Kon-Katidral ta' San Ġwann

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Il-faċċata tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann

Il-Kon-Katidral ta` San Ġwann jinsab il-Belt Valletta u ġie mibni mill-Ordni Militari Sovran ta' Malta magħruf ukoll bħala l-Ordni ta' San Ġwann. Il-Kon-Katidral ta' San Ġwann, ikkummissjonat fl-1572 mill-Gran Mastru Jean de la Cassière bħala l-knisja konventwali tal-Ordni tal-Kavallieri Ospidalieri ta' San Ġwann, u ddisinjat mill-magħruf arkitett militari Malti, Ġilormu Cassar, jispikka bħala monument uniku ta' importanza internazzjonali. Il-knisja hija ddedikata lil San Ġwann Battista, il-qaddis patrun tal-Ordni.

Storja[editja]

San Ġwann jeħlisha għal ftit minn ħsara serja mill-bombi tul it-Tieni Gwerra Dinjija

Il-faċċata sempliċi, li għandha kampnar kbir fuq kull naħa, hija awstera u għandha l-karattru ta' fortizza li jirrifletti l-istat sobriju tal-Ordni wara l-Assedju l-Kbir. In-navata hija twila 53 metru u wiesgħa 15-il metru u għandha kappelli tal-ġenb fuq kull naħa. Dawn il-kappelli kienu assenjati lid-diversi lingwi skont l-anzjanità. Il-lingwi ta' Franza, l-Italja u Aragona, li kienu predominanti, tqiegħdu l-aktar qrib l-altar.

Kif it-tbexbix tas-seklu 17 daħħal l-istil Barokk ġdid, il-Gran Mastru Cotoner ordna d-dekorazzjoni tal-knisja minn ġewwa. Il-Kavallieri kienu ħerqana li jħabbtuha mal-knejjes kbar ta' Ruma u l-karattru pompuż u dimostrattiv tal-era tahom materjal kemm riedu biex jagħmlu dan. L-artist Kalabriż Mattia Preti, li kien ikkummissjonat b'dan ix-xogħol, bidel ġewwa f'ċelebrazzjoni ta' arti Barokka. Huwa l-kuntrast bejn il-faċċata sempliċi u sobrija tal-binja mal-karattru festiv ta' ġewwa li jagħmel lil San Ġwann monument daqstant uniku.

Il-Gran Mastru Manuel Pinto da Fonseca għamel donazzjonijiet sostanzjali lill-Knisja Konventwali tal-Ordni, fosthom żewġ qniepen kbar u tqal fonduti mill-Mastru Funditur tal-Ordni, Aloisio Bouchut, fl-1747 u fl-1748; dawn għadhom indendlin fil-kampnari tal-Kon-Katidral. Dawn il-qniepen ġew fonduti mill-bronż ta' żewġ bażiliski li ħallew warajhom it-Torok fl-assedju tal-1565.

Fis-seklu 19 il-kappella tal-Lingwa Franċiża kienet il-vittma ewlenija tal-fanatiċiżmu tal-grupp artistiku li kien iġib l-isem Nazarene, li kien jaspira biex jirriforma l-arti Kristjana u jħassar għalkollox il-memorja tal-fjoritura Barokka ta' qablu. San Ġwann tħalla f'idejn Giuseppe Hyzler (1787-1858), il-mexxej ewlieni lokali tal-moviment. B'zelu riformista kbir, beda biex neħħa mill-Kappella Franċiża dak li forsi kien l-aktar altar artistikament interessanti f'San Ġwann. Taħt id-direzzjoni tiegħu saħansitra l-monumenti sepulkrali fil-kappella kellhom jgħaddu minn tibdil u diġà kienet saret xi ħsara lill-monument tal-Gran Mastru de Rohan meta protesta qawwija fis-sajf tal-1840 wasslet biex l-awtoritajiet waqqfu dan l-attakk.

Fl-l941, tul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Kon-Katidral ta' San Ġwann ġarrab ħsarat kbar waqt attakk bil-bombi mill-ajru fuq il-Belt Valletta. Parti mill-Anness sofriet l-aktar u l-knisja nnifisha ħelset qerda totali għal ftit. Il-kampnari u l-Sagristija wkoll saritilhom ħsara kbira u l-bieb prinċipali nfaqa' 'l ġewwa. Fortunatament, dak li kien hemm fil-knisja kien diġà ġie trasferit f'post ieħor fil-ħin.

Intern[editja]

L-intern tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann

L-intern tal-Kon-Katidral, il-biċċa kbira magħmula mill-pittur ta' fama kbira Mattia Preti. L-istil huwa dak Barokk u l-intern huwa imżejjen ħafna speċjalment fil-faċċata. Preti ħadem fil-ħitan u penġa l-artali li kellhom xeni mil-ħajja ta' San Ġwann. Viċin l-entrata prinċipali, wieħed jista' jara' il-monumenti tal-Gran Mastru Fra Marc'Antonio Zondadari.

Opri tal-arti[editja]

Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann, 1608.

Il-knisja stess, għandha numru kbir ta' xogħlijiet importanti tal-arti. Waħda mill-iktar prestiġjużi u importanti hija il-Qtugħ ir-Ras ta' San Ġwann tal-pittur famuż Caravaggio.

Illum[editja]

Illum San Ġwann hu wkoll post fejn isiru avvenimenti kulturali u hu wieħed mill-attrazzjonijiet kulturali l-aktar popolari mat-turisti f'Malta. Huwa amministrat mill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta' San Ġwann li twaqqfet fl-2001 biex tiżgura l-konservazzjoni tal-knisja u tal-mużew.