Kardinal

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Kardinal tal-Knisja Kattolika huwa prelat, magħżul direttament mill-isqof ta' Ruma (il-Papa) biex ikun kollaboratur dirett tiegħu fil-funzjoni tiegħu ta' ragħaj tal-Knisja Kattolika.

L-Għażla tal-Kardinali[immodifika | immodifika s-sors]

M’hemm l-ebda kriterju speċifiku biex isqof jew saċerdot jintagħżel biex isir kardinal. Hija prerogattiva tal-Papa. Minkejja li hemm klawsoli sħaħ fil-liġi kanonika dwar il-ħatra tal-kardinali, kollox hu bbażat fuq l-għażliet li jkun għamel il-Papa nnifsu u l-klawsoli jipprovdu biss għad-dmirijiet u drittijiet li jkollhom il-kardinali wara li jagħżilhom u jaħtarhom il-Papa.

Kull Papa kien kardinal sal-jum li l-konklavi eleġġih Papa. Għalhekk irid jara li minn żmien għal żmien l-għadd ta’ kardinali jkun adattat u mqassam b’mod li jirrappreżenta firxa wiesgħa mid-dinja kattolika biex jagħżel suċċessur għal meta jmut hu. Ma jeżistix perjodu preċiż meta Papa għandu jaħtar kardinali ġodda. Il-Papa jaf li jrid jimxi ma’ dak li kien deċiż fil-5 ta’ Novembru 1973 minn Papa Pawlu VI li l-massimu ta’ kardinali biex jagħżlu Papa ġdid ikun ta’ 120 (Acta Apostolicae Sedis, 1973, Vol. LXV, p. 163). Fit-22 ta’ Frar 1996 Ġwanni Pawlu II ikkonferma dan il-massimu (Universi Dominici Gregis). Ġwanni Pawlu II kien ħatar b’kollox 231 kardinal ġdid. Ir-raba' u l-aħħar Konċistorju pubbliku ta'Papa Benedittu XVI sar fit-18 ta' Frar 2012. Bih l-għadd ta’ Kardinali eletturi, jiġifieri l-għadd ta’ dawk il-Kardinali li jkunu jistgħu jieħdu sehem f’konklavi biex jeleġġu Papa ġdid se jkun ta’ 125. Kemm ilu elett Papa seba’ snin ilu, Benedittu XVI innomina b’kollox 68 Kardinali eletturi, anki jekk tlieta minnhom diġà tilfu l-jedd li jivvutaw f’konklavi minħabba li qabżu t-80 sena, waqt li tnejn oħra mietu.

Skont il-kodiċi tal-liġi tal-knisja, (Can. 351) Papa jista’ jaħtar lil min jidhirlu hu minn fost il-kleru u li fl-opinjoni nfurmata tiegħu jkun denju għall-ħajja eżemplari, għerf, duttrina, virtujiet u prudenza li juri b’mod prattiku. Jekk ikun għadu qassis jew patri jkollu jkun ordnat isqof malli jsir kardinal. F’dan is-sens il-Papa ma jħarisx biss lejn dawk li jkunu diġà qegħdin iservu bħala isqfijiet, imma wkoll oħrajn li jkunu qegħdin jiddistingwu ruħhom fil-qasam li fih ikunu qegħdin iservu lill-knisja f’pajjiżhom jew fid-dinja. Bil-mezzi avvanzati tal-komunikazzjoni u biż-żjarat spissi f’kontinenti oħra, illum il-Papa għandu għarfien iktar dirett dwar dawk li jistħoqqilhom ikunu fost dawk li jagħżlu lil dak li jinħatar warajh!

Dawk li jkunu diġà qegħdin imexxu xi waħda mill-kongregazzjonijiet tal-Kurja Rumana jew kummissjonijiet speċjali u permananeti maħturin mill-Papa, ġeneralment jinħatru wkoll bħala kardinali. Dawn ikunu residenti f’Ruma stess u, skont it-Trattat tal-Lateran tal-1929 (art. 21) jitqiesu bħala ċittadini tal-Vatikan. Hemm imbagħad ħafna kardinali oħra li jkunu wkoll isqfijiet djoċesani f’artijiet madwar il-kontinenti kollha.

Dawn l-isqfijiet jinħatru kardinali jew tkun saret drawwa li l-isqof tat-tali belt magħrufa jkun ukoll kardinal, jew għax bħala persuni jkollhom merti kbar. Jidher ukoll li, kif jaħsbu ħafna osservaturi attenti, ikun hemm xi polemiċi jew kontroversji f’dawk il-pajjiżi bejn il-Knisja u l-Istat u allura l-Papa jidhirlu li għandu jagħti spinta lill-isqof tal-post ħalli jidher iktar b’saħħtu f’għajnejn in-nies kollha f’dak il-pajjiż. F’dan is-sens, infatti, fis-snin sittin, fi żmien il-kwistjoni Politiko-Reliġjuża, kien hawn għidut li l-arċisqof Mikiel Gonzi jista’ jsir kardinal, ħaġa li ma seħħitx. L-istess ġara fl-2010 meta kien hawn għidut li l-arċisqof Pawlu Cremona jista' jsir kardinal fi żmien il-kwistjoni tar-referendum tad-divorzju.

Kien hemm każi wkoll fejn Papa jista’ jaħtar kardinal bla ma jxandar ismu – jinżamm ‘in pectore’, f’qalbu. Dan jagħmlu minħabba ċirkostanzi fejn ħa-ra bħal din tista’ tpoġġi l-ħajja tal-‘kardinal ġdid’ f’periklu minħabba l-ebusija għall-knisja lokali min-naħa tal-Istat, bħal meta l-Papa xtaq jaħtar kardinali fiċ-Ċina jew pajjiżi oħra fejn il-knisja tgħix ħajja iebsa.

Kulleġġ tal-Kardinali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kardinali jiffurmaw dak li jissejjaħ il-Kulleġġ tal-Kardinali li jaf il-bidu tiegħu fis-sena 1150 u sal-15-il seklu ma kienx jilħaq iktar minn tletin u kien ikun magħmul minn uħud bit-titlu ta’ kardinal imma li ma jkunux isqfijiet. Maż-żmien l-għadd kompla jikber sakemm fil-15 ta’ April 1962 il-Papa Ġwanni XXIII ordna li l-kardinali kellhom ikunu kollha isqfijiet (Motu Proprio ‘Cum gravissima’).

Skont il-Kanoni 351 tal-Liġi Kanonika, jew il-Liġi tal-Knisja, biex wieħed ikun nominat Kardinal, irid ikun almenu presbiteru. L-istess Kanoni jgħid li dawk nominati Kardinali, “jekk ma jkunux diġà Isqfijiet, iridu jirċievu l-ordinazzjoni Episkopali”. Madankollu, presbiteru li jkun nominat Kardinal jista’ jitlob dispensa lill-Papa biex ma jkunx ordnat Arċisqof. Fost il-Kardinali riċenti li ma rċevewx l-ordinazzjoni Episkopali meta kienu nominati Kardinali, kien hemm il-Kardinal Urbano Navarrete Cortés SJ, għal ħafna snin professur tal-Liġi Kanonika fl-Università Gregoriana, f’Ruma. Il-Kardinal Navarrete Cortés miet f’Novembru 2010.

Fil-21 ta’ Novembru 1970, Pawlu VI kien iddeċieda li malli kardinal jagħlaq tmenin sena ma jkunx jista’ iktar jieħu sehem fil-konklavi u għalhekk ma jkunx jista’ jkun elett Papa (Motu Proprio ‘Ingravescentem aetatem’).

Dan jinħass ftit kontrastanti mal-fatt li l-isqfijiet djoċesani huma mitlubin joffru r-riżenja tagħhom meta jagħlqu 75 sena, imbagħad jiddeċiedi l-Papa jekk jaċċettahiex jew le. Madankollu, kardinali li jmexxu l-kongregazzjonijiet (dipartimenti) fil-Vatikan iridu wkoll joffru r-riżenja tagħhom meta jagħlqu 75, imma jibqgħu eletturi jew eleġibbli fil-konklavi sa ma jagħlqu 80.

Il-kulleġġ tal-kardinali hu magħmul ukoll minn uħud f’karigi speċifiċi. Id-djaknu, l-iktar wieħed anzjan fil-kariga, ikun dak li jordna lill-Papa ġdid, waqt li l-kardinal djaknu jħabbar l-isem tal-Papa l-ġdid. Il-kardinal ‘camerlengo’ jmexxi l-funzjonijiet wara li jmut Papa sakemm jinħatar ieħor. Ikun speċi ta’ amministratur ewlieni imma biss f’affarijiet ta’ kuljum mingħajr ebda jedd li jordna regoli ġodda.

Il-Ħidma tal-Kardinali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kardinali kollha huma mistennija li jgħinu lill-Papa b’mod kolleġġjali fit-tmexxija tal-Knisja universali u jitqiesu bħala konsulenti tiegħu (Can. 353). Jitlaqqgħu flimkien mill-Papa skont il-ħtieġa f’laqgħat apposta, imsejħin ‘konċistorju’ (privat jew pubbliku, ordinarju jew straordinarju) fejn il-Papa jaqsam magħhom ideat jew deċizjonijiet li jkun irid jieħu dwar materji speċjali ta’ duttrina jew riformi. Issir ukoll konsultazzjoni dwar ħatriet jew trasferimenti ta’ isqfijiet, twaqqif ta’ djoċesijiet ġodda u tlaqqiegħ ta’ sinodi jew konċilji. Sal-1689, fi żmien Innoċenz XI laqgħat bħal dawn kienu jsiru kull xahar, imma maż-żmien bdew isiru biss meta jkun meħtieġ.

F’dawn il-konċistorji l-Papa jista’ wkoll iniedi l-ismijiet u l-merti tal-kardinali ġodda li jkollu ħsieb jaħtar. F’konċistorju ‘ordinarju’ jattendu kardinali li jkunu joqogħdu jew jaħdmu f’Ruma jew fil-Vatikan, waqt li l-kardinali mid-dinja kollha jkunu mistiedna għal konċistorji ‘straordinarji’. F’dawk pubbliċi jistgħu jkunu mistiedna nies oħra, inklużi l-ambaxxaturi għall-Vatikan.

Il-kulur aħmar[immodifika | immodifika s-sors]

Il-lewn formali tal-ilbies tal-kardinali hu distint minn dak tal-isqfijiet. Kardinal jilbes kollox aħmar waqt li isqof jilbes vjola (paonazzo). Il-kulur aħmar jissimbolizza d-disponibiltà tal-kardinal li jxerred demmu għal Kristu.

Kardinal jista’ wkoll jintbagħat mill-Papa bħala Legat (mibgħut) tiegħu f’pajjiżi mbegħda biex jippresiedi f’ismu għal xi ġrajja speċjali għall-knisja lokali – bħal meta kellna fostna lill-Kardinal Muench fl-1960 għaċ-ċentinarju Pawlin.

Il-Konċistorju ta' Kardinali ġodda[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-rit tal-ħolqien tal-Kardinali l-ġodda isir waqt konċelebrazzjoni ewkaristika mmexxija mill-Papa, u jibda eżattament wara l-qari tal-Evanġelju. Ir-rit jibda billi l-Papa jelenka l-ismijiet ta’ dawk li jkunu se jinħatru Kardinali. Wara dawn jagħmlu l-Professjoni tal-Fidi u jwiegħdu fedeltà u ubbidjenza lejn il-Papa u s-suċċessuri tiegħu.

Wara din il-Professjoni ta’ Fidi, Kardinal wara l-ieħor jinżlu għarkobbtejhom quddiem il-Papa biex dan jagħtihom il-karlotta, il-berettin ta’ Kardinal u ċ-ċurkett. Iċ-ċurkett li jirċievu l-Kardinali fuq il-wiċċ tiegħu għandu replika tal-istatwi ta’ San Pietru u San Pawl li jinsabu fil-faċċata tal-Bażilika tal-Vatikan. Iż-żewġ qaddisin pilastri tal-Knisja Kattolika jirrappreżentaw il-fidi u l-proklamazzjoni tal-missjoni tal-Knisja. Bejn iż-żewġ qaddisin hemm stilla bi tmiem ponot, riferenza ċara għall-Verġni Marija, skont l-ikonografija Nisranija. Fil-ġewwieni taċ-ċurkett, taħt il-wiċċ tiegħu, hemm l-istemma tal-Papa preżenti.

Ir-rit ikompli billi l-Papa jassenja lil kull Kardinal knisja partikolari f’Ruma bħala sinjal tas-sehem li kull Kardinal hu mistenni li jkollu fil-ħidma pastorali tal-Papa bħala Arċisqof ta’ Ruma. Il-Papa mbagħad jagħti lil kull Kardinal il-Bolla Kardinalizja u t-Titlu, waqt li jagħtihom ilkoll it-tgħanniqa tal-paċi. Il-Kardinali ġodda mbagħad jagħtu l-paċi lil xulxin u jieħdu l-post assenjat lilhom fuq il-presbiterju.

Ir-rit tal-konċistorju tal-2012 saru xi tibdiliet fih bil-ħsieb li dan ikun aktar sempliċi. Stqarrija tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan bid-data tal-10 ta’ Jannar spjegat li meta kien qed iħejji dawn it-tibdiliet, l-Uffiċċju taċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Vatikan “żamm mal-kriterju prinċipali li jingħata sfond liturġika lil proċess li minnu nnifsu ma jagħmilx parti mil-liturġija. “Il-ħolqien ta’ Kardinali ġodda għandu jkun inserit f’kuntest ta’ talba, waqt li fl-istess żmien tkun evitata kull ħaġa li tista’ tagħti l-idea ta’ ‘cardinalatial sacrament’.” Dan għaliex storikament il-konċistorji qatt ma kienu kkunsidrati bħala parti mir-rit liturġiku, “imma biss bħala laqgħa tal-Papa nnifsu mal-Kardinali, li jaqsmu miegħu t-tmexxija tal-Knisja”.

It-tibdiliet fir-rit tal-ħolqien tal-Kardinali l-ġodda saru bl-approvazzjoni tal-Papa Benedittu XVI nnifsu. Fost l-aktar modifikazzjonijiet importanti, it-tliet fażijiet tar-rit inġiebu flimkien, jiġifieri dawk tat-tqegħid tal-berettin, l-għoti taċ-ċurkett u l-għotja tat-Titlu. Dwar it-tliet aspetti tar-rit, qabel ir-riforma tal-1969 li kien għamel il-Papa Pawlu VI, il-kappell l-aħmar ta’ Kardinal kien jingħata waqt il-konċistorju ‘pubbliku’, li kien ikun segwit minn konċistorju ‘privat’ li matulu kien jingħata ċ-ċurkett u t-titlu lil kull Kardinal.

Id-distinzjoni bejn konċistorju ‘pubbliku’ u ‘privat’ illum m’għadhiex teżisti. Dan wara li l-awtoritajiet tal-Knisja dehrilhom li jkun aktar koerenti li t-tliet fażijiet tar-rit tal-ħolqien tal-Kardinali l-ġodda jinġiebu flimkien f’rit wieħed. Tħalliet biss iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Papa mal-Kardinali l-ġodda, li tradizzjonalment kienet dejjem issir l-għada tal-konċistorju, kif fil-fatt sar fl-2012. Din tibda b’espressjoni ta’ rispett u gratitudni lejn il-Papa li jagħmel wieħed mill-Kardinali l-ġodda f’isem il-Kardinali l-oħra.

Kardinali Maltin[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-6 ta’ Jannar 2012 f’Ruma, li l-Papa Benedittu XVI, wara l-Angelus ta’ nofsinhar, ħabbar li kien se jlaqqa’ Konċistorju biex jinnomina 22 membru ġdid tal-Kulleġġ tal-Kardinali, fosthom lill-Malti Prospero Grech. Il-Papa dakinhar iddeskriva lil Patri Prospero Grech OSA bħala “professur emeritu ta’ għadd ta’ universitajiet Rumani u Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi”. Patri Prospero huwa t-tieni Kardinal Malti fl-istorja tal-Knisja, wara li fis-seklu dsatax Malta kellha Kardinal ieħor, Fabrizio Sceberras Testaferrata, li kien nominat Kardinal mill-Papa Piju VII fil-Konċistorju tas-6 t’April 1818. Il-Kardinal Sceberras Testaferrata kien mill-Belt Valletta. Tul is-27 sena li dam Kardinal sal-mewt tiegħu f’Awwissu 1843, il-Kardinal Sceberras Testaferrata pparteċipa fi tliet konklavi li taw lill-Knisja tliet Papiet.