Knisja Vera ta' Ġesù

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Il-Knisja Vera ta' Ġesù hija denominazzjoni Nisranija indipendenti li nħolqot f'Bejġing, iċ-Ċina, fl-1917. Iċ-ċermen attwali tal-Assemblea Internazzjonali tal-KVĠ huwa l-predikatur Yung-Ji Lin. Illum il-ġurnata hemm bejn wieħed u ieħor 1.5 miljun kredent fi tmienja u erbgħin pajjiż u sitt kontinenti. Il-knisja ħarġet mill-fergħa Pentekostali tal-Kristjaneżmu li spuntat fil-bidu tas-seklu għoxrin. Il-knisja hija wkoll aderenti mat-teoloġija tal-Pentekostali Waħdanija (id-duttrina tal-Isem ta' Ġesù). Huma kienu wkoll wieħed mit-tliet knejjes indiġeni Ċiniżi li eżistew qabel il-ħakma Komunista fiċ-Ċina fl-1949.[1] L-għan tal-knisja huwa li tgħallem il-Vanġelu lill-pajjiżi kollha qabel it-Tieni Miġja ta' Ġesù.

L-għaxar duttrini u twemmin prinċipali[editja]

L-għaxar duttrini u twemmin prinċipali tal-knisja huma:

1. Spirtu s-Santu: "Li nirċievu l-Ispirtu s-Santu, bix-xhieda tat-taħdit bl-ilsna, hu l-garanzija li nirtu s-Saltna tas-Sema".

2. Magħmudija: "Il-magħmudija bl-ilma huwa s-sagrament għall-maħfra tad-dnubiet u għar-riġenerazzjoni. Il-magħmudija għandha sseħħ f'ilma naturali, bħax-xmajjar, il-baħar, jew għajn. Il-ministru tal-magħmudija, li jkun diġà rċieva l-magħmudija tal-ilma u l-Ispirtu s-Santu, imexxi l-magħmudija fl-isem tal-Mulej Ġesù Kristu, u l-persuna li tkun qed tirċievi l-magħmudija għandha tiġi mgħaddsa fl-ilma b'rasha baxxa u wiċċha jħares 'l isfel".

3. Ħasil tas-saqajn: "Is-sagrament tal-ħasil tas-saqajn jippermetti wieħed biex isir ħaġa waħda mal-Mulej Ġesù. Iservi wkoll bħala tifkira dejjiema li wieħed għandu jkollu l-imħabba, l-qdusija, l-umiltà, l-maħfra u jkun ta' servizz. Kull persuna li tkun irċiviet il-magħmudija bl-ilma irid ikollha saqajha maħsula f'isem Ġesù Kristu. Il-ħasil ta' xulxin tas-saqajn għandu jsir kull meta hu xieraq".

4. L-Ewwel Tqarbina: "L-Ewkaristija huwa s-sagrament biex ifakkar il-mewt tal-Mulej Ġesù Kristu. Din tippermetti lilna biex jkollna sehem mil-laħam u d-demm tal-Missier tagħna u li nkunu f'għaqda waħda miegħu sabiex inkunu nistgħu jkollna ħajja dejjiema u niġu mqajjma fl-aħħar jum. Dan is-sagrament għandu jsir spiss kemm jista' jkun. Iridu jintużaw ħobż bla ħmira u meraq tal-għeneb biss".

5. Is-Sibt: "Il-jum tas-Sibt, is-seba' jum tal-ġimgħa, huwa Jum Qaddis, imqaddes minn Alla. Għandu jiġi osservat taħt il-grazzja ta' Alla għat-tifkira tal-ħolqien u s-salvazzjoni ta' Alla u b'tama ta' mistrieħ etern fil-ħajja li ġejja".

6. Ġesù Kristu: "Ġesù Kristu, il-Kelma li saret laħam, miet fuq is-salib għall-fidwa tad-dnubiet, qam minn bejn l-imwiet fit-tielet ġurnata u tela' s-sema. Hu hu l-uniku Salvatur tal-bniedem, il-Ħallieq tas-smewwiet u l-art, u l-uniku Veru Alla".

7. Il-Bibbja: "Il-Bibbja Qaddisa, li tikkonsisti mit-Testment il-Qadim u l-Ġdid, hi ispirata minn Alla, l-uniku verità bil-miktub, li tikkonsisti min-normi ta' imġieba liema kull Kristjan irid isegwi biex ikun Kristjan veru".

8. Salvazzjoni: "Is-Salvazzjoni tingħata bil-grazzja ta' Alla permezz tal-fidi. Dawk li jemmnu għandhom jafdaw fuq l-Ispirtu s-Santu biex jaspiraw għall-qudisja, biex jonoraw 'l Alla, u biex iħobbu lill-umanità".

9. Il-Knisja: "Il-Knisja Vera ta' Ġesù, stabbilita minn Sidna Ġesù Kristu, permezz tal-Ispirtu s-Santu matul iż-żmien tax-"xita posterjuri", hija l-vera knisja restawrata taż-żmien Appostoliku".

10. It-Tieni Miġja: "It-Tieni Miġja ta' Ġesù se sseħħ fl-aħħar jum meta Hu jinżel mis-sema biex jiġġudika lid-dinja: it-tajbin jingħataw ħajja eterna, filwaqt li l-ħżiena jiġu kkundannati għal dejjem".

Referenzi[editja]