentati fil-Kunsill tal-UE minn ministri tal-gvernijiet reġjonali tagħhom.

Prinċipji[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm tliet prinċipji ewlenin fil-qalba tal-ħidma tal-Kumitat:

Is-sussidjarjetà

Dan il-prinċipju, li tniżżel fit-Trattati fl-istess waqt li nħoloq il-KtR, ifisser li d-deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea jridu jittieħdu fl-aktar livell prattiku qrib iċ-ċittadini. L-Unjoni Ewropea għalhekk m’għandhiex twettaq ħidma li tista’ ssir aħjar mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Il-viċinanza

Il-livelli kollha tal-gvern għandhom jimmiraw li jkunu ‘qrib iċ-ċittadini’, b’mod partikolari billi jorganizzaw ħidmiethom b’mod trasparenti, ħalli n-nies ikunu jafu min hu responsabbli għal xiex u kif jistgħu jressqu fehmiethom.

Is-sħubija

Governanza tajba Ewropea tfisser li l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali jaħdmu lkoll flimkien – l-erbgħa li huma huma indispensabbli u għandhom ikunu involuti fil-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'governanza f'diversi livelli.

Kamp ta' applikazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

It-Trattati jobbligaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonsultaw lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kull meta jsiru proposti ġodda f’oqsma li għandhom implikazzjonijiet fil-livell reġjonali jew lokali. Barra minn dawn l-oqsma, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jistgħu jikkonsultaw lill-KtR dwar kwistjonijiet oħra jekk ikunu tal-fehma li l-proposta leġislattiva għandha implikazzjonijiet reġjonali jew lokali. Il-KtR jista’ wkoll iħejji opinjonijiet fuq inizjattiva proprja; permezz ta’ dan, jista’ jpoġġi ċerti kwistjonijiet fuq l-aġenda tal-UE.

Il-KtR kiseb id-dritt (l-istatus privileġġjat) li jindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea issa li t-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ wara li ġie rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE (Artikolu 8, Protokoll Nru 2) dwar l-Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

Kompożizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-KtR għandu 350 membru sħiħ u l-istess numru ta' membri sostituti, fejn in-numru ta' membri għal kull pajjiż jirrifletti bejn wieħed u ieħor id-daqs tal-popolazzjoni tiegħu. In-numru ta' membri għal kull pajjiż huwa kif ġej:

Stat Membri Stat Membri Stat Membri
 Ġermanja 24  Belġju 12  Irlanda 9
 Renju Unit 24  Ungerija 12  Kroazja 9
 Franza 24  Portugall 12  Litwanja 9
 Italja 24  Żvezja 12  Latvja 7
 Spanja 21  Bulgarija 12  Slovenja 7
 Polonja 21  Awstrija 12  Estonja 6
 Rumanija 15  Slovakkja 9  Ċipru 5
 Pajjiżi l-Baxxi 12  Danimarka 9  Lussemburgu 5
 Greċja 12  Finlandja 9  Malta 5
 Repubblika Ċeka 12
TOTAL 350

Struttura interna[immodifika | immodifika s-sors]

Il-President

Il-president jiggwida l-ħidma tal-Kumitat waqt l-assemblea plenarja, jippresjedi s-sessjonijiet plenarji u huwa r-rappreżentant uffiċjali tal-KtR. Karl-Heinz Lambertz (Belġju/Partit tas-Soċjalisti Ewropej, PSE), Senatur mill-komunità li titkellem bil-Ġermaniż fil-Belġju, huwa l-President attwali li ġie elett fit-12 ta’ Lulju 2017.

Lista tal-Presidenti tal-Kumitat tar-Reġjuni

President tal-KtR Presidenza Nazzjonalità Grupp Politiku Ewropew
Karl-Heinz Lambertz, Il-komunità li titkellem bil-Ġermaniż fil-Belġju 2017 – s'issa Belġjan Partit tas-Soċjalisti Ewropej
Markku Markkula, Espoo 2015 – 2017 Finlandiż Partit Popolari Ewropew
Michel Lebrun, Vallonja 2014 – 2015 Belġjan Partit Popolari Ewropew
Ramón Luis Valcárcel, Murcia 2012 – 2014 Spanjol Partit Popolari Ewropew
Mercedes Bresso, Pjemonte 2010 – 2012 Taljana Partit tas-Soċjalisti Ewropej
Luc Van Den Brande, Fjandri 2008 – 2010 Belġjan Partit Popolari Ewropew
Michel Delebarre, Dunkirk, Nord Pas de Calais 2006 – 2008 Franċiż Partit tas-Soċjalisti Ewropej
Peter Straub, Baden-Wurttemberg 2004 – 2006 Ġermaniż Partit Popolari Ewropew
Sir Albert Bore, Birmingham 2002 – 2004 Brittaniku Partit tas-Soċjalisti Ewropej
Jos Chabert, Reġjun ta' Brussell-Kapitali 2000 - 2002 Belġjan Partit Popolari Ewropew
Manfred Dammeyer, Nordrhein-Westfalen 1998 - 2000 Ġermaniż Partit tas-Soċjalisti Ewropej
Pasqual Maragall i Mira, Barċellona, il-Katalonja 1996 – 1998 Spanjol Partit tas-Soċjalisti Ewropej
Jacques Blanc, Languedoc-Roussillon 1994 – 1996 Franċiż Partit Popolari Ewropew

L-Ewwel Viċi President

L-Ewwel Viċi President jiġi elett ukoll mill-assemblea plenarja għal sentejn u nofs u jirrappreżenta lill-President fl-assenza tiegħu. Markku Markkula (Finlandja/Partit Popolari Ewropew, PPE), membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo, ġie elett bħala l-ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fit-12 ta’ Lulju 2017.

Il-Bureau

Il-Bureau huwa l-korp tal-KtR li jieħu d-deċiżjonijiet. Huwa magħmul minn 63 membru: il-President, l-Ewwel Viċi President, 28 Viċi President (wieħed għal kull Stat Membru), il-Presidenti tal-gruppi politiċi tal-KtR, u 28 membru ieħor mid-delegazzjonijiet nazzjonali, li jippermettu li l-Bureau jkun jirrifletti l-ekwilibriji nazzjonali u politiċi. Ġeneralment il-Bureau jiltaqa’ seba’/tmien darbiet fis-sena, ifassal il-programm ta’ politika tal-KtR, u jagħti istruzzjoni lill-amministrazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu.

L-Assemblea Plenarja

Il-membri tal-KtR jiltaqgħu f’sessjoni plenarja fi Brussell sitt darbiet fis-sena sabiex jiddiskutu u jadottaw opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet. Markku Markkula (Finlandja/Partit Popolari Ewropew, PPE), membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo, ġie elett bħala l-ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fit-12 ta’ Lulju 2017.

Il-kummissjonijiet tal-KtR

Il-KtR jorganizza ħidmietu permezz ta' kummissjonijiet interni, li jispeċjalizzaw f'oqsma topiċi:

  • CIVEX - iċ-ċittadinanza, il-governanza, l-affarijiet istituzzjonali u dawk esterni;
  • COTER - il-politika ta' koeżjoni territorjali u l-baġit tal-UE;
  • ECON - il-politika ekonomika;
  • ENVE - l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-enerġija;
  • NAT - ir-riżorsi naturali, inkluża l-agrikoltura;
  • SEDEC - il-politika soċjali, l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-kultura.

Dawn iħejju l-abbozz ta’ opinjonijiet u jorganizzaw konferenzi u seminars li jiffukaw fuq l-oqsma ta’ kompetenza tagħhom. Kull kummissjoni għandha madwar 100 membru (kull membru jista' jagħmel parti minn żewġ kummissjonijiet) u hija appoġġjata minn segretarjat fi ħdan l-amministrazzjoni. Kummissjoni Speċjali għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi (CFAA) hija wkoll stabbilita biex tassisti l-Bureau tal-KtR.

Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi (CFAA)

Din il-kummissjoni – li għandha tmien membri – tagħti pariri lill-Bureau dwar kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji.

Il-gruppi politiċi

Il-KtR għandu ħames gruppi politiċi: il-Partit Popolari Ewropew (PPE), il-Grupp tal-Konservattivi u Riformisti Ewropej (KRE), il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PSE), l-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE), u l-Alleanza Ewropea (AE). Il-membri ta’ kull partit politiku jiltaqgħu qabel laqgħat importanti biex jadottaw pożizzjonijiet komuni. Il-president tal-KtR, l-ewwel viċi president u l-presidenti tal-gruppi politiċi wkoll jiltaqgħu qabel kull sessjoni plenarja u laqgħat importanti oħra bil-għan li jilħqu kunsens politiku dwar kwistjonijiet ewlenin.

Il-konferenza tal-Presidenti

Il-President tal-KtR, l-Ewwel Viċi President, il-presidenti tal-gruppi politiċi u s-Segretarju Ġenerali wkoll jiltaqgħu fi ħdan il-Konferenza tal-Presidenti qabel kull sessjoni plenarja u laqgħat importanti oħra bil-għan li jilħqu kunsens politiku dwar kwistjonijiet strateġiċi.

Id-delegazzjonijiet nazzjonali

Il-KtR jinkludi wkoll 28 delagazzjoni nazzjonali. Il-membri jiltaqgħu fid-delegazzjoni nazzjonali tagħhom qabel is-sessjonijiet plenarji u avvenimenti oħra biex jiddiskutu punti komuni.

Is-Segretarju Ġenerali

Is-Segretarju Ġenerali huwa maħtur għal ħames snin mill-Bureau. Bħala l-kap tal-amministrazzjoni tal-KtR, is-Segretarju Ġenerali ma jistax ikollu mandat politiku. Huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-President u l-Bureau u għat-tmexxija mingħajr problemi tal-amministrazzjoni. Jirí Buriánek huwa s-Segretarju Ġenerali attwali tal-KtR mill-l ta' Settembru 2014.

Is-Segretarjat Ġenerali

Is-Segretarjat Ġenerali jikkonsisti f'ħames Direttorati: Membri u Sessjonijiet Plenarji; Ħidma Leġislattiva 1; Ħidma Leġislattiva 2; Komunikazzjoni; Riżorsi Umani u Finanzi. Id-Direttorati tal-Loġistika u t-Traduzzjoni huma ġestiti b'mod konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Ħidma[immodifika | immodifika s-sors]

Opinjonijiet

Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew jikkonsultaw lill-KtR meta jfasslu t-testi leġislattivi (Direttivi, Regolamenti, eċċ.) dwar kwistjonijiet li jolqtu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-abbozzi tat-testi jitressqu lill-kummissjoni rilevanti tal-KtR. Imbagħad jinħatar relatur biex iħejji l-opinjoni tal-Kumitat. Dan l-abbozz ta’ opinjoni jrid jiġi adottat mill-kummissjoni tal-KtR qabel ma jiġi diskuss fis-sessjoni plenarja. Ladarba dan jiġi approvat fil-plenarja, l-opinjoni uffiċjali tintbagħat lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha u tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Riżoluzzjonijiet

Ir-riżoluzzjonijiet jippermettu li l-Kumitat jesprimi fehmietu dwar kwistjonijiet importanti u topiċi. Il-gruppi politiċi tal-KtR jew 32 membru tal-KtR jistgħu jfasslu r-riżoluzzjonijiet meħtiġin.

Studji u pubblikazzjonijiet oħra

Il-KtR jipproduċi studji dwar aspetti varji tad-dimensjoni lokali u reġjonali tal-UE (edukazzjoni, trasport, kwistjonijiet soċjali, tkabbir, eċċ.). Dawn id-dokumenti jitħejjew bl-għajnuna ta’ esperti minn barra. Il-KtR jipproduċi wkoll pubblikazzjonijiet kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-atturi reġjonali u lokali, bil-għan li jispjega l-attivitajiet tiegħu u jagħti informazzjoni dwar l-iżviluppi politiċi attwali.

Avvenimenti

Il-KtR, bħal post ta’ inkontru għar-reġjuni u l-bliet, jorganizza konferenzi, seminars u wirjiet flimkien mal-imsieħba lokali u reġjonali u istituzzjonijiet oħra tal-UE. Darba fis-sena, waqt l-OPEN DAYS: Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, il-KtR jilqa’ fis-sede tiegħu eluf ta’ parteċipanti li jieħdu sehem f’diskussjonijiet vivaċi jew ifittxu msieħba biex jikkollaboraw magħhom fi proġetti konġunti.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

1992: It-Trattat ta' Maastricht Il-mexxejja tal-UE ddeċidew li jwaqqfu l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) bħala assemblea konsultattiva biex jagħti vuċi lir-reġjuni u l-bliet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni tal-UE u biex jaġixxi bħala linja diretta bejn Brussell u ċ-ċittadini. It-Trattat daħħal l-obbligu li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ministri jikkonsultaw lill-KtR dwar oqsma ewlenin ta’ importanza reġjonali. Il-membri tal-KtR għandhom jinħatru mill-gvernijiet tal-Istati Membri għal perjodu ta’ erba’ snin. F’Marzu 1994 il-KtR organizza l-ewwel sessjoni plenarja fi Brussell.

1995: Tkabbir tal-UE. In-numru tal-membri tal-KtR żdied minn 189 għal 222, wara l-adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja.

1997: It-Trattat ta' Amsterdam Dan jestendi l-mandat tal-KtR biex jinkludi madwar żewġ terzi tal-proposti leġislattivi tal-UE. It-Trattat jagħti wkoll l-opportunità li l-Kumitat jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew.

2001: It-Trattat ta' Nizza Dan jenfasizza l-leġittimità demokratika tal-KtR billi jirrikjedi li l-membri jiġu eletti jew li jkunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta reġjonali jew lokali. Dan it-Trattat jillimita n-numru tal-membri għal 350.

2002-03: Il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-UE Il-membri tal-KtR ħadu sehem f'konvenzjoni responsabbli għall-abbozzar tal-kostituzzjoni tal-UE. It-test jirrikonoxxi b'mod espliċitu r-rwol u s-setgħat tal-gvern lokali u reġjonali; jagħti wkoll id-dritt lill-KtR li jirrikorri għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej meta l-liġijiet tal-UE ma jikkonformawx mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Mejju 2004: Tkabbir tal-UE In-numru tal-membri tal-KtR żdied minn 222 għal 317, wara l-adeżjoni ta’ għaxar Stati Membri ġodda.

Frar 2006: Mandat ġdid Il-KtR beda mandat ġdid ta' erba' snin. Il-prijoritajiet politiċi tiegħu jinkludu t-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b'konformità mal-Istrateġija ta' Lisbona għall-Impjiegi u t-Tkabbir, it-tisħiħ tal-koeżjoni u s-solidarjetà, u spinta lill-kampanja 'Nikkomunikaw l-Ewropa - Ninvestu fil-Livell Lokali' sabiex l-UE tersaq aktar qrib iċ-ċittadini tagħha.

Jannar 2007: Tkabbir tal-UE Bl-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, in-numru tal-membri tal-KtR żdied minn 317 għal 344.

Diċembru 2009: It-Trattat ta' Liżbona It-Trattat ta' Lisbona jikkonferma d-dritt tal-KtR li jappella lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tissalvagwardja l-prerogattivi tiegħu u l-prinċipju tas-sussidjarjetà - dritt li diġà huwa rikonoxxut fil-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-UE. Dan l-intitolament il-ġdid isaħħaħ ir-rwol politiku tal-KtR billi jippermetti li dan jaġixxi b’mod aktar effettiv fix-xena tal-UE għall-benefiċċju tal-awtoritajiet reġjonali u lokali. It-Trattat ta’ Lisbona jestendi l-mandat tal-membri tal-KtR minn erba’ għal ħames snin.

Lulju 2013: Tkabbir tal-UE l-għadd ta’ membri tal-KtR żdied minn 344 għal 353, wara l-adeżjoni tal-Kroazja (l-għadd ta’ membri tal-KtR iktar tard naqas għal 350).

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]