Joseph Muscat

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Joseph Muscat.jpg

Joseph Muscat (Burmarrad, 22 ta' Jannar 1974) huwa l-mexxej tal-Partit Laburista Malti u attwalment il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Werrej

[editja] Edukazzjoni

Bin Salvu, negozjant, u Grace, ħajjata, Joseph Muscat ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola St Francis, l-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar, l-Iskola Stella Maris, fil-Kulleġġ San Alwigi, u fl-Università ta' Malta. Fl-1995, iggradwa bil-Baċellerat tal-Kummerċ, bi speċjalizzazzjoni fil-Management u Public Policy. Fl-1996 iggradwa fil-Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fil-Public Policy. Fl-1997 ġab il-Masters tal-Arti fl-Istudji Ewropej u d-Dottorat fil-Management Research mill-Università ta' Bristol, b'teżi dwar riċerka innovattiva fuq intrapriżi żgħar u l-multinazzjonali, fl-2007.

[editja] Fil-Politika

Fl-1992, meta Muscat kien għad kellu 18-il sena inghaqad ma' ONE Radio, l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, li dak iż-żmien kien jismu Super One Radio u sar ġurnalist. Fl-1994 daħal fil-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) u nħatar Segretarju Finanzjarju, Deputat Chairperson u Aġent Chairperson. Fl-1995, kien elett fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, fejn dam sal-2001 meta nħatar Segretarju Edukattiv tal-Partit Laburista, kariga li żamm sal-2004.

Bejn l-1997 u 1998 huwa ta sehem fl-implimentazzjoni tal-istrateġija industrijali tal-Gvern Laburista ta' Alfred Sant. Kien parti mill-grupp li waqqaf l-Istitut għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi ż-Żghar (IPSE), li ngħata fondi Ewropej għar-ristrutturar tal-industrija.

Muscat kien membru tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Moralità Fiskali u membru tad-Djalogu Ewro-Għarbi tal-Kunsill tal-Ewropa. Kien iċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Mediterran tal-International Union of Socialist Youth (IUSY) waqt il-laqgha ta' Malta fl-1999, u attenda bosta laqgħat tal-European Young Socialists (ECOSY) f'isem il-Forum Żgħażagħ Laburisti.

Fl-2001, Muscat tqabbad mill-Partit Laburista biex jagħmel sit elettroniku tal-aħbarijiet bl-Ingliż, maltastar.com.

Fl-2003, Joseph Muscat inħatar membru fi grupp ta' ħidma, immexxi minn George Vella u Evarist Bartolo, li fassal il-politika Laburista dwar l-Unjoni Ewropea, li ħareġ id-dokument Il-Partit Laburista u l-Unjoni Ewropea: Għall-Ġid tal-Maltin u l-Għawdxin li f'Novembru ta' dik is-sena kien aċċettat mill-Konferenza Ġenerali. Fl-istess konferenza, Muscat kien approvat bħala kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

[editja] Membru tal-Parlament Ewropew

Muscat kien elett fil-Parlament Ewropew f'Ġunju 2004 bi kważi 37,000 vot, l-iktar kandidat li ġab voti għall-Partit Laburista. Fil-Parlament Ewropew, Muscat kien membru tal-Kumitat għall-Ekonomija u Affarijiet Monetarji, il-Kumitat għas-Suq Intern u Protezzjoni tal-Konsumatur. Fl-2007, kien elett Viċi President tal-Kumitat għall-Ekonomija u Affarijiet Monetarji tal-Parlament Ewropew. Muscat tqabbad ukoll jagħmel rapporti fuq il-kontijiet tat-telefonija ċellulari (Roaming) u rapport fuq il-bejgħ u xiri tal-banek. Ħadem fuq it-tneħħija tat-taxxa fuq id-dixxijiet tas-satelliti, d-dritt li konsumaturi jaraw avvenimenti sportivi ewlenin mingħajr ħlas, u l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tal-mediċini.

Muscat irriżenja mill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Settembru 2008 biex jieħu postu fil-Parlament Malti u jassumi l-irwol ta' Kap tal-Oppożizzjoni wara li kien elett Mexxej tal-Partit Laburista.

[editja] Mexxej tal-Partit Laburista

Nhar l-24 ta' Marzu 2008 Muscat ħabbar il-kandidatura tiegħu għal mexxej wara r-riżenja ta' Alfred Sant. Nhar il-5 ta' Ġunju 435 minn 879 delegat ivvutaw għal Joseph Muscat, 3 voti biss inqas mill-kwota meħtieġa, jiġifieri 50% u wieħed tal-voti validi mitfugħin, li kienet ta' 438 vot. It-tieni l-eqreb kontestant lejn Joseph Muscat kien George Abela, li kiseb 200 vot. It-tliet kontestanti l-oħra li kienu eliminati mit-tiġrija għall-ħatra ta' Mexxej Laburista - Michael Falzon, Evarist Bartolo u Marie Louise Coleiro Preca kisbu 181 vot, 32 vot u 26 vot rispettivament. L-għada 865 delegat reġgħu vvutaw f'votazzjoni oħra bejn Joseph Muscat u George Abela biss, li fiha Muscat kiseb 574 vot, 66%. George Abela kiseb 291 vot, 34%. Dan kien żieda ta' 139 vot fuq l-ammont tal-jum ta' qabel fil-każ ta' Joseph Muscat u żieda ta' 91 vot fil-każ ta' George Abela. Mat-tħabbira tar-rebħa tiegħu, Muscat talab lil dawk kollha li kienu fis-sala biex jagħtu applaws kbir lil George Abela. B'messaġġ dirett lejn Abela, Muscat qallu li dik hija daru u li fil-Partit Laburista hemm post għalih.

Nhar it-8 ta' Ġunju 2008, Muscat għamel mass rally fil-Kwartieri tal-Partit fil-Ħamrun li fih dehru eks-Membri Parlamentari Laburisti u eks-Ministri Laburisti li kienu ilhom ma jidhru fil-Partit Laburista bħal John Dalli, Salvu Sant, Lino Debono, Bertu Pace, Joe Abela, Joe Brincat, Maria Camilleri, Joe Micallef Stafrace, Joe Grima, Reno Calleja, Louis Buhagiar, Philip Muscat, Joseph Saliba, Carmelo Brincat u Paul Chetcuti Caruana. Bagħtu t-tislijiet tagħhom, imma minħabba impenji oħrajn ma setgħux jiġu Carmen Sant, Carmelo Borg, Daniel Piscopo, Cettina Darmenia Brincat, Alex Sciberras Trigona u Carmelo Buttigieg. Muscat qal li hu kien stieden b'mod personali lil dawk kollha li kienu jirrappreżentaw lil Partit Laburista fil-Parlament tul iż-żmien kollu u lil dawn qalilhom li:

 Intom postkom magħna, kollha kemm intkom. Stedint ukoll lil dawk li huma membri Parlamentari tal-lum - it-tim ta' l-azzar – għax il-Partit Laburista, bl-għażla tiegħi bħala mexxej, qiegħed jiftaħ staġun politiku ġdid. Għalhekk mal-poplu Malti rridu nkunu onesti miegħu u ngħidulu li fejn fil-passat żbaljajna jiddispjaċina, imma fil-passat għamilna ħafna affarijiet tajbin u se nfakkruhom. 

Joseph Muscat, għamel diskors li baqa' magħruf, meta qal lil dawk preżenti:

 Inħobbkom u ejjew inħobbu lil xulxin. Ir-reposnsabbilità li fdajtuli jumejn ilu hija unur, piż u privileġġ għax naf li qabli kien hemm nies ta' stoffa enormi. Bl-għażla tiegħi qed jiftaħ bil-fatt staġun politiku ġdid. 

Muscat semma l-mexxejja tal-Partit Laburista, lil Willie Savona li ħoloq u mexxa lill-Partit Laburista fi żmien meta l-ħsibijiet tiegħu ma kinux jiġu milqugħin. Semma li qed jimla l-post ta' Pawlu Boffa li kien il-bniedem li ta tifsira lid-demokrazija soċjali bil-fatti. Qal li huwa ġej wara dak li kien, għadu, u jibqa' Missier il-Partit Laburista, Dom Mintoff, liema isem ħadd mhu se jħassru minn qalbu. Semma li dieħel fl-istess post tal-bniedem li żamm flimkien lill-Partit Laburista fi żmien tant delikat, Karmenu Mifsud Bonnici u finalment qal li huwa qiegħed jiġi fdat bil-fiduċja biex jimla l-post tal-bnidem li għaqqad lill-Partit Laburista, Alfred Sant. Iżda qal li

 Iż-żmien ta' qabel, fejn kien hemm xi ħadd minna li kellu jagħmel għażla jekk hux ta Mintoff, ta' Sant jew ta' ħaddieħor spiċċa. Aħna kollha tal-Labour. Irridu nħarsu 'l quddiem...

It-terrimot intern li se nwettaq forsi mhux se jogħġob lil kulħadd u se jdarras lil min qiegħed hawn ġew. Imma huma bidliet bżonnjużi. L-istaġun politiku ġdid ifisser ukoll li l-Gvern se jsib quddiemu oppożizzjoni soda li mhiex se ċċedi. Imma n-nies ta' l-età tiegħi, jien inkluż, għax irrid inbiddel l-affarijiet, se mmexxi lill-Partit fl-interess nazzjonali, naħdmu id f'id mal-Gvern. Dan huwa stil ta' politika li hawn għatx għalih f'Malta u f'Għawdex. 

Muscat kien ko-optjat fil-Parlament Malti nhar l-1 ta' Ottubru 2008 biex jimla s-siġġu tad-Deputat Laburista Joseph Cuschieri.

Ġimgħa wara l-ħatra tiegħu bħala Mexxej, Muscat stieden lil Dom Mintoff iżur il-Kwartieri Ġenerali tal-Partit. Nhar il-31 ta' Marzu 2009, Mintoff attenda għaċ-ċele­b­razzjonijiet tat-30 sena ta' Jum il-Ħel­sien organizzati mill-Partit Laburista fil-Birgu. Nhar il-5 ta' Dicembru, 2009, Dom Mintoff għamel żjara fiċ-Ċentru Naz­zjonali Laburista l-Ħamrun, l-ewwel darba li Mintoff daħal f'dan il-bini li ilu jservi ta' kwartieri tal-Partit Laburista sa mill-1995. Mintoff intlaqa' fiċ-Ċentru minn Muscat li mbagħad kellhom laqgħa privata flimkien fl-uffiċċju tiegħu.

[editja] Uċuh ġodda fil-Partit Laburista

Fl-ewwel tliet snin tat-tmexxija ta' Joseph Muscat ingħaqdu mal-Partit Laburista persuni li qabel kienu jaħdmu fil-kamp Nazzjonalista bħal Marisa Micallef Leyson, Mario Farrugia Borg, Deborah Schembri u Cyrus Engerer. Ħareġ ukoll mal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet Ewropej il-Professur Edward Scicluna, li qabel ma kienx fil-politika. Lydia Abela, mart iben il-President George Abela saret is-segretarju eżekuttiv tal-Partit Laburista. Robert Abela, bin il-President, se joħroġ għall-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Laburista. John Bundy, eks-kandidat tal-PN, beda jippreżenta programm fuq ONE TV. Fil-Konferenza Ġenerali tal-2011, ħabbru li se joħorġu għall-ewwel darba għall-elezzjoni mal-Partit il-mużiċista Sigmund Mifsud, l-avukat tal-General Workers' Union Joanne Vella Cuschieri, u t-tobba Deo Debattista u Silvio Grixti.

[editja] L-Elezzjonijiet Ewropej tal-2009

Nhar is-6 ta' Ġunju 2009, Muscat iffaċċja l-ewwel elezzjoni tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, sena wara l-ħatra tiegħu. Il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjonijiet Ewropej b'55% tal-voti, 35,600 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 40% tal-voti. Il-Partit Laburista ġab 7% aktar minn kemm kien ġab fl-2004. Reġa' ġab 3 siġġijiet minn 5, u jieħu anke s-sitt siġġu meta dan jiġi approvat it-Trattat ta' Lisbona.

Il-kandidat minn fost it-tnax li kienu qegħdin jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista bl-akbar għadd ta’ voti fl-ewwel għadd kien Louis Grech, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Parlament Ewropew li kiseb 27,753 vot, 20% tal-voti li kiseb il-Partit Laburista jew 11% tal-voti kollha miftugħin f’din l-elezzjoni; żieda ta’ 12,382 vot fuq kemm kien ġab fl-ewwel Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2004.

Il-Professur Edward Scicluna li kkontesta l-ewwel darba f'isem il-Partit Laburista, ġab 24,574 vot (9.7% tal-voti mitfugħin u 18% tal-voti Laburisti).

John Attard Montalto naqqas 12,407 vot u ġab 12,880 jew 9.5% tal-voti kollha li nkisbu mill-Partit Laburista, imma xorta kien elett bil-voti li wiret.

Joseph Cuschieri ġab 19,672 vot (7.7% tal-voti miftugħin u 14.5% tal-voti tal-Partit Laburista.

Glenn Bedingfield ġab 4,982 vot u ma kienx elett, 8,453 inqas mill-voti li kien kiseb fl-ewwel għadd ta’ ħames snin ilu meta dakinhar huwa kiseb 13,435 vot.

Marlene Mizzi li ukoll ikkontestat għall-ewwel darba f'isem il-Partit Laburista, ġabet 17,724 vot (7% tal-voti mitfugħin jew 13% tal-voti Laburisti) imma ma kinitx eletta.

[editja] Il-Liġi tad-Divorzju (2011)

Sa minn qabel il-ħatra tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista f'Ġunju 2008, Joseph Muscat wiegħed kemm-il darba li fl-ewwel darba li jkun hemm Gvern Laburista hu personalment (Private Member’s Bill) kien se jressaq liġi tad-divorzju għall-approvazzjoni tal-Parlament. Nhar is-6 ta' Lulju 2010, id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando ressaq Private Member’s Bill fil-Parlament biex jiġi introdott id-divorzju. F'Novembru 2010 twaqqaf il-Moviment Iva għad-Divorzju, b'Deborah Schembri, ċerpersin tal-moviment, u b'membri prominenti bħall-Membru Parlamentari u eks-Ministru Laburista Evarist Bartolo, u Jeffrey Pulli­cino Orlando, iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Michael Briguglio, l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon u Marlene Mizzi.

Nhar is-16 ta' Marzu 2011 tressqet mozzjoni tal-Oppożizzjoni quddiem il-Parlament dwar kif għandha tkun il-mistoqsija tar-referendum li se jsir fit-28 ta' Mejju 2011, jiġifieri “Taqbel mal-introduzzjoni tal-għażla tad-divorzju f’każ ta’ koppja miż­żewġa li tkun ilha sseparata jew tkun ilha ma tgħix flimkien għal mill-inqas erba’ snin u meta ma jkun hemm l-ebda tama raġjonevoli ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin, fil-waqt li jkun garantit manteniment adegwat u jkunu mħarsa t-tfal?” Din għaddiet għax ivvutat għaliha l-Oppożizzjoni kollha u żewġ Membri Parlamentari Nazzjonalisti, Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett. Għar-Referendum tat-28 ta' Mejju ħarġu jivvutaw 232,691 persuna jew 73% ta' dawk li kellhom dritt jivvutaw, u dan għadda b’maġġoranza ta’ 53.2%, b'distakk ta' 14,576 vot. L-għada, Muscat sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li fiha ddikjara li b’dan ir-riżultat, bdiet titwieled Malta differenti, Malta ġdida. Huwa wera ruħu sodisfatt li fil-ġimgħat li għaddew, tkellem fil-beraħ dwar il-pożizzjoni tiegħu, minflok għażel li jistaħba. Joseph Muscat qal li huwa kburi li għamel dak kollu li huwa sewwa, minflok għażel li jagħmel dak li kien ikun l-inqas politikament riskjuż u l-aktar politikament konvenjenti.

Nhar it-2 ta' Ġunju 2011, id-deputata Laburista Marie Louise Coleiro Preca ħabbret li fiċ-ċirkostanzi kif żviluppaw mhux se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss bħala kandidata elettorali f'isem il-Partit Laburista. Qalet li kienet diġa' infurmat lill-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat b'din id-deċiżjoni nhar it-Tlieta 31 ta' Mejju, jiġifieri jumejn wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum. Fi stqarrija l-ġurnata ta' qabel, hija kienet semmiet kif kien hemm min hedded, immalafama u intimida lilha u lill-familja tagħha dwar il-pożizzjoni li kienet ħadet fil-kampanja għar-referendum, kontra d-dħul tad-divorzju. Iżda tmintax-il jum wara din l-istqarrija, nhar l-20 ta' Ġunju, Coleiro Preca ħabbret li se terġa' tikkontesta mill-ġdid l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Laburista wara t-turija kbira ta' appoġġ u solidarjeta' li l-elettorat tas-Sitt Distrett u l-insistenza u l-ħeġġa li urew l-eluf ta' familji fid-distrett u barra minnu biex terġa' tikkounsidra d-deċiżjoni tagħha, ġabuha f'qagħda li kellha tirrifletti bis-sħiħ fuq id-deċiżjoni li kienet ħadet. Hi semmiet ukoll l-istqarrijiet tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat li ikkonferma li hi kienet konformi mal-linja tal-partit komplew għabbewha bil-piż biex tirrevedi d-deċiżjoni dwar il-kandidatura tagħha.

Nhar it-3 ta' Ġunju, l-avukatessa Deborah Schembri, ċerpersin tal-moviment Iva għad-Divorzju, ħabbret li fl-elezzjoni ġenerali li kien imiss kienet se tikkontesta f'isem il-Partit Laburista wara talba li saritilha minn Muscat.

Nhar it-13 ta' Lulju 2011, għadda mill-Parlament it-tieni qari tal-abbozz ta' liġi dwar id-dħul tad-divorzju f'Malta, b'44 vot favur, 13-il vot kontra u 12-il astensjoni. Il-Priministru Gonzi u l-Ministri kollha, barra wieħed (Joseph Cassar) ivvutaw kontra jew astjenew. Il-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni vvutaw kollha favur, ħlief Adrian Vassallo li vvota kontra u Marie-Louise Coleiro Preca li astjeniet. Tnax -il Membru Parlamentari Nazzjonalista vvutaw favur.

Nhar il-15 ta' Lulju 2011 il-Viċi Sindku ta' Tas-Sliema Cyrus Engerer irriżenja minn kull kariga fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u ingħaqad mal-Partit Laburista. Dan għamlu għax iddiżappunta ruħu għall-mod kif il-Prim Ministru vvota fil-parlament dwar it-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar id-divorzju u "l-prinċipji u l-valuri liberali u demokratiċi tiegħi huma f'kunflitt mal-prattiċi li qed jippersistu fil-Partit Nazzjonalista".

[editja] L-Elezzjonijiet Lokali tal-2012

Nhar l-10 ta' Marzu 2012, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru f’35 lokalità madwar Malta u Għawdex bi swing ta’ 5.5% fil-voti għall-Partit Laburista u tnaqqis ta’ 5.26% fil-voti għall-Partit Nazzjonalista. F’dawn l-elezzjonijiet ħarġu jivvotaw ftit aktar minn 59%, bi kważi 56% tal-voti jmorru għall-PL. Il-PL rebaħ lokalitajiet li tradizzjonalment dejjem kienu f’idejn il-PN, f'San Pawl il-Baħar, Ħal Safi u l-Qala. F’lokalitajiet oħrajn tradizzjonalment Nazzjonalisti, il-PL irnexxielu jżid il-voti b’persentaġġi sostanzjali fosthom f’Ħal Balzan, is-Siġġiewi u San Ġiljan fejn żied il-voti b’7%, b’4% u 10.7% rispettivament. Minn 35 lokalità li fihom saru l-elezzjonijiet, f’21 minnhom il-Partit Laburista ġab maġġoranza tal-voti. B'kollox kien hemm 61,751 li vvutaw għall-Partit Laburista, 46,409 li vvutaw għall-Partit Nazzjonalista, 1,797 vot għall-Alternattiva Demokratika u 960 għall-kandidati indipendenti. Il-PL ġab 15,342 vot iktar mill-PN, 14% iktar.

[editja] Ħajja Personali

Joseph Muscat huwa miżżewweġ lil Michelle imwielda Tanti (kienet Assistenta Personali ta' Alfred Sant), u għandu żewġ bniet tewmin: Etoile Ella u Soleil Sophie.

[editja] Ħoloq esterni

Għodda personali
Spazji tal-isem

Varjanti
Azzjonijiet
Navigazzjoni
Komunità
Għodda
F'lingwi oħrajn