Klara ta' Assisi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Santa Kjara ta' Assisi

Santa Klara u stejjer minn ħajjitha, pittura tas-seklu XIII minn Umbrijan anonimu
Twelid 1193
Assisi
Mewt 11 ta' Awwissu 1253
Kanonizzazzjoni 1255
L-ikbar santwarju Basilka ta' Santa Klara f'Assisi
Festa 11 ta' Awwissu
Attributi ġilju, ostja
Patrun/a televiżjoni, telekomunikazzjoni.

Santa Klara jew Kjara (Assisi, 1193 - Assisi, 11 ta' Awwissu, 1253), kienet soru Taljana li flimkien ma' San Franġisk ta' Assisi waqqfet is-Sorijiet Klarissi li llum ilaħħqu mal-20,000 imxerrdin mad-dinja.

Tfulija[editja]

Klara twieldet f'familja nobbli, bint il-kavallier Favarone di Offreduccio. Ommha is-Sinjura Ortolana kienet mara ta' fidi kbira li nisslet fiha mħabba lejn il-foqra u lejn it-talb.

Meta kellha 18-il sena, missierha u ommha riedu jżewġuha lil xi kavallier iżda hi ma riditx. Kienet semgħet bi Franġisku u l-ħajja ġdida ta' faqar li kien jgħix. Fost iż-żgħażagħ li ngħaqdu miegħu kien hemm kuġinuwha, Rufinu. Klara bdiet tiltaqa' ma' San Franġisk flimkien mal-ħabiba tal-­familja, Bona di Guelfuccio. Dan beda juriha kemm hi ħaġa sabiħa li wieħed jikkonsagra lilu nnifsu lil Alla. Dan il-kliem kien jimlieha b'ferħ kbir, u ddeċidiet li bħalu tqassam ġidha lill-foqra, tinża' minn kollox sabiex tilbes lil Kristu u tgħix il-Vanġelu.

Il-Ħarba[editja]

Fuq il-parir ta' Franġisku, Klara ħarbet mid-dar f'Ħadd il-Palm tas-sena 1211 u marret fil-Knisja tal­-Porzjunkola fejn Frangisku u sħabu kienu jistennewha bit-torċi f'idejhom. Hemm f’riġlejn l-altar tal-Madonna ikkonsagrat ruħha lil Alla u wara li Frangisku qatgħelha xagħarha, libbisha ċoqqa bħal tiegħu forma ta' salib. Billi San Frangisk kien jaf bit­-tempesta li kienu se jqajmu l­-familja tagħha xħin isiru jafu bil­-ħarba ta' Klara, ħadha għand is­-Sorijiet Benedittini f'Bastia, qrib Assisi. Meta qrabatha marru għaliha, Klara qabdet mal-altar, neħħiet il-velu u uriethom xagħarha maqtugħ, sinjal tal-konsagrazzjoni u l-offerta lil Alla. Meta raw li kollox kien ta' xejn ħallewha.

F'San Damjan[editja]

Franġisku sabilha monasteru ieħor, dak ta' Sant'Angelo di Panzo fis-Subasio. Hemm ingħaqdet ukoll magħha oħtha, Katerina. Wara xi żmien, Franġisku ħa liż-żewġ aħwa fil-post li hu stess ħejja għalihom, il-monasteru ta' San Damjan. Tfajliet oħra malajr ingħaqdu magħhom u hekk iffurmaw l-ewwel nukleu tas­-Sorijiet Foqra li iktar 'il quddiem bdew jissejħu Sorijiet Klarissi mill-isem ta' Klara.

Profezija li San Franġisk kien għamel fuq Klara u sħabha kienet meta kollu ferħan kien qed isewwi l-Knisja ta' San Damjan u tela' fuq il-ħajt u għajjat: "Ejjew għinuni nibni l-monasteru ta' San Damjan, għaliex għad jiġu joqogħdu fih nisa li bil-fama u l-ħajja qaddisa tagħhom għad jagħtu glorja lill-Missier tagħna tas-sema fil-knisja mqaddsa kollha tiegħu." (Testment 13-14)

Il-Privileġġ tal-Faqar[editja]

Għal Santa Klara li tgħix bla xejn tagħha kien bżonn kbir sabiex tħossha solidali mal-­umanità fqira tal-Iben t'Alla imneżża' min kollox fuq is-salib. Sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-faqar, talbet u kisbet mill-­Papa Innoċenz III, il-"Privileġġ tal-Faqar" fl-1216, li kien jiddistingwi l-Ordni tas-Sorijiet Foqra mill-monakiżmu tradizzjonali. II-Papa Girgor IX ried iħollha minn din it-rabta iżda bl-akbar rispett weġbitu: "Santità, ma nixtieq qatt ­li nkun meħlusa milli nimxi wara Kristu"

Il-Leġġenda tal-Misilmin[editja]

Bi nhar u bil-lejl Klara kienet titlob quddiem it­-Tabernaklu, tikkontempla lil Ġesù fl-Ewkaristija, timmedita fuq il-faqar u ċ-ċokon tat-tarbija ta' Betlem imgeżwer fi ftit ħrieqi u kienet ukoll devota tal-Passjoni ta' Kristu u tal-Madonna.

Meta fl-1240, it-truppi Misilmin mikrija mill-Imperatur Federiku II tal-Isvevja assedjaw Assisi u kienu se jattakkaw il-kunvent ta' San Damjan, Klara talbet lil Ġesù Ewkaristija: "Mulej, ħares il-qaddejja tiegħek li Int fdejt bid-Demm għażiż tiegħek”. It-tradizzjoni tgħid li semgħet leħen bħal ta' tfajjel li weġibha: "Jien dejjem nieħu ħsiebkom." "Ħares Mulej ukoll din il-belt", kompliet titlob Klara, filwaqt li qabdet l-ostensorju, u esponietu fit-tieqa. Dawl jgħammex beżża' lill-Misilmin li ħarbu minn hemm u minn Assisi.

L-aħħar snin[editja]

Mit-tnejn u erbgħin sena li Santa Klara għexet f'San Damjan, disgħa u għoxrin sena minnhom qattgħethom marida fost il-provi kollha li kellha tgħaddi minnhom, fosthom biex tiddefendi r-Regola tagħha li ġiet approvata biss lejlet il-mewt tagħha, fl-età ta' sittin sena. Sentejn biss wara mewtha, Papa Alessandru IV f'Anagni iddikjaraha qaddisa fil-15 t'Awwissu 1255.

Patrunaġġ[editja]

Nhar is-17 ta' Frar 1958 Papa Piju XII iddikjaraha qaddisa patruna tat-televixin u tat-telekomunikazzjoni. Dan għax darba, skond it-tradizzjoni, Klara ħabba l-mard ma setgħetx tkun preżenti għall-Quddiesa tal-Milied u Alla ppermetta li jkollha viżjoni taċ-ċelebrazzjoni. Hija ukoll Patruna tal-Brownies jew Girl Guides.